search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'fl-entitajiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fl-entitajiet:


whereas fl-entitajiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 355

 

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li għandhom l-għan li jiksbu livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni fir-rigward ta’:

(a)

l-istabbiliment minn kull entità tal-Unjoni ta’ qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 6;

(b)

il-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, ir-rapportar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

(c)

l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tal-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, kif ukoll l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE);

(d)

il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta ’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 14

Linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni

1.   Is-CERT-UE għandu jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi joħroġ:

(a)

sejħiet għal azzjoni li jiddeskrivu miżuri ta’ sigurtà urġenti li l-entitajiet tal-Unjoni huma mħeġġa jieħdu f’perjodu ta’ żmien stabbilit;

(b)

proposti lill-IICB għal linji gwida indirizzati lill-entitajiet kollha tal-Unjoni jew lil subsett tagħhom;

(c)

proposti lill-IICB għal rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet individwali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi s-sejħa għal azzjoni, tinforma lis-CERT-UE dwar kif ġew applikati l-miżuri ta’ sigurtà urġenti.

2.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

metodoloġiji komuni u mudell għall-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, inklużi l-iskali jew il-KPIs korrispondenti, li jservu bħala referenza b’appoġġ għat-titjib kontinwu taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet kollha tal-Unjoni u li jiffaċilitaw il-prijoritizzazzjoni tad-dominji u l-miżuri taċ-ċibersigurtà filwaqt li titqies il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet;

(b)

arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà jew it-titjib tagħha u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà;

(c)

arranġamenti għall-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà u l-pjanijiet taċ-ċibersigurtà;

(d)

meta xieraq, l-użu ta’ teknoloġija komuni, arkitettura, sors miftuħ u l-aħjar prattiki assoċjati bil-għan li jinkisbu l-interoperabbiltà u l-istandards komuni, inkluż approċċ koordinat għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista;

(e)

meta xieraq, informazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti għal akkwist komuni għax-xiri ta’ servizzi u prodotti rilevanti taċ-ċibersigurtà minn fornituri terzi;

(f)

arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20.


whereas









keyboard_arrow_down