search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'filwaqt' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index filwaqt:


whereas filwaqt:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 681

 

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 12

Konformità

1.   L-IICB, skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11, għandu jimmonitorja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni adottati mill-entitajiet tal-Unjoni. L-IICB jista’ jitlob l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni meħtieġa għal dak l-għan mill-entitajiet tal-Unjoni. Għall-fini tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konformità skont dan l-Artikolu, meta l-entità tal-Unjoni kkonċernata tkun rappreżentata direttament fuq l-IICB, dik l-entità tal-Unjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

2.   Meta l-IICB isib li entità tal-Unjoni ma implimentatx b’mod effettiv dan ir-Regolament jew il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew is-sejħiet għal azzjoni maħruġa skont ir-Regolament, huwa jista’, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri interni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, u wara li jagħti opportunità lill-entità tal-Unjoni kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha:

(a)

jikkomunika opinjoni motivata lill-entità tal-Unjoni kkonċernata dwar lakuni osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jipprovdi, wara li jikkonsulta lis-CERT-UE, linji gwida lill-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiżgura li l-qafas, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, il-pjanijiet taċ-ċibersigurtà u r-rapportar tagħha jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament f’perjodu ta’ żmien speċifikat;

(c)

joħroġ twissija biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’perjodu ta’ żmien speċifikat, inklużi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati miżuri adottati mill-entità tal-Unjoni kkonċernata skont dan ir-Regolament;

(d)

joħroġ notifika motivata lill-entità tal-Unjoni kkonċernata, f’każ li n-nuqqasijiet identifikati fi twissija maħruġa skont il-punt (c) ma jkunux ġew indirizzati biżżejjed fil-perjodu ta’ żmien speċifikat;

(e)

joħroġ:

(i)

rakkomandazzjoni biex isir awditu; jew

(ii)

talba li jsir awditu minn servizz tal-awditjar terz;

(f)

jekk applikabbli, jinforma lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ambitu tal-mandat tagħha, dwar l-allegata nonkonformità;

(g)

joħroġ rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri u l-entitajiet tal-Unjoni kollha jimplimentaw sospensjoni temporanja tal-flussi tad-data lill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), id-destinatarji ta’ twissija għandhom jiġu limitati b’mod xieraq, meta meħtieġ fid-dawl ta’ riskju taċ-ċibersigurtà.

It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu diretti lejn l-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni kkonċernata.

3.   Meta l-IICB ikun adotta miżuri skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (g), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha tipprovdi dettalji tal-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet allegati identifikati mill-IICB. L-entità tal-Unjoni għandha tissottometti dawk id-dettalji fi żmien raġonevoli li għandu jiġi miftiehem mal-IICB.

4.   Meta l-IICB iqis li hemm ksur kontinwu ta’ dan ir-Regolament minn entità tal-Unjoni li jirriżulta direttament minn azzjonijiet jew ommissjonijiet ta’ uffiċjal jew aġent ieħor tal-Unjoni, inkluż fl-ogħla livell tal-maniġment, l-IICB għandu jitlob li l-entità tal-Unjoni kkonċernata tieħu azzjoni xierqa, inkluż li jikkunsidra li jitlobha tieħu azzjoni ta’ natura dixxiplinarja, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u f’xi regoli u proċeduri applikabbli oħra. Għal dak il-għan, l-IICB għandu jittrasferixxi l-informazzjoni meħtieġa lill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

5.   Meta l-entitajiet tal-Unjoni jinnotifikaw li ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 8(1), l-IICB jista’, f’każijiet debitament sostanzjati, filwaqt li jqis id-daqs tal-entità tal-Unjoni, jawtorizza l-estensjoni ta’ dawk l-iskadenzi.

KAPITOLU IV

CERT-UE

Artikolu 14

Linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni

1.   Is-CERT-UE għandu jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi joħroġ:

(a)

sejħiet għal azzjoni li jiddeskrivu miżuri ta’ sigurtà urġenti li l-entitajiet tal-Unjoni huma mħeġġa jieħdu f’perjodu ta’ żmien stabbilit;

(b)

proposti lill-IICB għal linji gwida indirizzati lill-entitajiet kollha tal-Unjoni jew lil subsett tagħhom;

(c)

proposti lill-IICB għal rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet individwali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi s-sejħa għal azzjoni, tinforma lis-CERT-UE dwar kif ġew applikati l-miżuri ta’ sigurtà urġenti.

2.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

metodoloġiji komuni u mudell għall-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, inklużi l-iskali jew il-KPIs korrispondenti, li jservu bħala referenza b’appoġġ għat-titjib kontinwu taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet kollha tal-Unjoni u li jiffaċilitaw il-prijoritizzazzjoni tad-dominji u l-miżuri taċ-ċibersigurtà filwaqt li titqies il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet;

(b)

arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà jew it-titjib tagħha u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà;

(c)

arranġamenti għall-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà u l-pjanijiet taċ-ċibersigurtà;

(d)

meta xieraq, l-użu ta’ teknoloġija komuni, arkitettura, sors miftuħ u l-aħjar prattiki assoċjati bil-għan li jinkisbu l-interoperabbiltà u l-istandards komuni, inkluż approċċ koordinat għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista;

(e)

meta xieraq, informazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti għal akkwist komuni għax-xiri ta’ servizzi u prodotti rilevanti taċ-ċibersigurtà minn fornituri terzi;

(f)

arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20.

Artikolu 16

Kwistjonijiet finanzjarji u ta’ persunal

1.   Is-CERT-UE għandu jiġi integrat fl-istruttura amministrattiva ta’ direttorat ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-istrutturi ta’ appoġġ amministrattiv, ta’ ġestjoni finanzjarja u kontabilistiku tal-Kummissjoni, filwaqt li jżomm l-istatus tiegħu bħala fornitur interistituzzjonali awtonomu ta’ servizzi għall-entitajiet kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-IICB dwar is-sede amministrattiva tas-CERT-UE u kwalunkwe modifika tagħha. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-arranġamenti amministrattivi relatati mas-CERT-UE fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ qabel l-istabbiliment ta’ kwalunkwe qafas finanzjarju pluriennali skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa. Ir-rieżami għandu jinkludi l-possibbiltà li s-CERT-UE jiġi stabbilit bħala uffiċċju tal-Unjoni.

2.   Għall-applikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji, il-Kap tas-CERT-UE għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kummissjoni u taħt is-superviżjoni tal-IICB.

3.   Il-kompiti u l-attivitajiet tas-CERT-UE, inklużi s-servizzi pprovduti mis-CERT-UE skont l-Artikolu 13(3), (4), (5) u (7) u l-Artikolu 14(1) lill-entitajiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali ddedikata għall-amministrazzjoni pubblika Ewropea, għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ linja baġitarja distinta tal-baġit tal-Kummissjoni. Il-karigi assenjati lis-CERT-UE għandhom jiġu spjegati f’nota f’qiegħ il-paġna tal-pjan ta’ stabbiliment tal-Kummissjoni.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja annwali lis-CERT-UE biex ikopru s-servizzi pprovduti mis-CERT-UE skont dak il-paragrafu. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-orjentazzjonijiet mogħtija mill-IICB u miftiehma bejn kull entità tal-Unjoni u s-CERT-UE fi ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jirrappreżentaw sehem ġust u proporzjonat tal-kostijiet totali tas-servizzi pprovduti. Għandhom jiġu riċevuti mil-linja baġitarja distinta msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, bħala dħul assenjat intern, kif previst fl-Artikolu 21(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

5.   Il-kostijiet tas-servizz previsti fl-Artikolu 13(6) għandhom jiġu rkuprati mill-entitajiet tal-Unjoni li jirċievu s-servizzi tas-CERT-UE. Id-dħul għandu jiġi assenjat lil-linji baġitarji li jappoġġjaw il-kostijiet.

Artikolu 17

Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri

1.   Is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-kontropartijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-CSIRTs iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ inċidenti, theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, kontromiżuri possibbli kif ukoll l-aħjar prattiki u dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż permezz tan-network ta’ CSIRTs stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-CERT-UE għandu jappoġġja lill-Kummissjoni fl-EU-CyCLONe stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

2.   Meta s-CERT-UE jsir jaf b’inċident sinifikanti li jseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lil kwalunkwe kontroparti f’dak l-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Dment li d-data personali tkun protetta f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jiskambja informazzjoni rilevanti speċifika għall-inċident mal-kontropartijiet tal-Istati membri biex jiffaċilita d-detezzjoni ta’ theddid jew inċidenti ċibernetiċi simili, jew biex jikkontribwixxi għall-analiżi ta’ inċident, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità tal-Unjoni affettwata. Is-CERT-UE għandu jiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident biss fil-każ ta’ wieħed minn dan li ġej:

(a)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun tat il-kunsens tagħha;

(b)

l-entità tal-Unjoni affettwata ma tagħtix il-kunsens tagħha kif previst fil-punt (a) iżda d-divulgazzjoni tal-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata żżid il-probabbiltà li l-inċidenti xi mkien ieħor jiġu evitati jew mitigati;

(c)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun diġà għamlet pubbliku l-fatt li kienet affettwata.

Id-deċiżjonijiet biex tiġi skambjata informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu approvati mill-Kap tas-CERT-UE. Qabel ma joħroġ tali deċiżjoni, is-CERT-UE għandu jikkuntattja lill-entità tal-Unjoni affettwata bil-miktub, filwaqt li jispjega b’mod ċar kif id-divulgazzjoni tal-identità tagħha tgħin biex jiġu evitati jew mitigati inċidenti xi mkien ieħor. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipprovdi l-ispjegazzjoni u jitlob b’mod espliċitu lill-entità tal-Unjoni biex tiddikjara jekk tagħtix il-kunsens tagħha f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jinforma wkoll lill-entità tal-Unjoni li, fid-dawl tal-ispjegazzjoni pprovduta, jirriżerva d-dritt li jiddivulga l-informazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kunsens. L-entità tal-Unjoni affettwata għandha tiġi infurmata qabel ma l-informazzjoni tiġi ddivulgata.


whereas









keyboard_arrow_down