keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 1 Suġġett
- 2 Artikolu 6 Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà
- 2 Artikolu 11 Kompiti tal-IICB
- 1 Artikolu 13 Missjoni u kompiti tas-CERT-UE
- 4 Artikolu 15 Il-Kap tas-CERT-UE
- 1 Artikolu 17 Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri
- 1 Artikolu 19 Immaniġġar tal-informazzjoni
- 1 Artikolu 22 Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti
- 1 Artikolu 23 Ġestjoni ta’ inċidenti kbar
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ
KAPITOLU III
BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ
KAPITOLU IV
CERT-UE
KAPITOLU V
OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 160
- tal-unjoni 100
- għandu 60
- dwar 47
- taċ-ċibersigurtà 41
- tas-cert-ue 36
- inċidenti 26
- ir-regolament 25
- skont 23
- għal 22
- meta 19
- ewropew 18
- informazzjoni 18
- fir-rigward 17
- biex 17
- tiegħu 16
- ue / 16
- tal-entitajiet 15
- tagħhom 15
- nru / 15
- is-cert-ue 14
- rilevanti 14
- entità 13
- inkluż 13
- is-cert-ue 13
- l-artikolu 13
- tal-informazzjoni 13
- minn 12
- jista’ 12
- mingħajr 12
- kbar 12
- kull 11
- jiġu 11
- livell 11
- abbażi 11
- artikolu 11
- lill-entitajiet 10
- tal-ict 10
- f’konformità 10
- għandha 10
- servizzi 10
- l-entitajiet 10
- ġestjoni 10
- tal-iicb 10
- kwalunkwe 9
- applikabbli 9
- tal-parlament 9
- jistabbilixxi 9
- stabbilit 9
- għandhom 9
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li għandhom l-għan li jiksbu livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni fir-rigward ta’:
(a) | l-istabbiliment minn kull entità tal-Unjoni ta’ qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 6; |
(b) | il-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, ir-rapportar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; |
(c) | l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tal-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, kif ukoll l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE); |
(d) | il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta ’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 6
Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà
1. Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
2. Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.
3. Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.
4. Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
5. L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.
6. Meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.
7. Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.
8. Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.
Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.
9. L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.
Artikolu 11
Kompiti tal-IICB
Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:
(a) | jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE; |
(b) | jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE; |
(c) | wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija; |
(d) | jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni; |
(e) | japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu; |
(f) | japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu; |
(g) | japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE; |
(h) | japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz; |
(i) | jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE; |
(j) | japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE; |
(k) | japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18; |
(l) | jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni; |
(m) | jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom; |
(n) | jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà; |
(o) | jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
(p) | filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli; |
(q) | jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati; |
(r) | jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2); |
(s) | jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà. |
Artikolu 13
Missjoni u kompiti tas-CERT-UE
1. Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.
2. Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.
3. Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:
(a) | jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB; |
(b) | joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi); |
(c) | iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18; |
(d) | iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni; |
(e) | abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA; |
(f) | jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar; |
(g) | jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(h) | jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni. |
L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.
4. Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-Artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:
(a) | it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni; |
(b) | il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka; |
(c) | intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni; |
(d) | dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE. |
5. Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.
6. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):
(a) | servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja; |
(b) | servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB; |
(c) | fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali; |
(d) | servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB. |
fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.
7. Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.
8. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.
9. Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.
10. Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).
11. Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
12. Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.
Artikolu 14
Linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni
1. Is-CERT-UE għandu jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi joħroġ:
(a) | sejħiet għal azzjoni li jiddeskrivu miżuri ta’ sigurtà urġenti li l-entitajiet tal-Unjoni huma mħeġġa jieħdu f’perjodu ta’ żmien stabbilit; |
(b) | proposti lill-IICB għal linji gwida indirizzati lill-entitajiet kollha tal-Unjoni jew lil subsett tagħhom; |
(c) | proposti lill-IICB għal rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet individwali tal-Unjoni. |
fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi s-sejħa għal azzjoni, tinforma lis-CERT-UE dwar kif ġew applikati l-miżuri ta’ sigurtà urġenti.
2. Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu:
(a) | metodoloġiji komuni u mudell għall-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, inklużi l-iskali jew il-KPIs korrispondenti, li jservu bħala referenza b’appoġġ għat-titjib kontinwu taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet kollha tal-Unjoni u li jiffaċilitaw il-prijoritizzazzjoni tad-dominji u l-miżuri taċ-ċibersigurtà filwaqt li titqies il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet; |
(b) | arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà jew it-titjib tagħha u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà; |
(c) | arranġamenti għall-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà u l-pjanijiet taċ-ċibersigurtà; |
(d) | meta xieraq, l-użu ta’ teknoloġija komuni, arkitettura, sors miftuħ u l-aħjar prattiki assoċjati bil-għan li jinkisbu l-interoperabbiltà u l-istandards komuni, inkluż approċċ koordinat għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista; |
(e) | meta xieraq, informazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti għal akkwist komuni għax-xiri ta’ servizzi u prodotti rilevanti taċ-ċibersigurtà minn fornituri terzi; |
(f) | arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20. |
Artikolu 15
Il-Kap tas-CERT-UE
1. Il-Kummissjoni, wara li tikseb l-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-IICB, għandha taħtar il-Kap tas-CERT-UE. L-IICB għandu jiġi kkonsultat fl-istadji kollha tal-proċedura tal-ħatra, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar ta’ avviżi dwar postijiet vakanti, tal-eżami ta’ applikazzjonijiet u tal-ħatra ta’ bordijiet tal-għażla fir-rigward tal-kariga. Il-proċedura tal-għażla, inkluża l-lista qasira finali ta’ kandidati li minnhom għandu jinħatar il-Kap tas-CERT-UE, għandha tiżgura rappreżentanza ġusta ta’ kull ġeneru, billi jitqiesu l-applikazzjonijiet sottomessi.
2. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tajjeb tas-CERT-UE u għandu jaġixxi skont il-mandat tar-rwol tiegħu u taħt id-direzzjoni tal-IICB. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jirrapporta regolarment lill-President tal-IICB u għandu jissottometti rapporti ad hoc lill-IICB fuq talba tiegħu.
3. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jassisti lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega responsabbli fl-abbozzar tar-rapport annwali tal-attività li jkun fih informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni, inklużi r-riżultati tal-kontrolli, imfassal f’konformità mal-Artikolu 74(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u għandu jirrapporta regolarment lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li fir-rigward tagħhom ġew sottodelegati setgħat lill-Kap tas-CERT-UE.
4. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jfassal, fuq bażi annwali, ippjanar finanzjarju tad-dħul u tan-nefqa amministrattivi għall-attivitajiet tiegħu, programm propost ta’ ħidma annwali, katalgu propost tas-servizzi għas-CERT-UE, reviżjonijiet proposti tal-katalgu tas-servizzi, arranġamenti proposti għal ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u KPIs proposti għas-CERT-UE, li għandhom jiġu approvati mill-IICB f’konformità mal-Artikolu 11. Meta jirrevedi l-lista ta’ servizzi fil-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE, il-Kap tas-CERT-UE għandu jqis ir-riżorsi allokati lis-CERT-UE.
5. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jissottometti rapporti mill-inqas annwalment lill-IICB u lill-President tal-IICB dwar l-attivitajiet u l-prestazzjoni tas-CERT-UE matul il-perjodu ta’ referenza, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u l-ftehimiet bil-miktub konklużi, il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet u s-sħab, u l-missjonijiet imwettqa mill-persunal, inklużi r-rapporti msemmija fl-Artikolu 11. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu programm ta’ ħidma għall-perjodu ta’ wara, ippjanar finanzjarju tad-dħul u n-nefqa, inkluż il-persunal, l-aġġornamenti ppjanati tal-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u valutazzjoni tal-impatt mistenni li tali aġġornamenti jista’ jkollhom fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u umani.
Artikolu 17
Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri
1. Is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-kontropartijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-CSIRTs iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ inċidenti, theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, kontromiżuri possibbli kif ukoll l-aħjar prattiki u dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż permezz tan-network ta’ CSIRTs stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-CERT-UE għandu jappoġġja lill-Kummissjoni fl-EU-CyCLONe stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.
2. Meta s-CERT-UE jsir jaf b’inċident sinifikanti li jseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lil kwalunkwe kontroparti f’dak l-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 1.
3. Dment li d-data personali tkun protetta f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jiskambja informazzjoni rilevanti speċifika għall-inċident mal-kontropartijiet tal-Istati membri biex jiffaċilita d-detezzjoni ta’ theddid jew inċidenti ċibernetiċi simili, jew biex jikkontribwixxi għall-analiżi ta’ inċident, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità tal-Unjoni affettwata. Is-CERT-UE għandu jiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident biss fil-każ ta’ wieħed minn dan li ġej:
(a) | l-entità tal-Unjoni affettwata tkun tat il-kunsens tagħha; |
(b) | l-entità tal-Unjoni affettwata ma tagħtix il-kunsens tagħha kif previst fil-punt (a) iżda d-divulgazzjoni tal-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata żżid il-probabbiltà li l-inċidenti xi mkien ieħor jiġu evitati jew mitigati; |
(c) | l-entità tal-Unjoni affettwata tkun diġà għamlet pubbliku l-fatt li kienet affettwata. |
Id-deċiżjonijiet biex tiġi skambjata informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu approvati mill-Kap tas-CERT-UE. Qabel ma joħroġ tali deċiżjoni, is-CERT-UE għandu jikkuntattja lill-entità tal-Unjoni affettwata bil-miktub, filwaqt li jispjega b’mod ċar kif id-divulgazzjoni tal-identità tagħha tgħin biex jiġu evitati jew mitigati inċidenti xi mkien ieħor. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipprovdi l-ispjegazzjoni u jitlob b’mod espliċitu lill-entità tal-Unjoni biex tiddikjara jekk tagħtix il-kunsens tagħha f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jinforma wkoll lill-entità tal-Unjoni li, fid-dawl tal-ispjegazzjoni pprovduta, jirriżerva d-dritt li jiddivulga l-informazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kunsens. L-entità tal-Unjoni affettwata għandha tiġi infurmata qabel ma l-informazzjoni tiġi ddivulgata.
Artikolu 19
Immaniġġar tal-informazzjoni
1. L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE għandhom jirrispettaw l-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE jew oqfsa applikabbli ekwivalenti.
2. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu japplika fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mis-CERT-UE, inkluż l-obbligu skont dak ir-Regolament li jiġu kkonsultati entitajiet oħra tal-Unjoni jew, meta rilevanti, Stati Membri oħra, kull meta talba tikkonċerna d-dokumenti tagħhom.
3. L-immaniġġar tal-informazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE għandu jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni
Artikolu 22
Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti
1. Meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:
(a) | l-entitajiet tal-Unjoni; |
(b) | il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18. |
2. Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:
(a) | kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti; |
(b) | appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post; |
(c) | l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali; |
(d) | koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni. |
3. Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.
4. Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.
5. Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-Artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.
Artikolu 23
Ġestjoni ta’ inċidenti kbar
1. Sabiex jappoġġja fil-livell operazzjonali l-ġestjoni kkoordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u biex jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti fost l-entitajiet tal-Unjoni u mal-Istati Membri, l-IICB għandu, skont l-Artikolu 11, il-punt (q), jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bbażat fuq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 22(2), f’kooperazzjoni mill-qrib mas-CERT-UE u l-ENISA. Il-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) | arranġamenti li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u l-fluss tal-informazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ inċidenti kbar fil-livell operazzjonali; |
(b) | proċeduri operattivi standard (SOPs) komuni; |
(c) | tassonomija komuni tas-severità ta’ inċidenti kbar u punti ta’ skattar ta’ kriżijiet; |
(d) | eżerċizzji regolari; |
(e) | kanali ta’ komunikazzjoni siguri li għandhom jintużaw. |
2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni fl-IICB għandu, soġġett għall-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2022/2555, ikun il-punt ta’ kuntatt għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ inċidenti kbar mal-EU-CyCLONe.
3. Is-CERT-UE għandu jikkoordina fost l-entitajiet tal-Unjoni l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar. Għandu jżomm inventarju tal-għarfien espert tekniku disponibbli li jkun meħtieġ għar-rispons għal inċidenti fil-każ ta’ inċidenti kbar u jassisti lill-IICB fil-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet tal-Unjoni għall-inċidenti kbar imsemmija fl-Artikolu 9(2a).
4. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-inventarju ta’ għarfien espert tekniku billi jipprovdu lista aġġornata kull sena ta’ esperti disponibbli fl-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom bid-dettalji tal-ħiliet tekniċi speċifiċi tagħhom.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
P. NAVARRO RÍOS
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ tal-21 ta' Novembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023.
(2) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).
(4) Arranġament Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (ĠU C 12, 13.1.2018, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(8) ĠU C 258, 5.7.2022, p. 10.
(9) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2841/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)