search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'tal-provvista' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-provvista:


whereas tal-provvista:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 562

 

Artikolu 8

Miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sat-8 ta’ Settembru 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, taħt is-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ maniġment tagħha, tieħu miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jiġu ġestiti r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fl-ambitu tal-Qafas, u biex tipprevjeni u/jew timminimizza l-impatt tal-inċidenti. B’kont meħud tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u, meta applikabbli, tal-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti, dawk il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni fl-ambjent tal-ICT kollu kemm hu proporzjonat mar-riskji taċ-ċibersigurtà kkawżati. Meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri, għandu jittieħed kont debitu tal-grad tal-espożizzjoni tal-entità tal-Unjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà, id-daqs tagħha, il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ inċidenti u tas-severità tagħhom, inkluż l-impatt soċjetali, ekonomiku u interistituzzjonali tagħhom.

2.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jindirizzaw mill-inqas l-oqsma li ġejjin fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà:

(a)

il-politika taċ-ċibersigurtà, inklużi l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6 u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-politiki dwar l-analiżi tar-riskji taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni;

(c)

l-objettivi ta’ politika rigward l-użu tas-servizzi tal-cloud computing;

(d)

l-awditu taċ-ċibersigurtà, meta xieraq, li jista’ jinkludi valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà, tal-vulnerabbiltà u tat-theddid ċibernetiku, u ttestjar tal-penetrazzjoni mwettaq minn fornitur privat fdat fuq bażi regolari;

(e)

l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (d) permezz ta’ aġġornamenti taċ-ċibersigurtà u tal-politika;

(f)

l-organizzazzjoni taċ-ċibersigurtà, inkluż l-istabbiliment tar-rwoli u r-responsabbiltajiet;

(g)

l-immaniġġar ta’ assi, inkluż l-inventarju tal-assi tal-ICT u l-kartografija tan-network tal-ICT;

(h)

is-sigurtà tar-riżorsi umani u l-kontroll tal-aċċess;

(i)

is-sigurtà operazzjonali tan-network;

(j)

is-sigurtà tal-komunikazzjoni;

(k)

l-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistema, inklużi l-politiki dwar it-trattament u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet;

(l)

meta jkun possibbli, il-politiki dwar it-trasparenza tal-kodiċi sors;

(m)

is-sigurtà tal-katina tal-provvista, inkluż l-aspetti relatati mas-sigurtà li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn kull entità tal-Unjoni u l-fornituri diretti jew il-fornituri ta’ servizzi diretti tagħha.

(n)

it-trattament tal-inċidenti u l-kooperazzjoni mas-CERT-UE, bħall-manutenzjoni tal-monitoraġġ tas-sigurtà u reġistrazzjonijiet;

(o)

il-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat, bħall-ġestjoni ta’ riżerva u l-irkupru minn diżastri, u l-ġestjoni tal-kriżijiet; u

(p)

il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni, ħiliet, sensibilizzazzjoni, eżerċizzju u taħriġ fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (m), l-entitajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għal kull fornitur dirett u kull fornitur ta’ servizzi dirett u l-kwalità ġenerali tal-prodotti u l-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-fornituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom, inkluż il-proċeduri ta’ żvilupp siguri tagħhom.

3.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jieħdu mill-inqas il-miżuri speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà li ġejjin:

(a)

l-arranġamenti tekniċi li jippermettu u jsostnu t-telexogħol;

(b)

passi konkreti li jimxu lejn prinċipji ta’ fiduċja żero;

(c)

l-użu tal-awtentikazzjoni b’diversi fatturi bħala norma fin-network u s-sistema tal-informazzjoni;

(d)

l-użu tal-kriptografija u l-kriptaġġ, b’mod partikolari l-kriptaġġ minn tarf sa tarf, kif ukoll l-iffirmar diġitali sigur;

(e)

meta xieraq, l-użu ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, bil-vidjo u bil-kitba siguri, u sistemi ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza siguri fi ħdan l-entità tal-Unjoni;

(f)

miżuri proattivi għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ malware u spyware;

(g)

l-istabbiliment ta’ sigurtà tal-katina tal-provvista tas-software permezz ta’ kriterji għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta’ software sigur;

(h)

l-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà proporzjonati għall-kompiti preskritti u l-kapaċitajiet mistennija għall-ogħla livell ta’ maniġment u l-membri tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigati biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament;

(i)

it-taħriġ regolari dwar iċ-ċibersigurtà tal-membri tal-persunal;

(j)

fejn rilevanti, il-parteċipazzjoni fl-analiżijiet tar-riskji tal-interkonnettività bejn l-entitajiet tal-Unjoni;

(k)

it-titjib tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku għall-faċilitazzjoni ta’ livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà permezz ta’:

(i)

it-tneħħija tal-ostakli kuntrattwali li jillimitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mill-fornituri tas-servizzi tal-ICT dwar inċidenti, vulnerabbiltajiet u theddid ċibernetiku mas-CERT-UE;

(ii)

l-obbligu kuntrattwali li jiġu rrapportati inċidenti, vulnerabbiltajiet u theddid ċibernetiku kif ukoll li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ rispons u monitoraġġ xierqa għall-inċidenti.

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 14

Linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni

1.   Is-CERT-UE għandu jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi joħroġ:

(a)

sejħiet għal azzjoni li jiddeskrivu miżuri ta’ sigurtà urġenti li l-entitajiet tal-Unjoni huma mħeġġa jieħdu f’perjodu ta’ żmien stabbilit;

(b)

proposti lill-IICB għal linji gwida indirizzati lill-entitajiet kollha tal-Unjoni jew lil subsett tagħhom;

(c)

proposti lill-IICB għal rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet individwali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi s-sejħa għal azzjoni, tinforma lis-CERT-UE dwar kif ġew applikati l-miżuri ta’ sigurtà urġenti.

2.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

metodoloġiji komuni u mudell għall-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, inklużi l-iskali jew il-KPIs korrispondenti, li jservu bħala referenza b’appoġġ għat-titjib kontinwu taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet kollha tal-Unjoni u li jiffaċilitaw il-prijoritizzazzjoni tad-dominji u l-miżuri taċ-ċibersigurtà filwaqt li titqies il-qagħda taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet;

(b)

arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà jew it-titjib tagħha u l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà;

(c)

arranġamenti għall-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà u l-pjanijiet taċ-ċibersigurtà;

(d)

meta xieraq, l-użu ta’ teknoloġija komuni, arkitettura, sors miftuħ u l-aħjar prattiki assoċjati bil-għan li jinkisbu l-interoperabbiltà u l-istandards komuni, inkluż approċċ koordinat għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista;

(e)

meta xieraq, informazzjoni biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ strumenti għal akkwist komuni għax-xiri ta’ servizzi u prodotti rilevanti taċ-ċibersigurtà minn fornituri terzi;

(f)

arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20.


whereas









keyboard_arrow_down