search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'jirrapporta' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index jirrapporta:


whereas jirrapporta:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 572

 

Artikolu 6

Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.   Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.

3.   Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.

4.   Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.

6.   Meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

7.   Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.

8.   Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.

Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.

9.   L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.

Artikolu 15

Il-Kap tas-CERT-UE

1.   Il-Kummissjoni, wara li tikseb l-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-IICB, għandha taħtar il-Kap tas-CERT-UE. L-IICB għandu jiġi kkonsultat fl-istadji kollha tal-proċedura tal-ħatra, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar ta’ avviżi dwar postijiet vakanti, tal-eżami ta’ applikazzjonijiet u tal-ħatra ta’ bordijiet tal-għażla fir-rigward tal-kariga. Il-proċedura tal-għażla, inkluża l-lista qasira finali ta’ kandidati li minnhom għandu jinħatar il-Kap tas-CERT-UE, għandha tiżgura rappreżentanza ġusta ta’ kull ġeneru, billi jitqiesu l-applikazzjonijiet sottomessi.

2.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tajjeb tas-CERT-UE u għandu jaġixxi skont il-mandat tar-rwol tiegħu u taħt id-direzzjoni tal-IICB. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jirrapporta regolarment lill-President tal-IICB u għandu jissottometti rapporti ad hoc lill-IICB fuq talba tiegħu.

3.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jassisti lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega responsabbli fl-abbozzar tar-rapport annwali tal-attività li jkun fih informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni, inklużi r-riżultati tal-kontrolli, imfassal f’konformità mal-Artikolu 74(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u għandu jirrapporta regolarment lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li fir-rigward tagħhom ġew sottodelegati setgħat lill-Kap tas-CERT-UE.

4.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jfassal, fuq bażi annwali, ippjanar finanzjarju tad-dħul u tan-nefqa amministrattivi għall-attivitajiet tiegħu, programm propost ta’ ħidma annwali, katalgu propost tas-servizzi għas-CERT-UE, reviżjonijiet proposti tal-katalgu tas-servizzi, arranġamenti proposti għal ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u KPIs proposti għas-CERT-UE, li għandhom jiġu approvati mill-IICB f’konformità mal-Artikolu 11. Meta jirrevedi l-lista ta’ servizzi fil-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE, il-Kap tas-CERT-UE għandu jqis ir-riżorsi allokati lis-CERT-UE.

5.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jissottometti rapporti mill-inqas annwalment lill-IICB u lill-President tal-IICB dwar l-attivitajiet u l-prestazzjoni tas-CERT-UE matul il-perjodu ta’ referenza, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u l-ftehimiet bil-miktub konklużi, il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet u s-sħab, u l-missjonijiet imwettqa mill-persunal, inklużi r-rapporti msemmija fl-Artikolu 11. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu programm ta’ ħidma għall-perjodu ta’ wara, ippjanar finanzjarju tad-dħul u n-nefqa, inkluż il-persunal, l-aġġornamenti ppjanati tal-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u valutazzjoni tal-impatt mistenni li tali aġġornamenti jista’ jkollhom fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u umani.

Artikolu 18

Kooperazzjoni tas-CERT-UE ma’ kontropartijiet oħra

1.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ kontropartijiet fl-Unjoni għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 17 li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ċibersigurtà tal-Unjoni, inklużi kontropartijiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, dwar għodod u metodi, bħal tekniki, tattiki, proċeduri u l-aħjar prattiki, u dwar it-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet. Għall-kooperazzjoni kollha ma’ tali kontropartijiet, is-CERT-UE għandu jitlob approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ. Meta s-CERT-UE jistabbilixxi kooperazzjoni ma’ tali kontropartijiet, għandu jinforma lil kwalunkwe kontroparti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1), fl-Istat Membru li fih il-kontroparti tkun tinsab. Meta applikabbli u xieraq, tali kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha, inkluż rigward iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-immaniġġar tal-informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti f’arranġamenti speċifiċi ta’ kunfidenzjalità bħal kuntratti jew arranġamenti amministrattivi. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità ma għandhomx jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-IICB, iżda l-President tal-IICB għandu jiġi infurmat. Fil-każ ta’ ħtieġa urġenti u imminenti li tiġi skambjata informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-interessi tal-entitajiet tal-Unjoni jew ta’ parti oħra, is-CERT-UE jista’ jagħmel dan ma’ entità li l-kompetenza, il-kapaċità u l-għarfien espert speċifiċi tagħha jkunu meħtieġa b’mod ġustifikabbli biex tassisti b’tali ħtieġa urġenti u imminenti, anki jekk is-CERT-UE ma jkollux arranġament ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ ma’ dik l-entità. F’każijiet bħal dawn, is-CERT-UE għandu jinforma minnufih lill-President tal-IICB, u għandu jirrapporta lill-IICB permezz ta’ rapporti jew laqgħat regolari.

2.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ sħab, bħal entitajiet kummerċjali, inklużi entitajiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet nazzjonali mhux tal-Unjoni jew esperti individwali, biex jiġbor informazzjoni dwar theddid ċibernetiku ġenerali u speċifiku, kważi inċidenti, vulnerabbiltajiet u kontromiżuri possibbli. Għal kooperazzjoni usa’ ma’ sħab bħal dawn, is-CERT-UE għandu jfittex approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.   Is-CERT-UE jista’, bil-kunsens tal-entità tal-Unjoni affettwata minn inċident u dment li jkun fis-seħħ arranġament jew kuntratt ta’ nondivulgazzjoni mal-kontroparti jew is-sieħeb rilevanti, jipprovdi informazzjoni relatata mal-inċident speċifiku lill-kontropartijiet jew lis-sħab imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 unikament għall-fini li jikkontribwixxi għall-analiżi tiegħu.

KAPITOLU V

OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR

Artikolu 25

Rieżami

1.   Sat-8 ta’ Jannar 2025, u fuq bażi annwali minn hemm ’il quddiem, l-IICB, bl-assistenza tas-CERT-UE, għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-IICB jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tirrieżamina dan ir-Regolament.

2.   Sat-8 ta’ Jannar 2027 u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar l-esperjenza miksuba f’livell strateġiku u operazzjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jinkludi r-rieżami msemmi fl-Artikolu 16(1), dwar il-possibbiltà li s-CERT-UE jiġi stabbilit bħala uffiċċju tal-Unjoni.

3.   Sat-8 ta’ Jannar 2029, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-adegwatezza tal-inklużjoni tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni li jimmaniġġjaw l-EUCI fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’kont meħud ta’ atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni applikabbli għal dawk is-sistemi. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta jkun hemm bżonn, minn proposta leġiżlattiva.


whereas









keyboard_arrow_down