search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'affettwata' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index affettwata:


whereas affettwata:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 405

 

Artikolu 17

Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri

1.   Is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-kontropartijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-CSIRTs iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ inċidenti, theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, kontromiżuri possibbli kif ukoll l-aħjar prattiki u dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż permezz tan-network ta’ CSIRTs stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-CERT-UE għandu jappoġġja lill-Kummissjoni fl-EU-CyCLONe stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

2.   Meta s-CERT-UE jsir jaf b’inċident sinifikanti li jseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lil kwalunkwe kontroparti f’dak l-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Dment li d-data personali tkun protetta f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jiskambja informazzjoni rilevanti speċifika għall-inċident mal-kontropartijiet tal-Istati membri biex jiffaċilita d-detezzjoni ta’ theddid jew inċidenti ċibernetiċi simili, jew biex jikkontribwixxi għall-analiżi ta’ inċident, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità tal-Unjoni affettwata. Is-CERT-UE għandu jiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident biss fil-każ ta’ wieħed minn dan li ġej:

(a)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun tat il-kunsens tagħha;

(b)

l-entità tal-Unjoni affettwata ma tagħtix il-kunsens tagħha kif previst fil-punt (a) iżda d-divulgazzjoni tal-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata żżid il-probabbiltà li l-inċidenti xi mkien ieħor jiġu evitati jew mitigati;

(c)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun diġà għamlet pubbliku l-fatt li kienet affettwata.

Id-deċiżjonijiet biex tiġi skambjata informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu approvati mill-Kap tas-CERT-UE. Qabel ma joħroġ tali deċiżjoni, is-CERT-UE għandu jikkuntattja lill-entità tal-Unjoni affettwata bil-miktub, filwaqt li jispjega b’mod ċar kif id-divulgazzjoni tal-identità tagħha tgħin biex jiġu evitati jew mitigati inċidenti xi mkien ieħor. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipprovdi l-ispjegazzjoni u jitlob b’mod espliċitu lill-entità tal-Unjoni biex tiddikjara jekk tagħtix il-kunsens tagħha f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jinforma wkoll lill-entità tal-Unjoni li, fid-dawl tal-ispjegazzjoni pprovduta, jirriżerva d-dritt li jiddivulga l-informazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kunsens. L-entità tal-Unjoni affettwata għandha tiġi infurmata qabel ma l-informazzjoni tiġi ddivulgata.

Artikolu 18

Kooperazzjoni tas-CERT-UE ma’ kontropartijiet oħra

1.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ kontropartijiet fl-Unjoni għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 17 li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ċibersigurtà tal-Unjoni, inklużi kontropartijiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, dwar għodod u metodi, bħal tekniki, tattiki, proċeduri u l-aħjar prattiki, u dwar it-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet. Għall-kooperazzjoni kollha ma’ tali kontropartijiet, is-CERT-UE għandu jitlob approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ. Meta s-CERT-UE jistabbilixxi kooperazzjoni ma’ tali kontropartijiet, għandu jinforma lil kwalunkwe kontroparti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1), fl-Istat Membru li fih il-kontroparti tkun tinsab. Meta applikabbli u xieraq, tali kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha, inkluż rigward iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-immaniġġar tal-informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti f’arranġamenti speċifiċi ta’ kunfidenzjalità bħal kuntratti jew arranġamenti amministrattivi. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità ma għandhomx jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-IICB, iżda l-President tal-IICB għandu jiġi infurmat. Fil-każ ta’ ħtieġa urġenti u imminenti li tiġi skambjata informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-interessi tal-entitajiet tal-Unjoni jew ta’ parti oħra, is-CERT-UE jista’ jagħmel dan ma’ entità li l-kompetenza, il-kapaċità u l-għarfien espert speċifiċi tagħha jkunu meħtieġa b’mod ġustifikabbli biex tassisti b’tali ħtieġa urġenti u imminenti, anki jekk is-CERT-UE ma jkollux arranġament ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ ma’ dik l-entità. F’każijiet bħal dawn, is-CERT-UE għandu jinforma minnufih lill-President tal-IICB, u għandu jirrapporta lill-IICB permezz ta’ rapporti jew laqgħat regolari.

2.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ sħab, bħal entitajiet kummerċjali, inklużi entitajiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet nazzjonali mhux tal-Unjoni jew esperti individwali, biex jiġbor informazzjoni dwar theddid ċibernetiku ġenerali u speċifiku, kważi inċidenti, vulnerabbiltajiet u kontromiżuri possibbli. Għal kooperazzjoni usa’ ma’ sħab bħal dawn, is-CERT-UE għandu jfittex approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.   Is-CERT-UE jista’, bil-kunsens tal-entità tal-Unjoni affettwata minn inċident u dment li jkun fis-seħħ arranġament jew kuntratt ta’ nondivulgazzjoni mal-kontroparti jew is-sieħeb rilevanti, jipprovdi informazzjoni relatata mal-inċident speċifiku lill-kontropartijiet jew lis-sħab imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 unikament għall-fini li jikkontribwixxi għall-analiżi tiegħu.

KAPITOLU V

OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR

Artikolu 20

Arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà

1.   L-entitajiet tal-Unjoni jistgħu, fuq bażi volontarja, jinnotifikaw lis-CERT-UE dwar inċidenti, theddid ċibernetiku, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet li jaffettwawhom, u jagħtuh informazzjoni dwarhom. Is-CERT-UE għandu jiżgura li jkunu disponibbli mezzi ta’ komunikazzjoni, b’livell għoli ta’ traċċabbiltà, kunfidenzjalità u affidabbiltà, għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni. Meta jipproċessa n-notifiki, is-CERT-UE jista’ jagħti prijorità lill-ipproċessar tan-notifiki obbligatorji minflok lin-notifiki volontarji. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, in-notifika volontarja ma għandhiex tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ xi obbligu addizzjonali fuq l-entità tal-Unjoni li tirrapporta li ma kinitx tkun soġġetta għalih kieku ma saritx dik in-notifika.

2.   Biex iwettaq il-missjoni u l-kompiti tiegħu mogħtija skont l-Artikolu 13, is-CERT-UE jista’ jitlob lill-entitajiet tal-Unjoni jipprovdulu informazzjoni mill-inventarji tas-sistemi tal-ICT rispettivi tagħhom, inkluża informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku, il-kważi inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, l-indikaturi ta’ kompromess, iċ-ċiberallerti u r-rakkomandazzjonijiet rigward il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà biex jiġu identifikati l-inċidenti. L-entità mitluba tal-Unjoni għandha tibgħat l-informazzjoni mitluba, u kwalunkwe aġġornament sussegwenti tagħha, mingħajr dewmien żejjed.

3.   Is-CERT-UE jista’ tiskambja informazzjoni speċifika għall-inċident ma’ entitajiet tal-Unjoni li tiżvela l-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata mill-inċident, dment li l-entità tal-Unjoni affettwata tagħti l-kunsens tagħha. Meta entità tal-Unjoni ma tagħtix il-kunsens tagħha, għandha tagħti lis-CERT-UE raġunijiet li jissostanzjaw dik id-deċiżjoni.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom, fuq talba, jikkondividu informazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar it-tlestija tal-pjanijiet taċ-ċibersigurtà.

5.   L-IICB jew is-CERT-UE, kif applikabbli, għandu, fuq talba, jikkondividi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

6.   L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:

(a)

għall-EUCI;

(b)

għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu.


whereas









keyboard_arrow_down