search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'mal-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index mal-artikolu :

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ

    KAPITOLU III
    BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

    KAPITOLU IV
    CERT-UE

    KAPITOLU V
    OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas mal-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 706

 

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 13

Missjoni u kompiti tas-CERT-UE

1.   Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.

2.   Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.

3.   Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:

(a)

jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB;

(b)

joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi);

(c)

iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18;

(d)

iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni;

(e)

abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA;

(f)

jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar;

(g)

jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(h)

jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.

4.   Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka;

(c)

intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni;

(d)

dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE.

5.   Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.

6.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):

(a)

servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja;

(b)

servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB;

(c)

fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali;

(d)

servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

7.   Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.

8.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

9.   Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.

10.   Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).

11.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

12.   Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.

Artikolu 15

Il-Kap tas-CERT-UE

1.   Il-Kummissjoni, wara li tikseb l-approvazzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-IICB, għandha taħtar il-Kap tas-CERT-UE. L-IICB għandu jiġi kkonsultat fl-istadji kollha tal-proċedura tal-ħatra, b’mod partikolari fir-rigward tal-abbozzar ta’ avviżi dwar postijiet vakanti, tal-eżami ta’ applikazzjonijiet u tal-ħatra ta’ bordijiet tal-għażla fir-rigward tal-kariga. Il-proċedura tal-għażla, inkluża l-lista qasira finali ta’ kandidati li minnhom għandu jinħatar il-Kap tas-CERT-UE, għandha tiżgura rappreżentanza ġusta ta’ kull ġeneru, billi jitqiesu l-applikazzjonijiet sottomessi.

2.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tajjeb tas-CERT-UE u għandu jaġixxi skont il-mandat tar-rwol tiegħu u taħt id-direzzjoni tal-IICB. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jirrapporta regolarment lill-President tal-IICB u għandu jissottometti rapporti ad hoc lill-IICB fuq talba tiegħu.

3.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jassisti lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega responsabbli fl-abbozzar tar-rapport annwali tal-attività li jkun fih informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni, inklużi r-riżultati tal-kontrolli, imfassal f’konformità mal-artikolu 74(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u għandu jirrapporta regolarment lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li fir-rigward tagħhom ġew sottodelegati setgħat lill-Kap tas-CERT-UE.

4.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jfassal, fuq bażi annwali, ippjanar finanzjarju tad-dħul u tan-nefqa amministrattivi għall-attivitajiet tiegħu, programm propost ta’ ħidma annwali, katalgu propost tas-servizzi għas-CERT-UE, reviżjonijiet proposti tal-katalgu tas-servizzi, arranġamenti proposti għal ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u KPIs proposti għas-CERT-UE, li għandhom jiġu approvati mill-IICB f’konformità mal-artikolu 11. Meta jirrevedi l-lista ta’ servizzi fil-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE, il-Kap tas-CERT-UE għandu jqis ir-riżorsi allokati lis-CERT-UE.

5.   Il-Kap tas-CERT-UE għandu jissottometti rapporti mill-inqas annwalment lill-IICB u lill-President tal-IICB dwar l-attivitajiet u l-prestazzjoni tas-CERT-UE matul il-perjodu ta’ referenza, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u l-ftehimiet bil-miktub konklużi, il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet u s-sħab, u l-missjonijiet imwettqa mill-persunal, inklużi r-rapporti msemmija fl-Artikolu 11. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu programm ta’ ħidma għall-perjodu ta’ wara, ippjanar finanzjarju tad-dħul u n-nefqa, inkluż il-persunal, l-aġġornamenti ppjanati tal-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u valutazzjoni tal-impatt mistenni li tali aġġornamenti jista’ jkollhom fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u umani.

Artikolu 19

Immaniġġar tal-informazzjoni

1.   L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE għandhom jirrispettaw l-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-artikolu 339 tat-TFUE jew oqfsa applikabbli ekwivalenti.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu japplika fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mis-CERT-UE, inkluż l-obbligu skont dak ir-Regolament li jiġu kkonsultati entitajiet oħra tal-Unjoni jew, meta rilevanti, Stati Membri oħra, kull meta talba tikkonċerna d-dokumenti tagħhom.

3.   L-immaniġġar tal-informazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE għandu jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti

1.   Meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:

(a)

l-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18.

2.   Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:

(a)

kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti;

(b)

appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post;

(c)

l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali;

(d)

koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni.

3.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

4.   Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.

5.   Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.


whereas









keyboard_arrow_down