search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'ddeżinjati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index ddeżinjati:


whereas ddeżinjati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 589

 

Artikolu 10

Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà (IICB).

2.   L-IICB għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali mis-CERT-UE u l-għoti ta’ direzzjoni strateġika lis-CERT-UE.

3.   L-IICB għandu jikkonsisti minn:

(a)

rappreżentant wieħed iddeżinjat minn kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-Parlament Ewropew;

(ii)

il-Kunsill Ewropew;

(iii)

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(iv)

il-Kummissjoni;

(v)

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(vi)

il-Bank Ċentrali Ewropew;

(vii)

il-Qorti tal-Awdituri;

(viii)

is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

(ix)

il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

(x)

il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

(xi)

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(xii)

iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà;

(xiii)

l-ENISA;

(xiv)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD);

(xv)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

(b)

tliet rappreżentanti ddeżinjati min-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) abbażi ta’ proposta tal-Kumitat Konsultattiv tal-ICT tiegħu biex jirrappreżentaw l-interessi tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jmexxu l-ambjent tal-ICT tagħhom stess, għajr dawk imsemmija fil-punt (a).

L-entitajiet tal-Unjoni rappreżentati fuq l-IICB għandu jkollhom l-għan li jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fost ir-rappreżentanti ddeżinjati.

4.   Il-membri tal-IICB jistgħu jiġu megħjuna minn sostitut. Rappreżentanti oħra tal-entitajiet tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew ta’ entitajiet oħra tal-Unjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-President biex jattendu laqgħat tal-IICB mingħajr id-dritt tal-vot.

5.   Il-Kap tas-CERT-UE u l-Presidenti tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, in-Network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe stabbiliti, rispettivament, skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew is-sostituti tagħhom, jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-IICB bħala osservaturi. F’każijiet eċċezzjonali, l-IICB jista’, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, jiddeċiedi mod ieħor.

6.   L-IICB għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.

7.   L-IICB għandu jiddeżinja President f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin. Is-sostitut tal-President għandu jsir membru sħiħ tal-IICB għall-istess durata.

8.   L-IICB għandu jiltaqa’ mill-inqas tliet darbiet fis-sena fuq inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tas-CERT-UE jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

9.   Kull membru tal-IICB għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-IICB għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi ħlief meta jkun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Il-President tal-IICB ma għandux ikollu vot ħlief fil-każ ta’ voti ndaqs, f’liema każ il-President jista’ jitfa’ vot deċiżiv.

10.   L-IICB jista’ jaġixxi permezz ta’ proċedura bil-miktub simplifikata mibdija f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu. Fil-qafas ta’ dik il-proċedura, id-deċiżjoni rilevanti għandha titqies li hija approvata fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-President, ħlief meta membru joġġezzjona.

11.   Is-segretarjat tal-IICB għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u għandu jagħti rendikont lill-President tal-IICB.

12.   Ir-rappreżentanti nnominati mill-EUAN għandhom jgħaddu d-deċiżjonijiet tal-IICB lill-membri tal-EUAN. Kwalunkwe membru tal-EUAN għandu jkun intitolat li jqajjem ma’ dawk ir-rappreżentanti jew mal-President tal-IICB kwalunkwe kwistjoni li jqis li jenħtieġ li tiġi indirizzata mill-IICB.

13.   L-IICB jista’ jistabbilixxi kumitat eżekuttiv biex jassistih fil-ħidma tiegħu, u jiddelegalu xi wħud mill-kompiti u s-setgħat tiegħu. L-IICB għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-kumitat eżekuttiv, inklużi l-kompiti u s-setgħat tiegħu, u l-mandati tal-membri tiegħu.

14.   Sat-8 ta’ Jannar 2025 u fuq bażi annwali minn hemm ’il quddiem, l-IICB għandu jissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jagħti dettalji dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jispeċifika b’mod partikolari l-firxa tal-kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri f’kull wieħed mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 17

Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri

1.   Is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-kontropartijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-CSIRTs iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ inċidenti, theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, kontromiżuri possibbli kif ukoll l-aħjar prattiki u dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż permezz tan-network ta’ CSIRTs stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-CERT-UE għandu jappoġġja lill-Kummissjoni fl-EU-CyCLONe stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

2.   Meta s-CERT-UE jsir jaf b’inċident sinifikanti li jseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lil kwalunkwe kontroparti f’dak l-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Dment li d-data personali tkun protetta f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jiskambja informazzjoni rilevanti speċifika għall-inċident mal-kontropartijiet tal-Istati membri biex jiffaċilita d-detezzjoni ta’ theddid jew inċidenti ċibernetiċi simili, jew biex jikkontribwixxi għall-analiżi ta’ inċident, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità tal-Unjoni affettwata. Is-CERT-UE għandu jiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident biss fil-każ ta’ wieħed minn dan li ġej:

(a)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun tat il-kunsens tagħha;

(b)

l-entità tal-Unjoni affettwata ma tagħtix il-kunsens tagħha kif previst fil-punt (a) iżda d-divulgazzjoni tal-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata żżid il-probabbiltà li l-inċidenti xi mkien ieħor jiġu evitati jew mitigati;

(c)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun diġà għamlet pubbliku l-fatt li kienet affettwata.

Id-deċiżjonijiet biex tiġi skambjata informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu approvati mill-Kap tas-CERT-UE. Qabel ma joħroġ tali deċiżjoni, is-CERT-UE għandu jikkuntattja lill-entità tal-Unjoni affettwata bil-miktub, filwaqt li jispjega b’mod ċar kif id-divulgazzjoni tal-identità tagħha tgħin biex jiġu evitati jew mitigati inċidenti xi mkien ieħor. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipprovdi l-ispjegazzjoni u jitlob b’mod espliċitu lill-entità tal-Unjoni biex tiddikjara jekk tagħtix il-kunsens tagħha f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jinforma wkoll lill-entità tal-Unjoni li, fid-dawl tal-ispjegazzjoni pprovduta, jirriżerva d-dritt li jiddivulga l-informazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kunsens. L-entità tal-Unjoni affettwata għandha tiġi infurmata qabel ma l-informazzjoni tiġi ddivulgata.


whereas









keyboard_arrow_down