search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: '   meta' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    meta:

    KAPITOLU I
    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    KAPITOLU II
    MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ

    KAPITOLU III
    BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

    KAPITOLU IV
    CERT-UE

    KAPITOLU V
    OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas    meta:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 859

 

Artikolu 4

Proċessar ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament mis-CERT-UE, mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u mill-entitajiet tal-Unjoni għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   meta jwettqu kompiti jew jissodisfaw obbligi skont dan ir-Regolament, is-CERT-UE, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jipproċessaw u jiskambjaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ u għall-iskop uniku li jwettqu dawk il-kompiti jew li jissodisfaw dawk l-obbligi.

3.   L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu jitqies meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali skont l-Artikolu 10(2), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament. Tali data tista’ tiġi pproċessata biss sal-punt meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikoli 6 u 8, għall-forniment ta’ servizzi mis-CERT-UE skont l-Artikolu 13, għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni speċifika għall-inċidenti skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 18(3), għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20, għall-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 21, għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għall-inċidenti skont l-Artikolu 22 u għall-ġestjoni ta’ inċidenti kbar skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament. L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE, meta jaġixxu bħala kontrolluri tad-data, għandhom japplikaw miżuri tekniċi biex jipprevjenu l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali għal finijiet oħra u għandhom jipprevedu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġetti tad-data.

KAPITOLU II

MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-miżuri

1.   Sat-8 ta’ Settembru 2024, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu, wara li jikkonsulta mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u wara li jirċievi gwida mis-CERT-UE, joħroġ linji gwida għall-entitajiet tal-Unjoni għall-fini li jwettqu rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà u jistabbilixxu qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 6, iwettqu valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 7, jieħdu miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 8, u jadottaw il-pjan taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 9.

2.   meta jimplimentaw l-Artikoli 6 sa 9, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti adottati skont l-Artikoli 11 u 14.

Artikolu 6

Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.   Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.

3.   Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.

4.   Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.

6.   meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

7.   Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.

8.   Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.

Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.

9.   L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.

Artikolu 12

Konformità

1.   L-IICB, skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11, għandu jimmonitorja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni adottati mill-entitajiet tal-Unjoni. L-IICB jista’ jitlob l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni meħtieġa għal dak l-għan mill-entitajiet tal-Unjoni. Għall-fini tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konformità skont dan l-Artikolu, meta l-entità tal-Unjoni kkonċernata tkun rappreżentata direttament fuq l-IICB, dik l-entità tal-Unjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

2.   meta l-IICB isib li entità tal-Unjoni ma implimentatx b’mod effettiv dan ir-Regolament jew il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet jew is-sejħiet għal azzjoni maħruġa skont ir-Regolament, huwa jista’, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri interni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, u wara li jagħti opportunità lill-entità tal-Unjoni kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha:

(a)

jikkomunika opinjoni motivata lill-entità tal-Unjoni kkonċernata dwar lakuni osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jipprovdi, wara li jikkonsulta lis-CERT-UE, linji gwida lill-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiżgura li l-qafas, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, il-pjanijiet taċ-ċibersigurtà u r-rapportar tagħha jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament f’perjodu ta’ żmien speċifikat;

(c)

joħroġ twissija biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’perjodu ta’ żmien speċifikat, inklużi rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati miżuri adottati mill-entità tal-Unjoni kkonċernata skont dan ir-Regolament;

(d)

joħroġ notifika motivata lill-entità tal-Unjoni kkonċernata, f’każ li n-nuqqasijiet identifikati fi twissija maħruġa skont il-punt (c) ma jkunux ġew indirizzati biżżejjed fil-perjodu ta’ żmien speċifikat;

(e)

joħroġ:

(i)

rakkomandazzjoni biex isir awditu; jew

(ii)

talba li jsir awditu minn servizz tal-awditjar terz;

(f)

jekk applikabbli, jinforma lill-Qorti tal-Awdituri, fl-ambitu tal-mandat tagħha, dwar l-allegata nonkonformità;

(g)

joħroġ rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri u l-entitajiet tal-Unjoni kollha jimplimentaw sospensjoni temporanja tal-flussi tad-data lill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), id-destinatarji ta’ twissija għandhom jiġu limitati b’mod xieraq, meta meħtieġ fid-dawl ta’ riskju taċ-ċibersigurtà.

It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu diretti lejn l-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni kkonċernata.

3.   meta l-IICB ikun adotta miżuri skont il-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (g), l-entità tal-Unjoni kkonċernata għandha tipprovdi dettalji tal-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet allegati identifikati mill-IICB. L-entità tal-Unjoni għandha tissottometti dawk id-dettalji fi żmien raġonevoli li għandu jiġi miftiehem mal-IICB.

4.   meta l-IICB iqis li hemm ksur kontinwu ta’ dan ir-Regolament minn entità tal-Unjoni li jirriżulta direttament minn azzjonijiet jew ommissjonijiet ta’ uffiċjal jew aġent ieħor tal-Unjoni, inkluż fl-ogħla livell tal-maniġment, l-IICB għandu jitlob li l-entità tal-Unjoni kkonċernata tieħu azzjoni xierqa, inkluż li jikkunsidra li jitlobha tieħu azzjoni ta’ natura dixxiplinarja, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u f’xi regoli u proċeduri applikabbli oħra. Għal dak il-għan, l-IICB għandu jittrasferixxi l-informazzjoni meħtieġa lill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

5.   meta l-entitajiet tal-Unjoni jinnotifikaw li ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 8(1), l-IICB jista’, f’każijiet debitament sostanzjati, filwaqt li jqis id-daqs tal-entità tal-Unjoni, jawtorizza l-estensjoni ta’ dawk l-iskadenzi.

KAPITOLU IV

CERT-UE

Artikolu 17

Kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri

1.   Is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-kontropartijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari s-CSIRTs iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew, meta applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ kuntatt iddeżinjati jew stabbiliti skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, fir-rigward ta’ inċidenti, theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet, kważi inċidenti, kontromiżuri possibbli kif ukoll l-aħjar prattiki u dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-titjib tal-protezzjoni tal-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż permezz tan-network ta’ CSIRTs stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Is-CERT-UE għandu jappoġġja lill-Kummissjoni fl-EU-CyCLONe stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

2.   meta s-CERT-UE jsir jaf b’inċident sinifikanti li jseħħ fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lil kwalunkwe kontroparti f’dak l-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   Dment li d-data personali tkun protetta f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, is-CERT-UE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jiskambja informazzjoni rilevanti speċifika għall-inċident mal-kontropartijiet tal-Istati membri biex jiffaċilita d-detezzjoni ta’ theddid jew inċidenti ċibernetiċi simili, jew biex jikkontribwixxi għall-analiżi ta’ inċident, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-entità tal-Unjoni affettwata. Is-CERT-UE għandu jiskambja informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident biss fil-każ ta’ wieħed minn dan li ġej:

(a)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun tat il-kunsens tagħha;

(b)

l-entità tal-Unjoni affettwata ma tagħtix il-kunsens tagħha kif previst fil-punt (a) iżda d-divulgazzjoni tal-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata żżid il-probabbiltà li l-inċidenti xi mkien ieħor jiġu evitati jew mitigati;

(c)

l-entità tal-Unjoni affettwata tkun diġà għamlet pubbliku l-fatt li kienet affettwata.

Id-deċiżjonijiet biex tiġi skambjata informazzjoni speċifika għall-inċidenti li tiżvela l-identità tal-mira tal-inċident skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandhom jiġu approvati mill-Kap tas-CERT-UE. Qabel ma joħroġ tali deċiżjoni, is-CERT-UE għandu jikkuntattja lill-entità tal-Unjoni affettwata bil-miktub, filwaqt li jispjega b’mod ċar kif id-divulgazzjoni tal-identità tagħha tgħin biex jiġu evitati jew mitigati inċidenti xi mkien ieħor. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jipprovdi l-ispjegazzjoni u jitlob b’mod espliċitu lill-entità tal-Unjoni biex tiddikjara jekk tagħtix il-kunsens tagħha f’perjodu ta’ żmien stabbilit. Il-Kap tas-CERT-UE għandu jinforma wkoll lill-entità tal-Unjoni li, fid-dawl tal-ispjegazzjoni pprovduta, jirriżerva d-dritt li jiddivulga l-informazzjoni anki fin-nuqqas ta’ kunsens. L-entità tal-Unjoni affettwata għandha tiġi infurmata qabel ma l-informazzjoni tiġi ddivulgata.

Artikolu 21

Obbligi ta’ rapportar

1.   Inċident għandu jitqies li huwa sinifikanti jekk:

(a)

ikun ikkawża jew kapaċi jikkawża tfixkil operazzjonali gravi fil-funzjonament tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, jew telf finanzjarju għaliha;

(b)

ikun affettwa jew kapaċi jaffettwa lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra billi jikkawża dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli.

2.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jissottomettu lis-CERT-UE:

(a)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, twissija bikrija, li, meta applikabbli, għandha tindika li l-inċident sinifikanti huwa ssuspettat li ġie kkawżat minn atti illegali jew malizzjużi jew jista’ jkollu impatt li jolqot lil diversi entitajiet jew impatt transfruntier;

(b)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, notifika tal-inċident, li, meta applikabbli, għandha taġġorna l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u tindika valutazzjoni inizjali tal-inċident sinifikanti, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu, kif ukoll, meta disponibbli, l-indikaturi ta’ kompromess;

(c)

fuq talba tas-CERT-UE, rapport intermedju dwar aġġornamenti rilevanti tal-istatus;

(d)

rapport finali mhux aktar tard minn xahar wara s-sottomissjoni tan-notifika tal-inċident skont il-punt (b), li jinkludi dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tal-inċident, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu;

(ii)

it-tip ta’ theddida jew il-kawża ewlenija li aktarx wasslet għall-inċident;

(iii)

miżuri ta’ mitigazzjoni applikati u fis-seħħ;

(iv)

meta applikabbli, l-impatt transfruntier jew li jolqot lil diversi entitajiet tal-inċident;

(e)

fil-każ ta’ inċident li jkun għaddej fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-rapport finali msemmi fil-punt (d), rapport tal-progress f’dak iż-żmien u rapport finali fi żmien xahar minn meta jittrattaw l-inċident.

3.   Entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta ssir taf b’inċident sinifikanti, tinforma lil kwalunkwe kontroparti rilevanti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1) fl-Istat Membru fejn tkun tinsab li seħħ inċident sinifikanti.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw, fost l-oħrajn, kwalunkwe informazzjoni li tippermetti lis-CERT-UE jiddetermina kwalunkwe impatt li jolqot lil diversi entitajiet, impatt fuq l-Istat Membru ospitanti jew impatt transfruntier wara inċident sinifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, is-sempliċi att ta’ notifika ma għandux jimponi żieda fir-responsabbiltà għall-entità tal-Unjoni.

5.   meta applikabbli, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-utenti tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni affettwati, jew ta’ komponenti oħra tal-ambjent tal-ICT, li jkunu potenzjalment affettwati minn inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti, u, meta xieraq, jeħtieġ li jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni, kwalunkwe miżura jew rimedju li jistgħu jieħdu b’rispons għal dak l-inċident jew dik it-theddida. Meta jkun xieraq, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lil dawk l-utenti bit-theddida ċibernetika sinifikanti nnifisha.

6.   meta inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti jaffettwaw network u sistema tal-informazzjoni, jew komponent tal-ambjent tal-ICT ta’ entità tal-Unjoni li tkun konxjament konnessa ma’ ambjent tal-ICT ta’ entità oħra tal-Unjoni, is-CERT-UE għandu joħroġ ċiberallert rilevanti.

7.   L-entitajiet tal-Unjoni, fuq talba tas-CERT-UE, għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jagħtu lis-CERT-UE informazzjoni diġitali maħluqa bl-użu ta’ apparati elettroniċi involuti fl-inċidenti rispettivi tagħhom. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi aktar dettalji tat-tipi ta’ informazzjoni li jeħtieġ għall-għarfien tas-sitwazzjoni u għar-rispons għall-inċidenti.

8.   Is-CERT-UE għandu jissottometti lill-IICB, lill-ENISA, lill-INTCEN tal-UE u lin-network ta’ CSIRTs, kull tliet xhur, rapport ta’ sinteżi li jinkludi data anonimizzata u aggregata dwar inċidenti, theddid ċibernetiku sinifikanti, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet sinifikanti skont l-Artikolu 20 u inċidenti sinifikanti notifikati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport ta’ sinteżi għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

9.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, l-IICB għandu joħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet li jispeċifikaw aktar l-arranġamenti għar-rapportar skont dan l-Artikolu, u l-format u l-kontenut tiegħu. Meta jħejji tali linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, l-IICB għandu jqis kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 23(11) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 li jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni, il-format u l-proċedura tan-notifiki. Is-CERT-UE għandu jxerred id-dettalji tekniċi xierqa biex jippermetti d-detezzjoni proattiva, ir-rispons għall-inċidenti jew il-miżuri ta’ mitigazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni.

10.   L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:

(a)

għall-EUCI;

(b)

għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu.

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti

1.   meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:

(a)

l-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18.

2.   Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:

(a)

kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti;

(b)

appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post;

(c)

l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali;

(d)

koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni.

3.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

4.   Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.

5.   Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-Artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.


whereas









keyboard_arrow_down