search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'tal-awtoritajiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-awtoritajiet:


whereas tal-awtoritajiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 584

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid, fl-Unjoni, ta’ ċerti kategoriji ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku;

(b)

qafas ta’ notifika u superviżjoni għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(c)

qafas għar-reġistrazzjoni volontarja ta’ entitajiet li jiġbru u jipproċessaw id-data magħmula disponibbli għal finijiet altruwisti; u

(d)

qafas għat-twaqqif ta’ Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data.

2.   Dan ir-Regolament ma joħloq ebda obbligu fuq il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tad-data, u lanqas ma jeħles lill-korpi tas-settur pubbliku mill-obbligi tagħhom ta’ kunfidenzjalità skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar l-aċċess għal jew l-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għal dokumenti uffiċjali u d-divulgazzjoni tagħhom; u

(b)

l-obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku skont il-liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali li tippermetti l-użu mill-ġdid tad-data jew għar-rekwiżiti relatati mal-ipproċessar ta’ data mhux personali.

Fejn liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali speċifika għas-settur tirrikjedi li korpi tas-settur pubbliku, fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuti jikkonformaw ma’ rekwiżiti tekniċi, amministrattivi jew organizzattivi addizzjonali speċifiċi, inkluż permezz ta’ reġim ta’ awtorizzazzjoni jew ċertifikazzjoni, għandhom japplikaw ukoll dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali speċifika għas-settur. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali speċifiku bħal dan għandu jkun nondiskriminatorju, proporzjonat u ġustifikat b’mod oġġettiv.

3.   Il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali għandhom japplikaw għal kwalunkwe data personali pproċessata b’rabta ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1725 u d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680, inkluż fir-rigward tas-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji. Fil-każ ta’ kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali jew liġi nazzjonali adottata f’konformità ma’ tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali rilevanti. Dan ir-Regolament ma joħloqx bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali u ma jbiddel l-ebda dritt u obbligu stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725 jew fid-Direttivi 2002/58/KE jew (UE) 2016/680.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex twettaq il-kompiti relatati mal-proċedura ta’ notifika għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għall-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

3.   Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċibersigurtà u awtoritajiet settorjali rilevanti oħra. F’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dawk l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni b’saħħitha u jiskambjaw l-informazzjoni kif ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, u għandhom jimmiraw sabiex tinkiseb konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għar-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

L-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fl-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandha twettaq il-kompiti tagħha f’kooperazzjoni mal-awtorità rilevanti għall-protezzjoni tad-data, fejn tali kompiti jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, u ma’ awtoritajiet settorjali rilevanti ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 26

Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jistgħu jitwettqu mill-istess awtorità. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar għal dawk il-finijiet jew iserrħu fuq dawk eżistenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti, konsistenti, affidabbli u f’waqtu. Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, huma għandhom jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta u n-nondiskriminazzjoni.

3.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma jistgħux ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew il-persuna li twettaq il-manutenzjoni tas-servizzi li huma jevalwaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tas-servizzi evalwati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew l-użu ta’ tali servizzi għal skopijiet personali.

4.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhom jinvolvu ruħhom f’ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni assenjati lilhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inklużi l-għarfien u r-riżorsi tekniċi meħtieġa.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minn Stati Membri oħra, fuq talba motivata u mingħajr dewmien, l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Fejn awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tqis li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali u professjonali, il-Kummissjoni u kwalunkwe awtorità kompetenti oħra għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data kkonċernata għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità.

Artikolu 29

Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data fil-forma ta’ grupp ta’ esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tal- Istati Membri kollha, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-ENISA, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant tal-UE għall-SMEs jew rappreżentant maħtur min-network tar-rappreżentanti tal-SMEs, u rappreżentanti oħra tal-korpi rilevanti f’setturi speċifiċi kif ukoll korpi b’għarfien espert speċifiku. Meta taħtar esperti individwali, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tikseb bilanċ bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-grupp ta’ esperti.

2.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jikkonsisti minn tal-inqas mit-tliet subgruppi li ġejjin:

(a)

subgrupp magħmul mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, bil-ħsieb li jitwettqu l-kompetenti skont l-Artikolu 30, il-punti (a), (c), (j) u (k);

(b)

subgrupp għal diskussjonijiet tekniċi dwar l-istandardizzazzjoni, il-portabbiltà u l-interoperabbiltà skont l-Artikolu 30, il-punti (f) u (g);

(c)

subgrupp għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati magħmul minn rappreżentanti rilevanti mill-industrija, ir-riċerka, id-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, l-ispazji komuni Ewropej tad-data rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-partijiet terzi l-oħra rilevanti li jagħtu pariri lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data dwar il-kompiti skont l-Artikolu 30, il-punti (d), (e), (f), (g) u (h).

3.   Il-Kummissjoni għandha tippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data.

4.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-għajnuna ta’ segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni.

Artikolu 30

Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-korpi tas-settur pubbliku u l-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) fit-trattament ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1);

(b)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-Unjoni;

(c)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti dwar kif għandha tiġi protetta bl-aħjar mod, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, data kummerċjalment sensittiva ta’ natura mhux personali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali, iżda wkoll data mhux personali li tirrappreżenta kontenut protett permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn aċċess illegali li jista’ jwassal għal serq ta’ proprjetà intellettwali jew spjunaġġ industrijali;

(e)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-iskambju u l-ħżin tad-data;

(f)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istandards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bejn spazji komuni Ewropej tad-data emerġenti, it-tqabbil transsettorjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, u b’mod partikolari biex jiġi ċċarat u speċifikat liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(g)

li jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ekonomija tad-data fis-suq intern billi jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera, transsettorjali tad-data kif ukoll tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn setturi u dominji differenti, filwaqt li jibni fuq standards Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali eżistenti, fost oħrajn bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(h)

li jipproponi linji gwida għal ‘‘spazji komuni Ewropej tad-data’’ jiġifieri oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta’ standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili; tali standards u prattiki komuni għandhom iqisu l-istandards eżistenti, jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-parteċipanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ispazji tad-data eżistenti u futuri li jindirizzaw, fost oħrajn:

(i)

standards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, it-tqabbil u l-iskambju transsettorjali tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari il-kjarifika u l-ispeċifikazzjoni ta’ liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(ii)

rekwiżiti biex jiġu indirizzati l-barrieri għad-dħul fis-suq u biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-interoperabbiltà;

(iii)

protezzjoni adegwata għat-trasferimenti legali tad-data lejn pajjiżi terzi, inkluż salvagwardji kontra kwalunkwe trasferiment ipprojbit mil-liġi tal-Unjoni;

(iv)

rappreżentanza adegwata u mhux diskriminatorja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-governanza ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(v)

osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1) miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku madwar is-suq intern;

(j)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mal-proċedura ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ miżati jew pieni, kif ukoll jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tal-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data;

(k)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(11) u (12);

(l)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1);

(m)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju internazzjonali għad-data mhux personali inkluż l-istandardizzazzjoni.

Kapitolu VII

Aċċess u trasferiment internazzjonali


whereas









keyboard_arrow_down