search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'tad-drittijiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tad-drittijiet:


whereas tad-drittijiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1048

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ tali atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-iskop inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih tkun ġiet prodotta d-data; ħlief għall-iskambju ta’ data bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(3)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

“data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(6)

“permess” tfisser li l-utenti tad-data jingħataw id-dritt għall-ipproċessar ta’ data mhux personali;

(7)

“suġġett tad-data” tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(8)

“detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika, inklużi korpi tas-settur pubbliku u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew persuna fiżika li mhijiex suġġett tad-data fir-rigward tad-data speċifika inkwistjoni, li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, għandha d-dritt li tagħti aċċess għal jew tikkondividi ċerta data personali jew data mhux personali;

(9)

“utent tad-data” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha aċċess legali għal ċerta data personali jew mhux personali u jkollha d-dritt, inkluż fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ ta’ data personali, li tuża dik id-data għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali;

(10)

“kondiviżjoni tad-data” tfisser il-forniment ta’ data minn suġġett jew detentur tad-data lil utent tad-data għall-iskop ta’ użu konġunt jew individwali ta’ tali data, abbażi ta’ ftehimiet volontarji jew tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, pereżempju skont liċenzji miftuħa jew kummerċjali soġġetti għal tariffa jew mingħajr ħlas;

(11)

“servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data” tfisser servizz, li għandu l-għan li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali għall-finijiet ta’ kondiviżjoni tad-data bejn għadd mhux determinat ta’ suġġetti tad-data u detenturi tad-data minn naħa, u utenti tad-data min-naħa l-oħra, permezz ta’ mezzi tekniċi, legali jew oħrajn, inkluż għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ data personali, bl-eżklużjoni ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

servizzi li jiksbu data mid-detenturi tad-data u jaggregaw, jarrikkixxu jew jittrasformaw id-data għall-iskop li jżidu valur sostanzjali magħha u jilliċenzjaw l-użu tad-data li tirriżulta lill-utenti tad-data, mingħajr ma jistabbilixxu relazzjoni kummerċjali bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data;

(b)

servizzi li jagħmlu enfasi fuq l-intermedjazzjoni ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur;

(c)

servizzi li huma esklużivament użati minn detentur tad-data wieħed sabiex jippermettu l-użu tad-data miżmuma minn dak id-detentur tad-data, jew li jintużaw minn diversi persuni ġuridiċi fi grupp magħluq, inkluż relazzjonijiet bejn fornituri jew klijenti jew kollaborazzjonijiet stabbiliti b’kuntratt, b’mod partikolari dawk li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw il-funzjonalitajiet tal-oġġetti u l-apparat imqabbad mal-Internet tal-Oġġetti;

(d)

servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data offruti minn korpi tas-settur pubbliku s li ma jkollhomx l-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali;

(12)

“ipproċessar” tfisser ipproċessar kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tad-data personali jew l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1807 fir-rigward tad-data mhux personali;

(13)

“aċċess” tfisser użu tad-data, f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi, mingħajr ma neċessarjament jimplika t-trażmissjoni jew it-tniżżil ta’ data;

(14)

“stabbiliment ewlieni” ta’ persuna ġuridika tfisser il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha fl-Unjoni;

(15)

“servizzi ta’ kooperattivi tad-data” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data offruti minn struttura organizzattiva kostitwita minn suġġetti tad-data, impriżi b’persuna waħda jew SMEs li jkunu membri ta’ dik l-istruttura, li jkollha bħala l-objettivi ewlenin tagħha li tappoġġa lill-membri tagħha fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ ċerta data, inkluż fir-rigward tad-dritt li jagħmlu għażliet infurmati qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data u li jkollhom skambju ta’ fehmiet dwar finijiet u kondizzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li jirrappreżentaw bl-aħjar mod l-interessi tal-membri tagħha b’rabta mad-data tagħhom, u li tinnegozja t-termini u l-kondizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data f’isem il-membri tagħha qabel ma jagħtu l-permess għall-ipproċessar tad-data mhux personali jew qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali;

(16)

“altruwiżmu fir-rigward tad-data” tfisser il-kondiviżjoni volontarja tad-data abbażi tal-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data għall-ipproċessar tad-data personali li tappartjeni għalihom, jew permessi ta’ detenturi tad-data biex jippermettu l-użu tad-data mhux personali tagħhom mingħajr ma jfittxu jew jirċievu premju li jmur lil hinn minn kumpens relatat mal-ispejjeż li jġarrbu meta jagħmlu d-data tagħhom disponibbli għal objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn applikabbli, bħall-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-titjib tal-mobbiltà, l-iffaċilitar tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika uffiċjali, it-titjib tal-forniment tas-servizzi pubbliċi, it-tfassil tal-politika pubblika jew finijiet ta’ riċerka xjentifika fl-interess ġenerali;

(17)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

(18)

“korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu stabbiliti għall-iskop speċifiku li jissodisfaw il-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, u ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

ikollhom personalità ġuridika;

(c)

ikunu ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħrajn regolati mil-liġi pubblika; ikunu soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika;

(19)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti direttament jew indirettament permezz tas-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha; għall-iskop ta’ din id-definizzjoni, influwenza dominanti min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku għandha tkun preżunta fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża;

(20)

“ambjent tal-ipproċessar sigur” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-mezzi organizzattivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà kummerċjali u tal-istatistika, kif ukoll mal-liġi applikabbli nazzjonali, u li jippermettu lill-entità li tipprovdi l-ambjent tal-ipproċessar sigur tiddetermina u tissorvelja l-azzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data, inkluż il-wiri, il-ħżin, it-tniżżil, u l-esportazzjoni ta’ data u l-kalkolu ta’ data derivattiva permezz ta’ algoritmi komputazzjonali;

(21)

“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura b’mod espliċitu biex taġixxi f’isem fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità li tiġbor id-data għal objettivi ta’ interess ġenerali magħmula disponibbli minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data mhux stabbilita fl-Unjoni, li tista’ tiġi indirizzata mill-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data minbarra jew minflok il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità fir-rigward tal-obbligi skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tat-tnedija ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra fornitur jew entità ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ data li ma jkunx konformi mhux stabbiliti fl-Unjoni.

KAPITOLU II

L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

Artikolu 3

Kategoriji ta’ data

1.   Dan il-Kapitolu japplika għad-data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma protetti fuq il-bażi ta’:

(a)

kunfidenzjalità kummerċjali, inkluż sigrieti kummerċjali, professjonali u tal-kumpanniji;

(b)

kunfidenzjalità tal-istatistika;

(c)

il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi; jew

(d)

il-protezzjoni ta’ data personali, sakemm tali data taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1024.

2.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

(a)

data miżmuma minn impriżi pubbliċi;

(b)

data miżmuma mix-xandara tas-servizz pubbliku u mis-sussidjarji tagħhom, u minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettiq tal-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(c)

data miżmuma mill-istabbilimenti kulturali u l-istabbilimenti edukattivi;

(d)

data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li hija protetta għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża jew sigurtà nazzjonali; jew

(e)

data li l-provvista tagħha hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew, fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, kif definita f’konformità mal-prattika amministrattiva komuni f’dak l-Istat Membru, sakemm l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami.

3.   Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istati Membri huma parti dwar il-protezzjoni ta’ kategoriji ta’ data msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti.

Artikolu 6

Tariffi

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data.

2.   Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 1 għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa tkun tista’ wkoll titħallas online permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont ta’ pagament fl-Unjoni.

4.   Fejn il-korpi tas-settur pubbliku japplikaw tariffi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprovdu inċentivi għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għal finijiet mhux kummerċjali bħal finijiet ta’ riċerka xjentifika u minn SMEs u negozji ġodda f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dak ir-rigward, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu d-data disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas, b’mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda, għas-soċjetà ċivili u għall-istabbilimenti edukattivi. Għal dan il-għan, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jistabbilixxu lista ta’ kategoriji ta’ utenti mill-ġdid li d-data għall-użu mill-ġdid issir disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas. Dik il-lista, flimkien mal-kriterji użati biex tiġi stabbilita, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

5.   Kwalunkwe tariffa għandha tkun derivata mill-kostijiet relatati mat-tmexxija tal-proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1); ulimitata għall-kostijiet meħtieġa fir-rigward ta’:

(a)

ir-riproduzzjoni, il-forniment u d-disseminazzjoni tad-data;

(b)

l-approvazzjoni tad-drittijiet;

(c)

l-anonimizzazzjoni jew forom oħra ta’ tħejjija ta’ data personali u ta’ data kunfidenzjali kummerċjalment kif previst fl-Artikolu 5(3);

(d)

iż-żamma tal-ambjent sigur tal-ipproċessar;

(e)

i-kisba tad-dritt li jiġi permess l-użu mill-ġdid f’konformità ma’ dan il-Kapitolu minn partijiet terzi barra mis-settur pubbliku; u

(f)

l-assistenza lill-utenti mill-ġdid biex ifittxu l-kunsens mis-suġġetti tad-data u l-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid.

6.   Il-kriterji u l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet u r-regoli użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet.

Artikolu 10

Servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li ġejjin għandu jikkonforma mal-Artikolu 12 u għandu jkun soġġett għal proċedura ta’ notifika:

(a)

servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn id-detenturi tad-data u utenti potenzjali tad-data, inkluż li jagħmlu disponibbli l-mezzi tekniċi jew mezzi oħra biex jippermettu dawn is-servizzi; dawk is-servizzi jistgħu jinkludu skambji bilaterali jew multilaterali ta’ data jew il-ħolqien ta’ pjattaformi jew bażijiet ta’ data li jippermettu l-iskambju jew l-użu konġunt ta’ data, kif ukoll l-istabbiliment ta’ infrastruttura speċifika oħra għall-interkonnessjoni tad-detenturi tad-data mal-utenti tad-data;

(b)

servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn is-suġġetti tad-data li jfittxu li jagħmlu d-data personali tagħhom disponibbli jew persuni fiżiċi li jfittxu li jagħmlu data mhux personali disponibbli, u l-utenti potenzjali tad-data, inkluż li jagħmlu disponibbli l-mezzi tekniċi jew mezzi oħra biex jippermettu dawn is-servizzi, u b’mod partikolari jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data pprovduti fir-Regolament (UE) 2016/679;

(c)

servizzi ta’ kooperattivi tad-data.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma għandux juża d-data li għaliha jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għal skopijiet oħra ħlief li jpoġġiha għad-dispożizzjoni tal-utenti tad-data u għandu jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data permezz ta’ persuna ġuridika separata;

(b)

it-termini kummerċjali, inkluż l-ipprezzar, għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data lil detentur tad-data jew utent tad-data ma għandhomx ikunu dipendenti minn jekk id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużawx servizzi oħra pprovduti mill-istess fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew minn entità relatata, u jekk dan ikun il-każ safejn id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużaw tali servizzi oħra;

(c)

id-data miġbura fir-rigward ta’ kwalunkwe attività ta’ persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet tal-forniment ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, inklużi d-data, il-ħin u d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, id-durata tal-attività u l-konnessjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra stabbiliti mill-persuna li tuża s-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, għandha tintuża biss għall-iżvilupp ta’ dak is-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, li jista’ jinkludi l-użu ta’ data għas-sejba ta’ frodi jew għaċ-ċibersigurtà, u għandha ssir disponibbli għad-detenturi tad-data fuq talba;

(d)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiffaċilita l-iskambju tad-data fil-format li fih jirċievi d-data mingħand suġġett tad-data jew detentur tad-data għandu jikkonverti d-data f’formati speċifiċi biss biex itejjeb l-interoperabbiltà fis-setturi u bejniethom jew jekk mitlub mill-utent tad-data jew meta jkun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ma’ standards tad-data internazzjonali jew Ewropej u għandu joffri possibbiltà ta’ nonparteċipazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-konverżjonijiet lis-suġġetti tad-data jew lid-detenturi tad-data, sakemm il-konverżjoni ma tkunx obbligatorja skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu jinkludu l-offerta ta’ għodod u servizzi speċifiċi addizzjonali lid-detenturi tad-data jew lis-suġġetti tad-data għall-fini speċifika li jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data, bħal pereżempju l-ħżin temporanju, il-konservazzjoni, il-konverżjoni, l-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni; dawk l-għodod u servizzi għandhom jintużaw biss fuq it-talba jew l-approvazzjoni espliċita tad-detentur tad-data jew is-suġġett tad-data u l-għodod ta’ partijiet terzi offruti f’dak il-kuntest ma għandhomx jużaw id-data għal finijiet oħra;

(f)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura li l-proċedura għall-aċċess għas-servizz tiegħu tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja kemm għas-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data kif ukoll għall-utenti tad-data, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet u t-termini tas-servizz;

(g)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollu fis-seħħ proċeduri li jipprevjenu prattiki frodulenti jew abbużivi fir-rigward tal-partijiet li jkunu qed ifittxu aċċess permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu;

(h)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu, f’każ li jkun insolventi, jiżgura kontinwità raġonevoli tal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jiżguraw il-ħżin tad-data, huwa għandu jkollu mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu lid-detenturi tad-data u lill-utenti tad-data jiksbu aċċess għad-data tagħhom, jittrasferuha jew jirkuprawha u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma pprovduti bejn suġġetti tad-data u utenti tad-data, jippermetti lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

(i)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-interoperabbiltà ma’ servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni tad-data, inter alia, permezz ta’ standards miftuħa użati komunement fis-settur li fih jopera l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data;

(j)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jistabbilixxi miżuri tekniċi, legali u organizzattivi adegwati sabiex jipprevjeni t-trasferiment jew l-aċċess għal data mhux personali li tkun illegali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti;

(k)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinforma lid-detenturi tad-data mingħajr dewmien f’każ ta’ trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li jkun ikkondivida;

(l)

il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri biex jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data mhux personali, u l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni sensittiva b’rabta mal-kompetizzjoni;

(m)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li joffri servizzi lis-suġġetti tad-data għandu jaġixxi fl-aħjar interess tas-suġġetti tad-data meta jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari billi jinforma u, fejn xieraq, jagħti pariri lis-suġġetti tad-data b’mod konċiż, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli dwar l-użu maħsub tad-data mill-utenti tad-data u t-termini u l-kondizzjonijiet standard marbuta ma’ tali użi, qabel ma s-suġġetti tad-data jagħtu l-kunsens;

(n)

meta fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar ta’ data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, huwa għandu, fejn rilevanti, jispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta pajjiż terz li fiha ikun maħsub li ser isir l-użu tad-data u jipprovdi lis-suġġetti tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-kunsens u lid-detenturi tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-permessi għall-ipproċessar tad-data;

(o)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jżomm reġistru tal-attività tal-intermedjazzjoni tad-data.

Artikolu 21

Rekwiżiti speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġetti tad-data u tad-detenturi tad-data fir-rigward tad-data tagħhom

1.   Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma lis-suġġetti tad-data u lid-detenturi tad-data qabel kwalunkwe pproċessar tad-data tagħhom b’mod ċar u faċli li jinftiehem dwar:

(a)

l-objettivi ta’ interess ġenerali u, jekk applikabbli, l-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu li għalih għandha tiġi pproċessata d-data personali, u li għalihom hija tippermetti l-ipproċessar tad-data tagħha minn utent tad-data;

(b)

il-post u l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tippermetti kwalunkwe pproċessar imwettaq f’pajjiż terz, fejn l-ipproċessar jitwettaq mill-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża d-data għal objettivi oħra għajr dawk ta’ interess ġenerali li għalihom is-suġġett tad-data jew id-detentur tad-data jippermetti l-ipproċessar. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża prattiki kummerċjali qarrieqa għas-solleċitazzjoni tal-forniment ta’ data.

3.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi għodod biex jinkiseb il-kunsens mis-suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar tad-data magħmula disponibbli mid-detenturi tad-data. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi wkoll għodod sabiex tali kunsens jew permess jiġi rtirat faċilment.

4.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tieħu miżuri biex tiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar ta’ data mhux personali li tkun ġabret abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

5.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma mingħajr dewmien lid-detenturi tad-data f’każ ta’ kwalunkwe trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li tkun ikkondividiet.

6.   Meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tiffaċilita l-ipproċessar tad-data minn partijiet terzi, inkluż billi tipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi biex tiġi pproċessata data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, hija għandha, fejn ikun rilevanti, tispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li fiha jkun maħsub li jsir l-użu tad-data.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta’ Settembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 38.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2022.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(4)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE, (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33).

(7)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport. (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa. (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).

(11)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni. (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(13)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(14)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom. (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE. (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(20)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(23)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(25)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 557/2013 tas-17 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 (ĠU L 164, 18.6.2013, p. 16).

(26)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(27)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84)

(28)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(30)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(31)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(32)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(33)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).



whereas









keyboard_arrow_down