search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'prattiki' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index prattiki:


whereas prattiki:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 637

 

Artikolu 4

Projbizzjoni ta’ arranġamenti esklużivi

1.   Ftehimiet jew prattiki oħra li għandhom x’jaqsmu mal-użu mill-ġdid ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li fihom kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) li jagħtu drittijiet esklużivi jew li għandhom bħala l-objettiv jew l-effett tagħhom li jagħtu tali drittijiet esklużivi jew li jirrestrinġu d-disponibbiltà tad-data għal dan l-użu mill-ġdid minn entitajiet għajr il-partijiet f’tali ftehimiet jew prattiki oħra għandhom ikunu pprojbiti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dritt esklużiv għall-użu mill-ġdid tad-data msemmija f’dak il-paragrafu jista’ jingħata sal-punt meħtieġ għall-forniment ta’ servizz jew il-provvista ta’ prodott fl-interess ġenerali li altrimenti ma tkunx possibbli.

3.   Dritt esklussiv kif imsemmi fl-paragrafu 2 għandu jingħata permezz ta’ att amministrattiv jew arranġament kuntrattwali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli u f’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni.

4.   It-tul ta’ żmien tad-dritt ta’ esklużività għall-użu mill-ġdid tad-data ma għandux jaqbeż it-tnax-il xahar. Meta jiġi konkluż kuntratt, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt għandu jkun l-istess bħat-tul ta’ żmien tad-dritt ta’ esklużività.

5.   L-għoti ta’ dritt esklużiv skont il-paragrafi (2), (3) u (4), inkluż ir-raġunijiet għaliex huwa meħtieġ li jingħata tali dritt, għandu jkun trasparenti u jsir pubblikament disponibbli online, f’forma li tkun konformi mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku.

6.   Ftehimiet jew prattiki oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li ġew konklużi qabel it-23 ta’ Ġunju 2022 għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt applikabbli u fi kwalunkwe każ sal-24 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma għandux juża d-data li għaliha jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għal skopijiet oħra ħlief li jpoġġiha għad-dispożizzjoni tal-utenti tad-data u għandu jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data permezz ta’ persuna ġuridika separata;

(b)

it-termini kummerċjali, inkluż l-ipprezzar, għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data lil detentur tad-data jew utent tad-data ma għandhomx ikunu dipendenti minn jekk id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużawx servizzi oħra pprovduti mill-istess fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew minn entità relatata, u jekk dan ikun il-każ safejn id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużaw tali servizzi oħra;

(c)

id-data miġbura fir-rigward ta’ kwalunkwe attività ta’ persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet tal-forniment ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, inklużi d-data, il-ħin u d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, id-durata tal-attività u l-konnessjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra stabbiliti mill-persuna li tuża s-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, għandha tintuża biss għall-iżvilupp ta’ dak is-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, li jista’ jinkludi l-użu ta’ data għas-sejba ta’ frodi jew għaċ-ċibersigurtà, u għandha ssir disponibbli għad-detenturi tad-data fuq talba;

(d)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiffaċilita l-iskambju tad-data fil-format li fih jirċievi d-data mingħand suġġett tad-data jew detentur tad-data għandu jikkonverti d-data f’formati speċifiċi biss biex itejjeb l-interoperabbiltà fis-setturi u bejniethom jew jekk mitlub mill-utent tad-data jew meta jkun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ma’ standards tad-data internazzjonali jew Ewropej u għandu joffri possibbiltà ta’ nonparteċipazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-konverżjonijiet lis-suġġetti tad-data jew lid-detenturi tad-data, sakemm il-konverżjoni ma tkunx obbligatorja skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu jinkludu l-offerta ta’ għodod u servizzi speċifiċi addizzjonali lid-detenturi tad-data jew lis-suġġetti tad-data għall-fini speċifika li jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data, bħal pereżempju l-ħżin temporanju, il-konservazzjoni, il-konverżjoni, l-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni; dawk l-għodod u servizzi għandhom jintużaw biss fuq it-talba jew l-approvazzjoni espliċita tad-detentur tad-data jew is-suġġett tad-data u l-għodod ta’ partijiet terzi offruti f’dak il-kuntest ma għandhomx jużaw id-data għal finijiet oħra;

(f)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura li l-proċedura għall-aċċess għas-servizz tiegħu tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja kemm għas-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data kif ukoll għall-utenti tad-data, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet u t-termini tas-servizz;

(g)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollu fis-seħħ proċeduri li jipprevjenu prattiki frodulenti jew abbużivi fir-rigward tal-partijiet li jkunu qed ifittxu aċċess permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu;

(h)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu, f’każ li jkun insolventi, jiżgura kontinwità raġonevoli tal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jiżguraw il-ħżin tad-data, huwa għandu jkollu mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu lid-detenturi tad-data u lill-utenti tad-data jiksbu aċċess għad-data tagħhom, jittrasferuha jew jirkuprawha u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma pprovduti bejn suġġetti tad-data u utenti tad-data, jippermetti lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

(i)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-interoperabbiltà ma’ servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni tad-data, inter alia, permezz ta’ standards miftuħa użati komunement fis-settur li fih jopera l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data;

(j)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jistabbilixxi miżuri tekniċi, legali u organizzattivi adegwati sabiex jipprevjeni t-trasferiment jew l-aċċess għal data mhux personali li tkun illegali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti;

(k)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinforma lid-detenturi tad-data mingħajr dewmien f’każ ta’ trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li jkun ikkondivida;

(l)

il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri biex jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data mhux personali, u l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni sensittiva b’rabta mal-kompetizzjoni;

(m)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li joffri servizzi lis-suġġetti tad-data għandu jaġixxi fl-aħjar interess tas-suġġetti tad-data meta jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari billi jinforma u, fejn xieraq, jagħti pariri lis-suġġetti tad-data b’mod konċiż, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli dwar l-użu maħsub tad-data mill-utenti tad-data u t-termini u l-kondizzjonijiet standard marbuta ma’ tali użi, qabel ma s-suġġetti tad-data jagħtu l-kunsens;

(n)

meta fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar ta’ data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, huwa għandu, fejn rilevanti, jispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta pajjiż terz li fiha ikun maħsub li ser isir l-użu tad-data u jipprovdi lis-suġġetti tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-kunsens u lid-detenturi tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-permessi għall-ipproċessar tad-data;

(o)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jżomm reġistru tal-attività tal-intermedjazzjoni tad-data.

Artikolu 21

Rekwiżiti speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġetti tad-data u tad-detenturi tad-data fir-rigward tad-data tagħhom

1.   Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma lis-suġġetti tad-data u lid-detenturi tad-data qabel kwalunkwe pproċessar tad-data tagħhom b’mod ċar u faċli li jinftiehem dwar:

(a)

l-objettivi ta’ interess ġenerali u, jekk applikabbli, l-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu li għalih għandha tiġi pproċessata d-data personali, u li għalihom hija tippermetti l-ipproċessar tad-data tagħha minn utent tad-data;

(b)

il-post u l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tippermetti kwalunkwe pproċessar imwettaq f’pajjiż terz, fejn l-ipproċessar jitwettaq mill-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża d-data għal objettivi oħra għajr dawk ta’ interess ġenerali li għalihom is-suġġett tad-data jew id-detentur tad-data jippermetti l-ipproċessar. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża prattiki kummerċjali qarrieqa għas-solleċitazzjoni tal-forniment ta’ data.

3.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi għodod biex jinkiseb il-kunsens mis-suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar tad-data magħmula disponibbli mid-detenturi tad-data. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi wkoll għodod sabiex tali kunsens jew permess jiġi rtirat faċilment.

4.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tieħu miżuri biex tiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar ta’ data mhux personali li tkun ġabret abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

5.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma mingħajr dewmien lid-detenturi tad-data f’każ ta’ kwalunkwe trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li tkun ikkondividiet.

6.   Meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tiffaċilita l-ipproċessar tad-data minn partijiet terzi, inkluż billi tipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi biex tiġi pproċessata data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, hija għandha, fejn ikun rilevanti, tispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li fiha jkun maħsub li jsir l-użu tad-data.

Artikolu 30

Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-korpi tas-settur pubbliku u l-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) fit-trattament ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1);

(b)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-Unjoni;

(c)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti dwar kif għandha tiġi protetta bl-aħjar mod, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, data kummerċjalment sensittiva ta’ natura mhux personali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali, iżda wkoll data mhux personali li tirrappreżenta kontenut protett permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn aċċess illegali li jista’ jwassal għal serq ta’ proprjetà intellettwali jew spjunaġġ industrijali;

(e)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-iskambju u l-ħżin tad-data;

(f)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istandards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bejn spazji komuni Ewropej tad-data emerġenti, it-tqabbil transsettorjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, u b’mod partikolari biex jiġi ċċarat u speċifikat liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(g)

li jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ekonomija tad-data fis-suq intern billi jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera, transsettorjali tad-data kif ukoll tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn setturi u dominji differenti, filwaqt li jibni fuq standards Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali eżistenti, fost oħrajn bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(h)

li jipproponi linji gwida għal ‘‘spazji komuni Ewropej tad-data’’ jiġifieri oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta’ standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili; tali standards u prattiki komuni għandhom iqisu l-istandards eżistenti, jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-parteċipanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ispazji tad-data eżistenti u futuri li jindirizzaw, fost oħrajn:

(i)

standards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, it-tqabbil u l-iskambju transsettorjali tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari il-kjarifika u l-ispeċifikazzjoni ta’ liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(ii)

rekwiżiti biex jiġu indirizzati l-barrieri għad-dħul fis-suq u biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-interoperabbiltà;

(iii)

protezzjoni adegwata għat-trasferimenti legali tad-data lejn pajjiżi terzi, inkluż salvagwardji kontra kwalunkwe trasferiment ipprojbit mil-liġi tal-Unjoni;

(iv)

rappreżentanza adegwata u mhux diskriminatorja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-governanza ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(v)

osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1) miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku madwar is-suq intern;

(j)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mal-proċedura ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ miżati jew pieni, kif ukoll jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tal-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data;

(k)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(11) u (12);

(l)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1);

(m)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju internazzjonali għad-data mhux personali inkluż l-istandardizzazzjoni.

Kapitolu VII

Aċċess u trasferiment internazzjonali


whereas









keyboard_arrow_down