search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'delegati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index delegati:


whereas delegati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 639

 

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:

(i)

anonimizzata, fil-każ ta’ data personali; u

(ii)

modifikata, aggregata jew ittrattata bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kontroll dwar divulgazzjoni, fil-każ ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inkluż sigrieti kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku;

(c)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi.

4.   Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.

5.   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

6.   Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

7.   L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.

8.   Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.

9.   Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.

10.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:

(a)

jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u

(b)

jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8.

11.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

12.   Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a)

jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u

(c)

jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

13.   Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.

Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.

14.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.

Artikolu 18

Rekwiżiti ġenerali għar-reġistrazzjoni

Sabiex tikkwalifika għar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, entità għandha:

(a)

twettaq attivitajiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

tkun persuna ġuridika stabbilita skont il-liġi nazzjonali biex tilħaq objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn ikun applikabbli;

(c)

topera fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u tkun legalment indipendenti minn kwalunkwe entità li topera fuq bażi għal skop ta’ qligħ;

(d)

twettaq l-attivitajiet relatati mal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz ta’ struttura li hija funzjonalment separata mill-attivitajiet l-oħra tagħha;

(e)

tikkonforma mal-ġabra tar-regoli msemmija fl-Artikolu 22(1), mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija f’dak il-paragrafu.

Artikolu 22

Ġabra ta’ regoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32, li jissupplementaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu ġabra ta’ regoli, li tistipula:

(a)

rekwiżiti ta’ informazzjoni xierqa biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data u jiġu pprovduti, qabel ma jingħata kunsens jew permess għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data, b’informazzjoni dettaljata, ċara u trasparenti biżżejjed dwar l-użu tad-data, l-għodod għall-għoti u l-irtirar tal-kunsens jew tal-permess, u l-miżuri meħuda biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-data kondiviża mal-organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

rekwiżiti tekniċi u ta’ sigurtà xierqa biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data, kif ukoll għall-għodod biex jingħata u jiġi rtirat il-kunsens jew il-permess;

(c)

pjanijiet direzzjonali ta’ komunikazzjoni li jieħdu approċċ multidixxiplinari għas-sensibilizzazzjoni dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, dwar il-ħatra bħala “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” u dwar il-ġabra tar-regoli fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari d-detenturi tad-data u s-suġġetti tad-data li potenzjalment jikkondividu d-data tagħhom;

(d)

rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards rilevanti tal-interoperabbiltà.

2.   Il-ġabra tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 32

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet mogħtija f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-23 ta’ Ġunju 2022.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(13) jew l-Artikolu 22(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down