search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'dawn' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index dawn:


whereas dawn:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 887

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ tali atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-iskop inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih tkun ġiet prodotta d-data; ħlief għall-iskambju ta’ data bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(3)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

“data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(6)

“permess” tfisser li l-utenti tad-data jingħataw id-dritt għall-ipproċessar ta’ data mhux personali;

(7)

“suġġett tad-data” tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(8)

“detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika, inklużi korpi tas-settur pubbliku u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew persuna fiżika li mhijiex suġġett tad-data fir-rigward tad-data speċifika inkwistjoni, li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, għandha d-dritt li tagħti aċċess għal jew tikkondividi ċerta data personali jew data mhux personali;

(9)

“utent tad-data” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha aċċess legali għal ċerta data personali jew mhux personali u jkollha d-dritt, inkluż fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ ta’ data personali, li tuża dik id-data għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali;

(10)

“kondiviżjoni tad-data” tfisser il-forniment ta’ data minn suġġett jew detentur tad-data lil utent tad-data għall-iskop ta’ użu konġunt jew individwali ta’ tali data, abbażi ta’ ftehimiet volontarji jew tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, pereżempju skont liċenzji miftuħa jew kummerċjali soġġetti għal tariffa jew mingħajr ħlas;

(11)

“servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data” tfisser servizz, li għandu l-għan li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali għall-finijiet ta’ kondiviżjoni tad-data bejn għadd mhux determinat ta’ suġġetti tad-data u detenturi tad-data minn naħa, u utenti tad-data min-naħa l-oħra, permezz ta’ mezzi tekniċi, legali jew oħrajn, inkluż għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ data personali, bl-eżklużjoni ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

servizzi li jiksbu data mid-detenturi tad-data u jaggregaw, jarrikkixxu jew jittrasformaw id-data għall-iskop li jżidu valur sostanzjali magħha u jilliċenzjaw l-użu tad-data li tirriżulta lill-utenti tad-data, mingħajr ma jistabbilixxu relazzjoni kummerċjali bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data;

(b)

servizzi li jagħmlu enfasi fuq l-intermedjazzjoni ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur;

(c)

servizzi li huma esklużivament użati minn detentur tad-data wieħed sabiex jippermettu l-użu tad-data miżmuma minn dak id-detentur tad-data, jew li jintużaw minn diversi persuni ġuridiċi fi grupp magħluq, inkluż relazzjonijiet bejn fornituri jew klijenti jew kollaborazzjonijiet stabbiliti b’kuntratt, b’mod partikolari dawk li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw il-funzjonalitajiet tal-oġġetti u l-apparat imqabbad mal-Internet tal-Oġġetti;

(d)

servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data offruti minn korpi tas-settur pubbliku s li ma jkollhomx l-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali;

(12)

“ipproċessar” tfisser ipproċessar kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tad-data personali jew l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1807 fir-rigward tad-data mhux personali;

(13)

“aċċess” tfisser użu tad-data, f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi, mingħajr ma neċessarjament jimplika t-trażmissjoni jew it-tniżżil ta’ data;

(14)

“stabbiliment ewlieni” ta’ persuna ġuridika tfisser il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha fl-Unjoni;

(15)

“servizzi ta’ kooperattivi tad-data” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data offruti minn struttura organizzattiva kostitwita minn suġġetti tad-data, impriżi b’persuna waħda jew SMEs li jkunu membri ta’ dik l-istruttura, li jkollha bħala l-objettivi ewlenin tagħha li tappoġġa lill-membri tagħha fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ ċerta data, inkluż fir-rigward tad-dritt li jagħmlu għażliet infurmati qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data u li jkollhom skambju ta’ fehmiet dwar finijiet u kondizzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li jirrappreżentaw bl-aħjar mod l-interessi tal-membri tagħha b’rabta mad-data tagħhom, u li tinnegozja t-termini u l-kondizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data f’isem il-membri tagħha qabel ma jagħtu l-permess għall-ipproċessar tad-data mhux personali jew qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali;

(16)

“altruwiżmu fir-rigward tad-data” tfisser il-kondiviżjoni volontarja tad-data abbażi tal-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data għall-ipproċessar tad-data personali li tappartjeni għalihom, jew permessi ta’ detenturi tad-data biex jippermettu l-użu tad-data mhux personali tagħhom mingħajr ma jfittxu jew jirċievu premju li jmur lil hinn minn kumpens relatat mal-ispejjeż li jġarrbu meta jagħmlu d-data tagħhom disponibbli għal objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn applikabbli, bħall-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-titjib tal-mobbiltà, l-iffaċilitar tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika uffiċjali, it-titjib tal-forniment tas-servizzi pubbliċi, it-tfassil tal-politika pubblika jew finijiet ta’ riċerka xjentifika fl-interess ġenerali;

(17)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

(18)

“korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu stabbiliti għall-iskop speċifiku li jissodisfaw il-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, u ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

ikollhom personalità ġuridika;

(c)

ikunu ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħrajn regolati mil-liġi pubblika; ikunu soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika;

(19)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti direttament jew indirettament permezz tas-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha; għall-iskop ta’ din id-definizzjoni, influwenza dominanti min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku għandha tkun preżunta fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża;

(20)

“ambjent tal-ipproċessar sigur” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-mezzi organizzattivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà kummerċjali u tal-istatistika, kif ukoll mal-liġi applikabbli nazzjonali, u li jippermettu lill-entità li tipprovdi l-ambjent tal-ipproċessar sigur tiddetermina u tissorvelja l-azzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data, inkluż il-wiri, il-ħżin, it-tniżżil, u l-esportazzjoni ta’ data u l-kalkolu ta’ data derivattiva permezz ta’ algoritmi komputazzjonali;

(21)

“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura b’mod espliċitu biex taġixxi f’isem fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità li tiġbor id-data għal objettivi ta’ interess ġenerali magħmula disponibbli minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data mhux stabbilita fl-Unjoni, li tista’ tiġi indirizzata mill-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data minbarra jew minflok il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità fir-rigward tal-obbligi skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tat-tnedija ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra fornitur jew entità ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ data li ma jkunx konformi mhux stabbiliti fl-Unjoni.

KAPITOLU II

L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

Artikolu 3

Kategoriji ta’ data

1.   Dan il-Kapitolu japplika għad-data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma protetti fuq il-bażi ta’:

(a)

kunfidenzjalità kummerċjali, inkluż sigrieti kummerċjali, professjonali u tal-kumpanniji;

(b)

kunfidenzjalità tal-istatistika;

(c)

il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi; jew

(d)

il-protezzjoni ta’ data personali, sakemm tali data taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1024.

2.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

(a)

data miżmuma minn impriżi pubbliċi;

(b)

data miżmuma mix-xandara tas-servizz pubbliku u mis-sussidjarji tagħhom, u minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettiq tal-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(c)

data miżmuma mill-istabbilimenti kulturali u l-istabbilimenti edukattivi;

(d)

data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li hija protetta għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża jew sigurtà nazzjonali; jew

(e)

data li l-provvista tagħha hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew, fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, kif definita f’konformità mal-prattika amministrattiva komuni f’dak l-Istat Membru, sakemm l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami.

3.   Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istati Membri huma parti dwar il-protezzjoni ta’ kategoriji ta’ data msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti.

Artikolu 9

Proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid

1.   Sakemm ma jkunux ġew stabbiliti limiti ta’ żmien iqsar skont il-liġi nazzjonali il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba.

F’każ ta’ talbiet għal użu mill-ġdid eċċezzjonalment estensivi u kumplessi, dan il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 30 jum. F’każijiet bħal dawn il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jinnotifikaw l-applikant malajr kemm jista’ jkun li huwa meħtieġ aktar żmien biex titmexxa l-proċedura, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.

2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika affettwata direttament minn deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollha dritt effettiv ta’ rimedju fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp rilevanti. It-tali dritt ta’ rimedju għandu jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali u għandu jinkludi l-possibbiltà ta’ rieżami minn korp imparzjali bl-għarfien espert xieraq, bħal pereżempju l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità rilevanti għall-aċċess għad-dokumenti, l-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti fuq il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti kkonċernat.

KAPITOLU III

Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Artikolu 10

Servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li ġejjin għandu jikkonforma mal-Artikolu 12 u għandu jkun soġġett għal proċedura ta’ notifika:

(a)

servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn id-detenturi tad-data u utenti potenzjali tad-data, inkluż li jagħmlu disponibbli l-mezzi tekniċi jew mezzi oħra biex jippermettu dawn is-servizzi; dawk is-servizzi jistgħu jinkludu skambji bilaterali jew multilaterali ta’ data jew il-ħolqien ta’ pjattaformi jew bażijiet ta’ data li jippermettu l-iskambju jew l-użu konġunt ta’ data, kif ukoll l-istabbiliment ta’ infrastruttura speċifika oħra għall-interkonnessjoni tad-detenturi tad-data mal-utenti tad-data;

(b)

servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn is-suġġetti tad-data li jfittxu li jagħmlu d-data personali tagħhom disponibbli jew persuni fiżiċi li jfittxu li jagħmlu data mhux personali disponibbli, u l-utenti potenzjali tad-data, inkluż li jagħmlu disponibbli l-mezzi tekniċi jew mezzi oħra biex jippermettu dawn is-servizzi, u b’mod partikolari jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data pprovduti fir-Regolament (UE) 2016/679;

(c)

servizzi ta’ kooperattivi tad-data.

Artikolu 11

Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

4.   Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.

6.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(b)

l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali;

(d)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f);

(e)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(f)

deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz;

(g)

id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika.

7.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

8.   Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.   Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

10.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..

11.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..

12.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.

13.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.

14.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 34

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tal-obbligi rigward it-trasferimenti ta’ data mhux personali lil pajjiżi terzi skont l-Artikolu 5(14) u l-Artikolu 31, l-obbligu ta’ notifika tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jinnotifikaw skont l-Artikolu 11, il-kondizzjonijiet biex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data skont l-Artikolu 12, u l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data skont l-Artikoli 18, 20, 21 u 21 u għadhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fir-regoli tagħhom dwar il-pieni, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data. Sal-24 ta’ Settembru 2023, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi li ġejjin għall-impożizzjoni ta’ pieni fuq fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għal ksur ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq:

(a)

in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data biex jiġi mmitigat jew rimedjat id-dannu kkawżat mill-ksur;

(c)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minħabba l-ksur, sa fejn tali benefiċċji jew telf ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod affidabbli;

(e)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.


whereas









keyboard_arrow_down