search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'il-kummissjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index il-kummissjoni:

    KAPITOLU I
    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    KAPITOLU II
    L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

    KAPITOLU III
    Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

    KAPITOLU IV
    Altruwiżmu fir-rigward tad-data

    KAPITOLU V
    Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

    KAPITOLU VI
    Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

    Kapitolu VII
    Aċċess u trasferiment internazzjonali

    KAPITOLU VIII
    Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat

    KAPITOLU IX
    Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI


whereas il-kummissjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1146

 

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:

(i)

anonimizzata, fil-każ ta’ data personali; u

(ii)

modifikata, aggregata jew ittrattata bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kontroll dwar divulgazzjoni, fil-każ ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inkluż sigrieti kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku;

(c)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi.

4.   Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.

5.   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

6.   Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

7.   L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.

8.   Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.

9.   Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.

10.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:

(a)

jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u

(b)

jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8.

11.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

12.   Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a)

jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u

(c)

jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

13.   Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.

Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.

14.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.

Artikolu 8

Punti uniċi ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tkun disponibbli u faċilment aċċessibbli permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp ġdid jew jaħtru korp jew struttura eżistenti bħala l-punt uniku ta’ informazzjoni. Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jkun ikkollegat ma’ punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali. Il-funzjonijiet tal-punt uniku ta’ informazzjoni jistgħu jkunu awtomatizzati dment li il-korp tas-settur pubbliku jiżgura appoġġ adegwat.

2.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jkun kompetenti biex jirċievi mistoqsijiet jew talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) u għandu jittrażmettihom, meta jkun possibbli u xieraq b’mezzi awtomatizzati, lill-korpi kompetenti tas-settur pubbliku, jew lill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1), fejn ikun rilevanti. Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jagħmel disponibbli b’mezzi elettroniċi lista ta’ assi li jistgħu jiġu mfittxija li jkun fiha ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi kollha disponibbli tad-data, inkluż, fejn ikun rilevanti, dawk ir-riżorsi tad-data li huma disponibbli f’punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali, bl-informazzjoni rilevanti li tiddeskrivi d-data disponibbli, inkluż mill-inqas il-format u d-daqs tad-data u l-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tagħhom.

3.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jistabbilixxi mezz ta’ informazzjoni separat, simplifikat u dokumentat sew għall-SMEs u għan-negozji ġodda, filwaqt li jindirizza l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom li jitolbu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1).

4.   il-kummissjoni għandha tistabbilixxi punt uniku ta’ aċċess Ewropew li joffri reġistru elettroniku tad-data li jista’ jsir tiftix fih u li jkun disponibbli fil-punti uniċi ta’ informazzjoni nazzjonali u aktar informazzjoni dwar kif tista’ tintalab id-data permezz ta’ dawk il-punti uniċi nazzjonali ta’ informazzjoni.

Artikolu 11

Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

4.   Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.

6.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(b)

l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali;

(d)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f);

(e)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(f)

deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz;

(g)

id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika.

7.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

8.   Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.   Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

10.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. il-kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..

11.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..

12.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.

13.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.

14.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. il-kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 17

Reġistri pubbliċi ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Kull awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   il-kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għal finijiet ta’ informazzjoni. Sakemm entità rreġistrata fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 18, tista’ tuża t-tikketta “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni miktuba u mitkellma tagħha, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment madwar l-Unjoni, il-kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, disinn għal-logo komuni. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-logo komuni għandu jkun akkumpanjat minn kodiċi QR b’link għar-reġistru pubbliku tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 19

Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

2.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 u għandha stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn għandha l-istabbiliment ewlieni.

3.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iżda li mhix stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn dawk is-servizzi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data huma offruti.

Għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata mandat mill-entità biex jiġi indirizzat flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dik l-entità. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali. Tali entità tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’dak l-Istat Membru. Il-ħatra ta’ rappreżentant legali mill-entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali li tista’ tinbeda kontra l-entità.

4.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-entità;

(b)

l-istatus legali, il-forma u, fejn l-entità tkun irreġistrata f’reġistru pubbliku nazzjonali, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-istatuti tal-entità, fejn ikun xieraq;

(d)

is-sorsi ta’ dħul tal-entità;

(e)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dak tar-rappreżentant legali;

(f)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni kompleta u aġġornata dwar l-entità u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (h);

(g)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità;

(h)

l-objettivi ta’ interess ġenerali li għandha l-ħsieb li tippromwovi meta tiġbor id-data;

(i)

in-natura tad-data li l-entità beħsiebha tikkontrolla jew tipproċessa, u, fil-każ ta’ data personali, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali;

(j)

kwalunkwe dokument ieħor li juri li r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 huma ssodisfati.

5.   Meta l-entità tkun ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafu 4 u wara li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tkun evalwat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tkun sabet li l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18, hija għandha tirreġistra l-entità fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi żmien 12-il ġimgħa wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe reġistrazzjoni. il-kummissjoni għandha tinkludi dik ir-reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b), (f), (g), u (h) għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru pubbliku nazzjonali rilevanti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

7.   Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 4 fi żmien 14-il jum mid-data tal-bidla.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi dwar kull notifika bħal din mingħajr dewmien. Abbażi ta’ tali notifika, il-kummissjoni għandha taġġorna mingħajr dewmien ir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Artikolu 22

Ġabra ta’ regoli

1.   il-kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32, li jissupplementaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu ġabra ta’ regoli, li tistipula:

(a)

rekwiżiti ta’ informazzjoni xierqa biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data u jiġu pprovduti, qabel ma jingħata kunsens jew permess għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data, b’informazzjoni dettaljata, ċara u trasparenti biżżejjed dwar l-użu tad-data, l-għodod għall-għoti u l-irtirar tal-kunsens jew tal-permess, u l-miżuri meħuda biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-data kondiviża mal-organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

rekwiżiti tekniċi u ta’ sigurtà xierqa biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data, kif ukoll għall-għodod biex jingħata u jiġi rtirat il-kunsens jew il-permess;

(c)

pjanijiet direzzjonali ta’ komunikazzjoni li jieħdu approċċ multidixxiplinari għas-sensibilizzazzjoni dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, dwar il-ħatra bħala “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” u dwar il-ġabra tar-regoli fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari d-detenturi tad-data u s-suġġetti tad-data li potenzjalment jikkondividu d-data tagħhom;

(d)

rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards rilevanti tal-interoperabbiltà.

2.   Il-ġabra tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 25

Formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, il-kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u jiżviluppaw formola Ewropea ta’ kunsens dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, b’kont meħud tal-parir tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data, u bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-formola għandha tippermetti l-ġbir tal-kunsens jew il-permess fl-Istati Membri kollha f’format uniformi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

2.   Il-formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tuża approċċ modulari li jippermetti l-adattament skont il-ħtiġijiet għal setturi speċifiċi u għal finijiet differenti.

3.   Meta tiġi pprovduta data personali, il-formola Ewropea tal-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens u jirtiraw il-kunsens tagħhom minn operazzjoni speċifika tal-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Il-formola għandha tkun disponibbli b’mod li tista’ tiġi stampata fuq karta u li tinftiehem faċilment kif ukoll f’forma elettronika li tinqara minn magna.

KAPITOLU V

Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 26

Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jistgħu jitwettqu mill-istess awtorità. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar għal dawk il-finijiet jew iserrħu fuq dawk eżistenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti, konsistenti, affidabbli u f’waqtu. Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, huma għandhom jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta u n-nondiskriminazzjoni.

3.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma jistgħux ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew il-persuna li twettaq il-manutenzjoni tas-servizzi li huma jevalwaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tas-servizzi evalwati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew l-użu ta’ tali servizzi għal skopijiet personali.

4.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhom jinvolvu ruħhom f’ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni assenjati lilhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inklużi l-għarfien u r-riżorsi tekniċi meħtieġa.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minn Stati Membri oħra, fuq talba motivata u mingħajr dewmien, l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Fejn awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tqis li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali u professjonali, il-kummissjoni u kwalunkwe awtorità kompetenti oħra għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data kkonċernata għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità.

Artikolu 29

Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

1.   il-kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data fil-forma ta’ grupp ta’ esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tal- Istati Membri kollha, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-ENISA, il-kummissjoni, ir-Rappreżentant tal-UE għall-SMEs jew rappreżentant maħtur min-network tar-rappreżentanti tal-SMEs, u rappreżentanti oħra tal-korpi rilevanti f’setturi speċifiċi kif ukoll korpi b’għarfien espert speċifiku. Meta taħtar esperti individwali, il-kummissjoni għandu jkollha l-għan li tikseb bilanċ bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-grupp ta’ esperti.

2.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jikkonsisti minn tal-inqas mit-tliet subgruppi li ġejjin:

(a)

subgrupp magħmul mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, bil-ħsieb li jitwettqu l-kompetenti skont l-Artikolu 30, il-punti (a), (c), (j) u (k);

(b)

subgrupp għal diskussjonijiet tekniċi dwar l-istandardizzazzjoni, il-portabbiltà u l-interoperabbiltà skont l-Artikolu 30, il-punti (f) u (g);

(c)

subgrupp għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati magħmul minn rappreżentanti rilevanti mill-industrija, ir-riċerka, id-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, l-ispazji komuni Ewropej tad-data rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-partijiet terzi l-oħra rilevanti li jagħtu pariri lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data dwar il-kompiti skont l-Artikolu 30, il-punti (d), (e), (f), (g) u (h).

3.   il-kummissjoni għandha tippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data.

4.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-għajnuna ta’ segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni.

Artikolu 32

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet mogħtija f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-23 ta’ Ġunju 2022.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(13) jew l-Artikolu 22(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 33

Proċedura ta’ kumitat

1.   il-kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI

Artikolu 35

Evalwazzjoni u rieżami

Sal-24 ta’ Settembru 2025, il-kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

Ir-rapport għandu jivvaluta b’mod partikolari:

(a)

l-applikazzjoni u l-funzjonament tar-regoli dwar il-pieni stipulati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 34;

(b)

il-livell ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament tar-rappreżentanti legali tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni u l-livell ta’ inforzabbiltà tal-pieni imposti fuq dawk il-fornituri u organizzazzjonijiet;

(c)

it-tip ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rreġistrati skont il-Kapitolu IV u ħarsa ġenerali lejn l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tiġi kondiviża d-data bil-ħsieb li jiġu stabbiliti kriterji ċari f’dak ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.


whereas









keyboard_arrow_down