search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'tista’' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tista’:


whereas tista’:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 476

 

Artikolu 4

Proċessar ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament mis-CERT-UE, mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u mill-entitajiet tal-Unjoni għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Meta jwettqu kompiti jew jissodisfaw obbligi skont dan ir-Regolament, is-CERT-UE, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jipproċessaw u jiskambjaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ u għall-iskop uniku li jwettqu dawk il-kompiti jew li jissodisfaw dawk l-obbligi.

3.   L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu jitqies meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali skont l-Artikolu 10(2), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament. Tali data tista’ tiġi pproċessata biss sal-punt meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikoli 6 u 8, għall-forniment ta’ servizzi mis-CERT-UE skont l-Artikolu 13, għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni speċifika għall-inċidenti skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 18(3), għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20, għall-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 21, għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għall-inċidenti skont l-Artikolu 22 u għall-ġestjoni ta’ inċidenti kbar skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament. L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE, meta jaġixxu bħala kontrolluri tad-data, għandhom japplikaw miżuri tekniċi biex jipprevjenu l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali għal finijiet oħra u għandhom jipprevedu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġetti tad-data.

KAPITOLU II

MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 6

Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.   Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.

3.   Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.

4.   Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.

6.   Meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

7.   Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.

8.   Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.

Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.

9.   L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.

Artikolu 16

Kwistjonijiet finanzjarji u ta’ persunal

1.   Is-CERT-UE għandu jiġi integrat fl-istruttura amministrattiva ta’ direttorat ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-istrutturi ta’ appoġġ amministrattiv, ta’ ġestjoni finanzjarja u kontabilistiku tal-Kummissjoni, filwaqt li jżomm l-istatus tiegħu bħala fornitur interistituzzjonali awtonomu ta’ servizzi għall-entitajiet kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-IICB dwar is-sede amministrattiva tas-CERT-UE u kwalunkwe modifika tagħha. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-arranġamenti amministrattivi relatati mas-CERT-UE fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ qabel l-istabbiliment ta’ kwalunkwe qafas finanzjarju pluriennali skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni xierqa. Ir-rieżami għandu jinkludi l-possibbiltà li s-CERT-UE jiġi stabbilit bħala uffiċċju tal-Unjoni.

2.   Għall-applikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji, il-Kap tas-CERT-UE għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-Kummissjoni u taħt is-superviżjoni tal-IICB.

3.   Il-kompiti u l-attivitajiet tas-CERT-UE, inklużi s-servizzi pprovduti mis-CERT-UE skont l-Artikolu 13(3), (4), (5) u (7) u l-Artikolu 14(1) lill-entitajiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali ddedikata għall-amministrazzjoni pubblika Ewropea, għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ linja baġitarja distinta tal-baġit tal-Kummissjoni. Il-karigi assenjati lis-CERT-UE għandhom jiġu spjegati f’nota f’qiegħ il-paġna tal-pjan ta’ stabbiliment tal-Kummissjoni.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja annwali lis-CERT-UE biex ikopru s-servizzi pprovduti mis-CERT-UE skont dak il-paragrafu. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-orjentazzjonijiet mogħtija mill-IICB u miftiehma bejn kull entità tal-Unjoni u s-CERT-UE fi ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jirrappreżentaw sehem ġust u proporzjonat tal-kostijiet totali tas-servizzi pprovduti. Għandhom jiġu riċevuti mil-linja baġitarja distinta msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, bħala dħul assenjat intern, kif previst fl-Artikolu 21(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

5.   Il-kostijiet tas-servizz previsti fl-Artikolu 13(6) għandhom jiġu rkuprati mill-entitajiet tal-Unjoni li jirċievu s-servizzi tas-CERT-UE. Id-dħul għandu jiġi assenjat lil-linji baġitarji li jappoġġjaw il-kostijiet.

Artikolu 24

Riallokazzjoni baġitarja inizjali

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq u stabbli tas-CERT-UE, il-Kummissjoni tista’ tipproponi r-riallokazzjoni ta’ persunal u riżorsi finanzjarji għall-baġit tal-Kummissjoni biex jintużaw f’operazzjonijiet tas-CERT-UE. Ir-riallokazzjoni għandha tkun effettiva fl-istess ħin bħall-ewwel baġit annwali tal-Unjoni adottat wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down