search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'taċ-Ċibersigurtà' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas taċ-Ċibersigurtà:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 786

 

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li għandhom l-għan li jiksbu livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni fir-rigward ta’:

(a)

l-istabbiliment minn kull entità tal-Unjoni ta’ qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 6;

(b)

il-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà, ir-rapportar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

(c)

l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tal-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, kif ukoll l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-operat tas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE);

(d)

il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta ’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet tal-Unjoni, għall-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u għas-CERT-UE.

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali skont it-Trattati.

3.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(8), dan ir-Regolament ma japplikax għal network u sistemi tal-informazzjoni li jimmaniġġjaw Informazzjoni Klassifikata tal-UE (IKUE).

Artikolu 4

Proċessar ta’ data personali

1.   L-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament mis-CERT-UE, mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u mill-entitajiet tal-Unjoni għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Meta jwettqu kompiti jew jissodisfaw obbligi skont dan ir-Regolament, is-CERT-UE, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jipproċessaw u jiskambjaw data personali biss sa fejn ikun meħtieġ u għall-iskop uniku li jwettqu dawk il-kompiti jew li jissodisfaw dawk l-obbligi.

3.   L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandu jitqies meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali skont l-Artikolu 10(2), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament. Tali data tista’ tiġi pproċessata biss sal-punt meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikoli 6 u 8, għall-forniment ta’ servizzi mis-CERT-UE skont l-Artikolu 13, għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni speċifika għall-inċidenti skont l-Artikolu 17(3) u l-Artikolu 18(3), għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 20, għall-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 21, għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għall-inċidenti skont l-Artikolu 22 u għall-ġestjoni ta’ inċidenti kbar skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament. L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE, meta jaġixxu bħala kontrolluri tad-data, għandhom japplikaw miżuri tekniċi biex jipprevjenu l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali għal finijiet oħra u għandhom jipprevedu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġetti tad-data.

KAPITOLU II

MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-miżuri

1.   Sat-8 ta’ Settembru 2024, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu, wara li jikkonsulta mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u wara li jirċievi gwida mis-CERT-UE, joħroġ linji gwida għall-entitajiet tal-Unjoni għall-fini li jwettqu rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà u jistabbilixxu qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 6, iwettqu valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 7, jieħdu miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 8, u jadottaw il-pjan taċ-ċibersigurtà skont l-Artikolu 9.

2.   Meta jimplimentaw l-Artikoli 6 sa 9, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti adottati skont l-Artikoli 11 u 14.

Artikolu 6

Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

2.   Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.

3.   Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.

4.   Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.

6.   Meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.

7.   Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.

8.   Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.

Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.

9.   L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.

Artikolu 7

Valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà

1.   Sat-8 ta’ Lulju 2025 u mill-inqas kull sentejn minn hemm ’il quddiem, kull entità tal-Unjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà li tinkorpora l-elementi kollha tal-ambjent tal-ICT tagħha.

2.   Il-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà għandhom, meta xieraq, jitwettqu bl-għajnuna ta’ parti terza speċjalizzata.

3.   L-entitajiet tal-Unjoni bi strutturi simili jistgħu jikkooperaw fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà għall-entitajiet rispettivi tagħhom.

4.   Abbażi ta’ talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 u bil-kunsens espliċitu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, ir-riżultati ta’ valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà jistgħu jiġu diskussi fi ħdan dak il-Bord jew fi ħdan il-grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi u jikkondividi l-aħjar prattiki.

Artikolu 9

Pjanijiet taċ-ċibersigurtà

1.   Wara l-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà mwettqa skont l-Artikolu 7 u waqt li jitqiesu l-assi u r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fil-Qafas kif ukoll il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà meħuda skont l-Artikolu 8, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni għandu japprova pjan taċ-ċibersigurtà mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sat-8 ta’ Jannar 2026. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jkollu l-għan li jżid iċ-ċibersigurtà kumplessiva tal-entità tal-Unjoni kkonċernata u b’hekk għandu jikkontribwixxi għat-titjib ta’ livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fi ħdan l-entitajiet tal-Unjoni. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu mill-inqas jinkludi l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà meħuda skont l-Artikolu 8. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jiġi rrivedut kull sentejn, jew aktar ta’ spiss fejn neċessarju, wara l-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà mwettqa skont l-Artikolu 7 jew wara kwalunkwe rieżami sostanzjali tal-Qafas.

2.   Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jinkludi l-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entità tal-Unjoni għal inċidenti kbar.

3.   L-entità tal-Unjoni għanda tissottometti l-pjan taċ-ċibersigurtà komplut lill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10.

KAPITOLU III

BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ

Artikolu 10

Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà (IICB).

2.   L-IICB għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali mis-CERT-UE u l-għoti ta’ direzzjoni strateġika lis-CERT-UE.

3.   L-IICB għandu jikkonsisti minn:

(a)

rappreżentant wieħed iddeżinjat minn kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-Parlament Ewropew;

(ii)

il-Kunsill Ewropew;

(iii)

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(iv)

il-Kummissjoni;

(v)

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(vi)

il-Bank Ċentrali Ewropew;

(vii)

il-Qorti tal-Awdituri;

(viii)

is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

(ix)

il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

(x)

il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

(xi)

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(xii)

iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà;

(xiii)

l-ENISA;

(xiv)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD);

(xv)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

(b)

tliet rappreżentanti ddeżinjati min-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) abbażi ta’ proposta tal-Kumitat Konsultattiv tal-ICT tiegħu biex jirrappreżentaw l-interessi tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jmexxu l-ambjent tal-ICT tagħhom stess, għajr dawk imsemmija fil-punt (a).

L-entitajiet tal-Unjoni rappreżentati fuq l-IICB għandu jkollhom l-għan li jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fost ir-rappreżentanti ddeżinjati.

4.   Il-membri tal-IICB jistgħu jiġu megħjuna minn sostitut. Rappreżentanti oħra tal-entitajiet tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew ta’ entitajiet oħra tal-Unjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-President biex jattendu laqgħat tal-IICB mingħajr id-dritt tal-vot.

5.   Il-Kap tas-CERT-UE u l-Presidenti tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, in-Network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe stabbiliti, rispettivament, skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew is-sostituti tagħhom, jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-IICB bħala osservaturi. F’każijiet eċċezzjonali, l-IICB jista’, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, jiddeċiedi mod ieħor.

6.   L-IICB għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.

7.   L-IICB għandu jiddeżinja President f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin. Is-sostitut tal-President għandu jsir membru sħiħ tal-IICB għall-istess durata.

8.   L-IICB għandu jiltaqa’ mill-inqas tliet darbiet fis-sena fuq inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tas-CERT-UE jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

9.   Kull membru tal-IICB għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-IICB għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi ħlief meta jkun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Il-President tal-IICB ma għandux ikollu vot ħlief fil-każ ta’ voti ndaqs, f’liema każ il-President jista’ jitfa’ vot deċiżiv.

10.   L-IICB jista’ jaġixxi permezz ta’ proċedura bil-miktub simplifikata mibdija f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu. Fil-qafas ta’ dik il-proċedura, id-deċiżjoni rilevanti għandha titqies li hija approvata fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-President, ħlief meta membru joġġezzjona.

11.   Is-segretarjat tal-IICB għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u għandu jagħti rendikont lill-President tal-IICB.

12.   Ir-rappreżentanti nnominati mill-EUAN għandhom jgħaddu d-deċiżjonijiet tal-IICB lill-membri tal-EUAN. Kwalunkwe membru tal-EUAN għandu jkun intitolat li jqajjem ma’ dawk ir-rappreżentanti jew mal-President tal-IICB kwalunkwe kwistjoni li jqis li jenħtieġ li tiġi indirizzata mill-IICB.

13.   L-IICB jista’ jistabbilixxi kumitat eżekuttiv biex jassistih fil-ħidma tiegħu, u jiddelegalu xi wħud mill-kompiti u s-setgħat tiegħu. L-IICB għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-kumitat eżekuttiv, inklużi l-kompiti u s-setgħat tiegħu, u l-mandati tal-membri tiegħu.

14.   Sat-8 ta’ Jannar 2025 u fuq bażi annwali minn hemm ’il quddiem, l-IICB għandu jissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jagħti dettalji dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jispeċifika b’mod partikolari l-firxa tal-kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri f’kull wieħed mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ tal-21 ta' Novembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(4)  Arranġament Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (ĠU C 12, 13.1.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)   ĠU C 258, 5.7.2022, p. 10.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2841/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)



whereas









keyboard_arrow_down