search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'relatata' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index relatata:


whereas relatata:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 670

 

Artikolu 13

Missjoni u kompiti tas-CERT-UE

1.   Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.

2.   Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.

3.   Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:

(a)

jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB;

(b)

joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi);

(c)

iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18;

(d)

iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni;

(e)

abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA;

(f)

jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar;

(g)

jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(h)

jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.

4.   Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-Artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka;

(c)

intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni;

(d)

dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE.

5.   Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.

6.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):

(a)

servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja;

(b)

servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB;

(c)

fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali;

(d)

servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

7.   Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.

8.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

9.   Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.

10.   Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).

11.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

12.   Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.

Artikolu 18

Kooperazzjoni tas-CERT-UE ma’ kontropartijiet oħra

1.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ kontropartijiet fl-Unjoni għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 17 li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ċibersigurtà tal-Unjoni, inklużi kontropartijiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, dwar għodod u metodi, bħal tekniki, tattiki, proċeduri u l-aħjar prattiki, u dwar it-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet. Għall-kooperazzjoni kollha ma’ tali kontropartijiet, is-CERT-UE għandu jitlob approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ. Meta s-CERT-UE jistabbilixxi kooperazzjoni ma’ tali kontropartijiet, għandu jinforma lil kwalunkwe kontroparti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1), fl-Istat Membru li fih il-kontroparti tkun tinsab. Meta applikabbli u xieraq, tali kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha, inkluż rigward iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-immaniġġar tal-informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti f’arranġamenti speċifiċi ta’ kunfidenzjalità bħal kuntratti jew arranġamenti amministrattivi. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità ma għandhomx jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-IICB, iżda l-President tal-IICB għandu jiġi infurmat. Fil-każ ta’ ħtieġa urġenti u imminenti li tiġi skambjata informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-interessi tal-entitajiet tal-Unjoni jew ta’ parti oħra, is-CERT-UE jista’ jagħmel dan ma’ entità li l-kompetenza, il-kapaċità u l-għarfien espert speċifiċi tagħha jkunu meħtieġa b’mod ġustifikabbli biex tassisti b’tali ħtieġa urġenti u imminenti, anki jekk is-CERT-UE ma jkollux arranġament ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ ma’ dik l-entità. F’każijiet bħal dawn, is-CERT-UE għandu jinforma minnufih lill-President tal-IICB, u għandu jirrapporta lill-IICB permezz ta’ rapporti jew laqgħat regolari.

2.   Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ sħab, bħal entitajiet kummerċjali, inklużi entitajiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet nazzjonali mhux tal-Unjoni jew esperti individwali, biex jiġbor informazzjoni dwar theddid ċibernetiku ġenerali u speċifiku, kważi inċidenti, vulnerabbiltajiet u kontromiżuri possibbli. Għal kooperazzjoni usa’ ma’ sħab bħal dawn, is-CERT-UE għandu jfittex approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.   Is-CERT-UE jista’, bil-kunsens tal-entità tal-Unjoni affettwata minn inċident u dment li jkun fis-seħħ arranġament jew kuntratt ta’ nondivulgazzjoni mal-kontroparti jew is-sieħeb rilevanti, jipprovdi informazzjoni relatata mal-inċident speċifiku lill-kontropartijiet jew lis-sħab imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 unikament għall-fini li jikkontribwixxi għall-analiżi tiegħu.

KAPITOLU V

OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR

Artikolu 20

Arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà

1.   L-entitajiet tal-Unjoni jistgħu, fuq bażi volontarja, jinnotifikaw lis-CERT-UE dwar inċidenti, theddid ċibernetiku, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet li jaffettwawhom, u jagħtuh informazzjoni dwarhom. Is-CERT-UE għandu jiżgura li jkunu disponibbli mezzi ta’ komunikazzjoni, b’livell għoli ta’ traċċabbiltà, kunfidenzjalità u affidabbiltà, għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni. Meta jipproċessa n-notifiki, is-CERT-UE jista’ jagħti prijorità lill-ipproċessar tan-notifiki obbligatorji minflok lin-notifiki volontarji. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, in-notifika volontarja ma għandhiex tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ xi obbligu addizzjonali fuq l-entità tal-Unjoni li tirrapporta li ma kinitx tkun soġġetta għalih kieku ma saritx dik in-notifika.

2.   Biex iwettaq il-missjoni u l-kompiti tiegħu mogħtija skont l-Artikolu 13, is-CERT-UE jista’ jitlob lill-entitajiet tal-Unjoni jipprovdulu informazzjoni mill-inventarji tas-sistemi tal-ICT rispettivi tagħhom, inkluża informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku, il-kważi inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, l-indikaturi ta’ kompromess, iċ-ċiberallerti u r-rakkomandazzjonijiet rigward il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà biex jiġu identifikati l-inċidenti. L-entità mitluba tal-Unjoni għandha tibgħat l-informazzjoni mitluba, u kwalunkwe aġġornament sussegwenti tagħha, mingħajr dewmien żejjed.

3.   Is-CERT-UE jista’ tiskambja informazzjoni speċifika għall-inċident ma’ entitajiet tal-Unjoni li tiżvela l-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata mill-inċident, dment li l-entità tal-Unjoni affettwata tagħti l-kunsens tagħha. Meta entità tal-Unjoni ma tagħtix il-kunsens tagħha, għandha tagħti lis-CERT-UE raġunijiet li jissostanzjaw dik id-deċiżjoni.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom, fuq talba, jikkondividu informazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar it-tlestija tal-pjanijiet taċ-ċibersigurtà.

5.   L-IICB jew is-CERT-UE, kif applikabbli, għandu, fuq talba, jikkondividi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

6.   L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:

(a)

għall-EUCI;

(b)

għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ tal-21 ta' Novembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

(4)  Arranġament Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (ĠU C 12, 13.1.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1584 tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar Rispons Koordinat għal Inċidenti u Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà fuq Skala Kbira (ĠU L 239, 19.9.2017, p. 36).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)   ĠU C 258, 5.7.2022, p. 10.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2841/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)



whereas









keyboard_arrow_down