search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'is-sigurtà' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index is-sigurtà:


whereas is-sigurtà:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 678

 

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entitajiet tal-Unjoni” tfisser l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, jew skonthom;

(2)

“network u sistema tal-informazzjoni” tfisser network u sistema tal-informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(3)

“sigurtà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni” tfisser is-sigurtà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(4)

“ċibersigurtà” tfisser iċ-ċibersigurtà kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(5)

“l-ogħla livell ta’ maniġment” tfisser maniġer, korp maniġerjali jew korp ta’ koordinazzjoni u sorveljanza li huwa responsabbli għall-funzjonament ta’ entità tal-Unjoni, fl-aktar livell amministrattiv għoli, b’mandat li jadotta jew jawtorizza deċiżjonijiet f’konformità mal-arranġamenti ta’ governanza ta’ livell għoli ta’ dik l-entità tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet formali ta’ livelli oħra ta’ maniġment għall-konformità u l-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom;

(6)

“kważi inċident” tfisser kważi inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(7)

“inċident” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(8)

“inċident kbir” tfisser inċident li jikkawża livell ta’ tfixkil li jeċċedi l-kapaċità ta’ entità tal-Unjoni u tas-CERT-UE li jirrispondu għalih jew li jkollu impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ entitajiet tal-Unjoni;

(9)

“inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira” tfisser inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (7), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(10)

“trattament tal-inċident” tfisser it-trattament tal-inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt 8, tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(11)

“theddida ċibernetika” tfisser theddida ċibernetika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/881;

(12)

“theddida ċibernetika sinifikanti” tfisser theddida ċibernetika sinifikanti kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(13)

“vulnerabbiltà” tfisser vulnerabbiltà kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (15), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(14)

“riskju taċ-ċibersigurtà” tfisser riskju kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(15)

“servizz tal-cloud computing” tfisser servizz tal-cloud computing kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (30), tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 8

Miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà

1.   Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sat-8 ta’ Settembru 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, taħt is-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ maniġment tagħha, tieħu miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jiġu ġestiti r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fl-ambitu tal-Qafas, u biex tipprevjeni u/jew timminimizza l-impatt tal-inċidenti. B’kont meħud tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u, meta applikabbli, tal-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti, dawk il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni fl-ambjent tal-ICT kollu kemm hu proporzjonat mar-riskji taċ-ċibersigurtà kkawżati. Meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri, għandu jittieħed kont debitu tal-grad tal-espożizzjoni tal-entità tal-Unjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà, id-daqs tagħha, il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ inċidenti u tas-severità tagħhom, inkluż l-impatt soċjetali, ekonomiku u interistituzzjonali tagħhom.

2.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jindirizzaw mill-inqas l-oqsma li ġejjin fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà:

(a)

il-politika taċ-ċibersigurtà, inklużi l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6 u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-politiki dwar l-analiżi tar-riskji taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni;

(c)

l-objettivi ta’ politika rigward l-użu tas-servizzi tal-cloud computing;

(d)

l-awditu taċ-ċibersigurtà, meta xieraq, li jista’ jinkludi valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà, tal-vulnerabbiltà u tat-theddid ċibernetiku, u ttestjar tal-penetrazzjoni mwettaq minn fornitur privat fdat fuq bażi regolari;

(e)

l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (d) permezz ta’ aġġornamenti taċ-ċibersigurtà u tal-politika;

(f)

l-organizzazzjoni taċ-ċibersigurtà, inkluż l-istabbiliment tar-rwoli u r-responsabbiltajiet;

(g)

l-immaniġġar ta’ assi, inkluż l-inventarju tal-assi tal-ICT u l-kartografija tan-network tal-ICT;

(h)

is-sigurtà tar-riżorsi umani u l-kontroll tal-aċċess;

(i)

is-sigurtà operazzjonali tan-network;

(j)

is-sigurtà tal-komunikazzjoni;

(k)

l-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistema, inklużi l-politiki dwar it-trattament u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet;

(l)

meta jkun possibbli, il-politiki dwar it-trasparenza tal-kodiċi sors;

(m)

is-sigurtà tal-katina tal-provvista, inkluż l-aspetti relatati mas-sigurtà li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn kull entità tal-Unjoni u l-fornituri diretti jew il-fornituri ta’ servizzi diretti tagħha.

(n)

it-trattament tal-inċidenti u l-kooperazzjoni mas-CERT-UE, bħall-manutenzjoni tal-monitoraġġ tas-sigurtà u reġistrazzjonijiet;

(o)

il-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat, bħall-ġestjoni ta’ riżerva u l-irkupru minn diżastri, u l-ġestjoni tal-kriżijiet; u

(p)

il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni, ħiliet, sensibilizzazzjoni, eżerċizzju u taħriġ fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (m), l-entitajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għal kull fornitur dirett u kull fornitur ta’ servizzi dirett u l-kwalità ġenerali tal-prodotti u l-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-fornituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom, inkluż il-proċeduri ta’ żvilupp siguri tagħhom.

3.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jieħdu mill-inqas il-miżuri speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà li ġejjin:

(a)

l-arranġamenti tekniċi li jippermettu u jsostnu t-telexogħol;

(b)

passi konkreti li jimxu lejn prinċipji ta’ fiduċja żero;

(c)

l-użu tal-awtentikazzjoni b’diversi fatturi bħala norma fin-network u s-sistema tal-informazzjoni;

(d)

l-użu tal-kriptografija u l-kriptaġġ, b’mod partikolari l-kriptaġġ minn tarf sa tarf, kif ukoll l-iffirmar diġitali sigur;

(e)

meta xieraq, l-użu ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, bil-vidjo u bil-kitba siguri, u sistemi ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza siguri fi ħdan l-entità tal-Unjoni;

(f)

miżuri proattivi għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ malware u spyware;

(g)

l-istabbiliment ta’ sigurtà tal-katina tal-provvista tas-software permezz ta’ kriterji għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta’ software sigur;

(h)

l-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà proporzjonati għall-kompiti preskritti u l-kapaċitajiet mistennija għall-ogħla livell ta’ maniġment u l-membri tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigati biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament;

(i)

it-taħriġ regolari dwar iċ-ċibersigurtà tal-membri tal-persunal;

(j)

fejn rilevanti, il-parteċipazzjoni fl-analiżijiet tar-riskji tal-interkonnettività bejn l-entitajiet tal-Unjoni;

(k)

it-titjib tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku għall-faċilitazzjoni ta’ livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà permezz ta’:

(i)

it-tneħħija tal-ostakli kuntrattwali li jillimitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mill-fornituri tas-servizzi tal-ICT dwar inċidenti, vulnerabbiltajiet u theddid ċibernetiku mas-CERT-UE;

(ii)

l-obbligu kuntrattwali li jiġu rrapportati inċidenti, vulnerabbiltajiet u theddid ċibernetiku kif ukoll li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ rispons u monitoraġġ xierqa għall-inċidenti.

Artikolu 13

Missjoni u kompiti tas-CERT-UE

1.   Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.

2.   Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.

3.   Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:

(a)

jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB;

(b)

joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi);

(c)

iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18;

(d)

iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni;

(e)

abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA;

(f)

jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar;

(g)

jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(h)

jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.

4.   Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-Artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka;

(c)

intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni;

(d)

dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE.

5.   Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.

6.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):

(a)

servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja;

(b)

servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB;

(c)

fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali;

(d)

servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

7.   Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.

8.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

9.   Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.

10.   Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).

11.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

12.   Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.

Artikolu 19

Immaniġġar tal-informazzjoni

1.   L-entitajiet tal-Unjoni u s-CERT-UE għandhom jirrispettaw l-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE jew oqfsa applikabbli ekwivalenti.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu japplika fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mis-CERT-UE, inkluż l-obbligu skont dak ir-Regolament li jiġu kkonsultati entitajiet oħra tal-Unjoni jew, meta rilevanti, Stati Membri oħra, kull meta talba tikkonċerna d-dokumenti tagħhom.

3.   L-immaniġġar tal-informazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE għandu jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni


whereas









keyboard_arrow_down