search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'fost' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fost:


whereas fost:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 798

 

Artikolu 10

Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà

1.   B’dan qed jiġi stabbilit Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà (IICB).

2.   L-IICB għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali mis-CERT-UE u l-għoti ta’ direzzjoni strateġika lis-CERT-UE.

3.   L-IICB għandu jikkonsisti minn:

(a)

rappreżentant wieħed iddeżinjat minn kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-Parlament Ewropew;

(ii)

il-Kunsill Ewropew;

(iii)

il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(iv)

il-Kummissjoni;

(v)

il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(vi)

il-Bank Ċentrali Ewropew;

(vii)

il-Qorti tal-Awdituri;

(viii)

is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

(ix)

il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

(x)

il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

(xi)

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(xii)

iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà;

(xiii)

l-ENISA;

(xiv)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD);

(xv)

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

(b)

tliet rappreżentanti ddeżinjati min-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) abbażi ta’ proposta tal-Kumitat Konsultattiv tal-ICT tiegħu biex jirrappreżentaw l-interessi tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni li jmexxu l-ambjent tal-ICT tagħhom stess, għajr dawk imsemmija fil-punt (a).

L-entitajiet tal-Unjoni rappreżentati fuq l-IICB għandu jkollhom l-għan li jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri fost ir-rappreżentanti ddeżinjati.

4.   Il-membri tal-IICB jistgħu jiġu megħjuna minn sostitut. Rappreżentanti oħra tal-entitajiet tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew ta’ entitajiet oħra tal-Unjoni jistgħu jiġu mistiedna mill-President biex jattendu laqgħat tal-IICB mingħajr id-dritt tal-vot.

5.   Il-Kap tas-CERT-UE u l-Presidenti tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, in-Network tas-CSIRTs u l-EU-CyCLONe stabbiliti, rispettivament, skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jew is-sostituti tagħhom, jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-IICB bħala osservaturi. F’każijiet eċċezzjonali, l-IICB jista’, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, jiddeċiedi mod ieħor.

6.   L-IICB għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.

7.   L-IICB għandu jiddeżinja President f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu, minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin. Is-sostitut tal-President għandu jsir membru sħiħ tal-IICB għall-istess durata.

8.   L-IICB għandu jiltaqa’ mill-inqas tliet darbiet fis-sena fuq inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tas-CERT-UE jew fuq talba ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

9.   Kull membru tal-IICB għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-IICB għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi ħlief meta jkun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Il-President tal-IICB ma għandux ikollu vot ħlief fil-każ ta’ voti ndaqs, f’liema każ il-President jista’ jitfa’ vot deċiżiv.

10.   L-IICB jista’ jaġixxi permezz ta’ proċedura bil-miktub simplifikata mibdija f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu. Fil-qafas ta’ dik il-proċedura, id-deċiżjoni rilevanti għandha titqies li hija approvata fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-President, ħlief meta membru joġġezzjona.

11.   Is-segretarjat tal-IICB għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u għandu jagħti rendikont lill-President tal-IICB.

12.   Ir-rappreżentanti nnominati mill-EUAN għandhom jgħaddu d-deċiżjonijiet tal-IICB lill-membri tal-EUAN. Kwalunkwe membru tal-EUAN għandu jkun intitolat li jqajjem ma’ dawk ir-rappreżentanti jew mal-President tal-IICB kwalunkwe kwistjoni li jqis li jenħtieġ li tiġi indirizzata mill-IICB.

13.   L-IICB jista’ jistabbilixxi kumitat eżekuttiv biex jassistih fil-ħidma tiegħu, u jiddelegalu xi wħud mill-kompiti u s-setgħat tiegħu. L-IICB għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-kumitat eżekuttiv, inklużi l-kompiti u s-setgħat tiegħu, u l-mandati tal-membri tiegħu.

14.   Sat-8 ta’ Jannar 2025 u fuq bażi annwali minn hemm ’il quddiem, l-IICB għandu jissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jagħti dettalji dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jispeċifika b’mod partikolari l-firxa tal-kooperazzjoni tas-CERT-UE mal-kontropartijiet tal-Istati Membri f’kull wieħed mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 11

Kompiti tal-IICB

Meta jeżerċita r-responsabbiltajiet tiegħu, l-IICB għandu, b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi gwida lill-Kap tas-CERT-UE;

(b)

jimmonitorja u jissorvelja b’mod effettiv l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tagħhom, inkluż, meta xieraq, billi jitlob rapporti ad hoc mill-entitajiet tal-Unjoni u mis-CERT-UE;

(c)

wara diskussjoni strateġika, jadotta strateġija pluriennali dwar żieda fil-livell taċ-ċibersigurtà fl-entitajiet tal-Unjoni, jivvaluta dik l-istrateġija fuq bażi regolari u fi kwalunkwe każ kull ħames snin u, meta meħtieġ, jemenda dik l-istrateġija;

(d)

jistabbilixxi l-metodoloġija u l-aspetti organizzattivi għat-twettiq ta’ rieżamijiet bejn il-pari volontarji mill-entitajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenzi kondiviżi, li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, jinkiseb livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà, kif ukoll jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li tali rieżamijiet bejn il-pari jitwettqu minn esperti taċ-ċibersigurtà ddeżinjati minn entità tal-Unjoni differenti mill-entità tal-Unjoni li tkun qed tiġi rieżaminata u li l-metodoloġija tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 u, meta xieraq, tkun adattata għall-entitajiet tal-Unjoni;

(e)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tas-CERT-UE u jimmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu;

(f)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, il-katalgu tas-servizzi tas-CERT-UE u kwalunkwe aġġornament tiegħu;

(g)

japprova, abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE, l-ippjanar finanzjarju annwali tad-dħul u tan-nefqa, inkluż tal-persunal, għall-attivitajiet tas-CERT-UE;

(h)

japprova, abbażi ta’ proposta mill-Kap tas-CERT-UE, l-arranġamenti għall-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz;

(i)

jeżamina u japprova r-rapport annwali mfassal mill-Kap tas-CERT-UE li jkopri l-attivitajiet tas-CERT-UE u l-ġestjoni tal-fondi mis-CERT-UE;

(j)

japprova u jimmonitorja indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għas-CERT-UE stabbiliti abbażi ta’ proposta tal-Kap tas-CERT-UE;

(k)

japprova l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew il-kuntratti bejn is-CERT-UE u entitajiet oħrajn skont l-Artikolu 18;

(l)

jadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE f’konformità mal-Artikolu 14 u jagħti istruzzjonijiet lis-CERT-UE biex joħroġ, jirtira jew jimmodifika proposta għal linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, jew sejħa għal azzjoni;

(m)

jistabbilixxi gruppi konsultattivi tekniċi b’kompiti speċifiċi biex jassistu l-ħidma tal-IICB, japprova t-termini ta’ referenza tagħhom u jiddeżinja l-Presidenti rispettivi tagħhom;

(n)

jirċievi u jivvaluta dokumenti u rapporti sottomessi mill-entitajiet tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, bħal valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà;

(o)

jiffaċilita l-istabbiliment ta’ grupp informali ta’ uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, appoġġati mill-ENISA, bl-għan tal-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(p)

filwaqt li jqis l-informazzjoni dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati u t-tagħlimiet meħuda pprovduti mis-CERT-UE, jimmonitorja l-adegwatezza tal-arranġamenti tal-interkonnettività fost l-ambjenti tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni u jagħti pariri dwar titjib possibbli;

(q)

jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bil-ħsieb li jappoġġja, f’livell operazzjonali, il-ġestjoni koordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u li jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti u s-severità ta’ inċidenti kbar u l-modi possibbli biex l-effetti tagħhom jiġu mitigati;

(r)

jikkoordina l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet individwali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9(2);

(s)

jadotta rakkomandazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (m), filwaqt li jqis ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà kkoordinati fuq livell tal-Unjoni tal-ktajjen ta’ provvista kritiċi msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2022/2555 biex l-entitajiet tal-Unjoni jiġu appoġġati fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà.

Artikolu 21

Obbligi ta’ rapportar

1.   Inċident għandu jitqies li huwa sinifikanti jekk:

(a)

ikun ikkawża jew kapaċi jikkawża tfixkil operazzjonali gravi fil-funzjonament tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, jew telf finanzjarju għaliha;

(b)

ikun affettwa jew kapaċi jaffettwa lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra billi jikkawża dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli.

2.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jissottomettu lis-CERT-UE:

(a)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, twissija bikrija, li, meta applikabbli, għandha tindika li l-inċident sinifikanti huwa ssuspettat li ġie kkawżat minn atti illegali jew malizzjużi jew jista’ jkollu impatt li jolqot lil diversi entitajiet jew impatt transfruntier;

(b)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, notifika tal-inċident, li, meta applikabbli, għandha taġġorna l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u tindika valutazzjoni inizjali tal-inċident sinifikanti, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu, kif ukoll, meta disponibbli, l-indikaturi ta’ kompromess;

(c)

fuq talba tas-CERT-UE, rapport intermedju dwar aġġornamenti rilevanti tal-istatus;

(d)

rapport finali mhux aktar tard minn xahar wara s-sottomissjoni tan-notifika tal-inċident skont il-punt (b), li jinkludi dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tal-inċident, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu;

(ii)

it-tip ta’ theddida jew il-kawża ewlenija li aktarx wasslet għall-inċident;

(iii)

miżuri ta’ mitigazzjoni applikati u fis-seħħ;

(iv)

meta applikabbli, l-impatt transfruntier jew li jolqot lil diversi entitajiet tal-inċident;

(e)

fil-każ ta’ inċident li jkun għaddej fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-rapport finali msemmi fil-punt (d), rapport tal-progress f’dak iż-żmien u rapport finali fi żmien xahar minn meta jittrattaw l-inċident.

3.   Entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta ssir taf b’inċident sinifikanti, tinforma lil kwalunkwe kontroparti rilevanti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1) fl-Istat Membru fejn tkun tinsab li seħħ inċident sinifikanti.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw, fost l-oħrajn, kwalunkwe informazzjoni li tippermetti lis-CERT-UE jiddetermina kwalunkwe impatt li jolqot lil diversi entitajiet, impatt fuq l-Istat Membru ospitanti jew impatt transfruntier wara inċident sinifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, is-sempliċi att ta’ notifika ma għandux jimponi żieda fir-responsabbiltà għall-entità tal-Unjoni.

5.   Meta applikabbli, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-utenti tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni affettwati, jew ta’ komponenti oħra tal-ambjent tal-ICT, li jkunu potenzjalment affettwati minn inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti, u, meta xieraq, jeħtieġ li jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni, kwalunkwe miżura jew rimedju li jistgħu jieħdu b’rispons għal dak l-inċident jew dik it-theddida. Meta jkun xieraq, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lil dawk l-utenti bit-theddida ċibernetika sinifikanti nnifisha.

6.   Meta inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti jaffettwaw network u sistema tal-informazzjoni, jew komponent tal-ambjent tal-ICT ta’ entità tal-Unjoni li tkun konxjament konnessa ma’ ambjent tal-ICT ta’ entità oħra tal-Unjoni, is-CERT-UE għandu joħroġ ċiberallert rilevanti.

7.   L-entitajiet tal-Unjoni, fuq talba tas-CERT-UE, għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jagħtu lis-CERT-UE informazzjoni diġitali maħluqa bl-użu ta’ apparati elettroniċi involuti fl-inċidenti rispettivi tagħhom. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi aktar dettalji tat-tipi ta’ informazzjoni li jeħtieġ għall-għarfien tas-sitwazzjoni u għar-rispons għall-inċidenti.

8.   Is-CERT-UE għandu jissottometti lill-IICB, lill-ENISA, lill-INTCEN tal-UE u lin-network ta’ CSIRTs, kull tliet xhur, rapport ta’ sinteżi li jinkludi data anonimizzata u aggregata dwar inċidenti, theddid ċibernetiku sinifikanti, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet sinifikanti skont l-Artikolu 20 u inċidenti sinifikanti notifikati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport ta’ sinteżi għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

9.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, l-IICB għandu joħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet li jispeċifikaw aktar l-arranġamenti għar-rapportar skont dan l-Artikolu, u l-format u l-kontenut tiegħu. Meta jħejji tali linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, l-IICB għandu jqis kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 23(11) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 li jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni, il-format u l-proċedura tan-notifiki. Is-CERT-UE għandu jxerred id-dettalji tekniċi xierqa biex jippermetti d-detezzjoni proattiva, ir-rispons għall-inċidenti jew il-miżuri ta’ mitigazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni.

10.   L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:

(a)

għall-EUCI;

(b)

għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu.

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti

1.   Meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:

(a)

l-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18.

2.   Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:

(a)

kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti;

(b)

appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post;

(c)

l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali;

(d)

koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni.

3.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

4.   Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.

5.   Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-Artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.

Artikolu 23

Ġestjoni ta’ inċidenti kbar

1.   Sabiex jappoġġja fil-livell operazzjonali l-ġestjoni kkoordinata ta’ inċidenti kbar li jaffettwaw lill-entitajiet tal-Unjoni u biex jikkontribwixxi għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni rilevanti fost l-entitajiet tal-Unjoni u mal-Istati Membri, l-IICB għandu, skont l-Artikolu 11, il-punt (q), jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi bbażat fuq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 22(2), f’kooperazzjoni mill-qrib mas-CERT-UE u l-ENISA. Il-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

arranġamenti li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u l-fluss tal-informazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ inċidenti kbar fil-livell operazzjonali;

(b)

proċeduri operattivi standard (SOPs) komuni;

(c)

tassonomija komuni tas-severità ta’ inċidenti kbar u punti ta’ skattar ta’ kriżijiet;

(d)

eżerċizzji regolari;

(e)

kanali ta’ komunikazzjoni siguri li għandhom jintużaw.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni fl-IICB għandu, soġġett għall-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2022/2555, ikun il-punt ta’ kuntatt għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ inċidenti kbar mal-EU-CyCLONe.

3.   Is-CERT-UE għandu jikkoordina fost l-entitajiet tal-Unjoni l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar. Għandu jżomm inventarju tal-għarfien espert tekniku disponibbli li jkun meħtieġ għar-rispons għal inċidenti fil-każ ta’ inċidenti kbar u jassisti lill-IICB fil-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet ċibernetiċi tal-entitajiet tal-Unjoni għall-inċidenti kbar imsemmija fl-Artikolu 9(2a).

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-inventarju ta’ għarfien espert tekniku billi jipprovdu lista aġġornata kull sena ta’ esperti disponibbli fl-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom bid-dettalji tal-ħiliet tekniċi speċifiċi tagħhom.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas









keyboard_arrow_down