search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'tal-fornitur' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-fornitur:


whereas tal-fornitur:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 825

 

Artikolu 6

Tariffi

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data.

2.   Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 1 għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa tkun tista’ wkoll titħallas online permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont ta’ pagament fl-Unjoni.

4.   Fejn il-korpi tas-settur pubbliku japplikaw tariffi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprovdu inċentivi għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għal finijiet mhux kummerċjali bħal finijiet ta’ riċerka xjentifika u minn SMEs u negozji ġodda f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dak ir-rigward, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu d-data disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas, b’mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda, għas-soċjetà ċivili u għall-istabbilimenti edukattivi. Għal dan il-għan, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jistabbilixxu lista ta’ kategoriji ta’ utenti mill-ġdid li d-data għall-użu mill-ġdid issir disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas. Dik il-lista, flimkien mal-kriterji użati biex tiġi stabbilita, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

5.   Kwalunkwe tariffa għandha tkun derivata mill-kostijiet relatati mat-tmexxija tal-proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1); ulimitata għall-kostijiet meħtieġa fir-rigward ta’:

(a)

ir-riproduzzjoni, il-forniment u d-disseminazzjoni tad-data;

(b)

l-approvazzjoni tad-drittijiet;

(c)

l-anonimizzazzjoni jew forom oħra ta’ tħejjija ta’ data personali u ta’ data kunfidenzjali kummerċjalment kif previst fl-Artikolu 5(3);

(d)

iż-żamma tal-ambjent sigur tal-ipproċessar;

(e)

i-kisba tad-dritt li jiġi permess l-użu mill-ġdid f’konformità ma’ dan il-Kapitolu minn partijiet terzi barra mis-settur pubbliku; u

(f)

l-assistenza lill-utenti mill-ġdid biex ifittxu l-kunsens mis-suġġetti tad-data u l-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid.

6.   Il-kriterji u l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet u r-regoli użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet.

Artikolu 11

Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

4.   Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.

6.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(b)

l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali;

(d)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f);

(e)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(f)

deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz;

(g)

id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika.

7.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

8.   Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.   Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

10.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..

11.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..

12.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.

13.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.

14.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex twettaq il-kompiti relatati mal-proċedura ta’ notifika għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għall-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

3.   Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċibersigurtà u awtoritajiet settorjali rilevanti oħra. F’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dawk l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni b’saħħitha u jiskambjaw l-informazzjoni kif ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, u għandhom jimmiraw sabiex tinkiseb konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Monitoraġġ tal-konformità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu wkoll jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data abbażi ta’ talba minn persuna fiżika jew ġuridika.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew ir-rappreżentanti legali tagħhom l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu u għandha tkun motivata.

3.   Fejn l-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ssib li fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu, hija għandha tinnotifika lil dak il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data b’dawk is-sejbiet u tagħtih l-opportunità li jistqarr il-fehmiet tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta tasal in-notifika.

4.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi l-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 3 f’limitu ta’ żmien raġonevoli jew immedjatament fil-każ ta’ ksur serju, u għandha tieħu miżuri xierqa u proporzjonati bl-għan li tiżgura l-konformità. F’dak ir-rigward, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa, fejn ikun xieraq:

(a)

li timponi, permezz ta’ proċeduri amministrattivi, penali finanzjarji dissważivi, li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b’effett retroattiv, li jibdew proċedimenti legali għall-impożizzjoni ta’ multi, jew it-tnejn li huma;

(b)

li tirrikjedi posponiment tal-bidu, jew sospensjoni tal-forniment tas-servizz tal-intermedjazzjoni tad-data sakemm issir kwalunkwe bidla għall-kondizzjonijiet mitluba mill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data; jew

(c)

li tirrikjedi l-waqfien tal-forniment tas-servizz tal-intermedjazzjoni tad-data, f’każ li ksur serju jew ripetut ma jkunx ġie rrimedjat minkejja notifika minn qabel f’konformità mal-paragrafu 3.

L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha titlob lill-Kummissjoni tneħħi lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data mir-reġistru tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ladarba tkun ordnat il-waqfien tal-provvista tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-punt (c).

Jekk fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jirrimedja l-ksur, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinnotifika mill-ġdid lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika mill-ġdid ġdida li ssir.

5.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni jonqos milli jaħtar rappreżentant legali jew ir-rappreżentant legali jonqos, fuq talba tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa li b’mod komprensiv turi l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa li tipposponi l-bidu tal-provvista tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data jew li tissospendiha sakemm jiġi maħtur ir-rappreżentant legali jew tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bil-miżuri imposti skont il-paragrafi 4 u 5 u r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati, kif ukoll il-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu biex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet rilevanti mingħajr dewmien, u għandhom jistipulaw perijodu raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn 30 jum, biex il-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dawk il-miżuri.

7.   Jekk fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkollu l-istabbiliment ewlieni jew ir-rappreżentant legali tiegħu fi Stat Membru, iżda jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tal-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali jew ta’ fejn jinsab ir-rappreżentant legali u l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin. Tali assistenza u kooperazzjoni jistgħu jkopru skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data kkonċernati għall-finijiet tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament u talbiet motivati biex jittieħdu l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

Meta awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fi Stat Membru wieħed titlob assistenza minn awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, meta tirċievi tali talba, tipprovdi tweġiba mingħajr dewmien u f’perijodu ta’ żmien proporzjonat mal-urġenza tat-talba.

Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-assistenza mitluba u mogħtija skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 31

Aċċess u trasferiment internazzjonali

1.   Il-korp tas-settur pubbliku, il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi, legali u organizzattivi raġonevoli kollha, inkluż arranġamenti kuntrattwali, sabiex jipprevjenu t-trasferiment internazzjonali jew l-aċċess governattiv għal data mhux personali miżmuma fl-Unjoni fejn tali trasferiment jew aċċess ikun joħloq kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 jew 3.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni jew sentenza ta’ qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz u kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ pajjiż terz li tirrikjedi li korp tas-settur pubbliku, persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jittrasferixxu jew jagħtu aċċess għal data mhux personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni għandhom jiġu rikonoxxuti jew infurzabbli fi kwalunkwe mod fil-każ biss li jkunu bbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal pereżempju trattat dwar l-assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz li jagħmel it-talba u l-Unjoni jew kwalunkwe tali ftehim bejn il-pajjiż terz li jagħmel it-talba u Stat Membru.

3.   Fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn korp tas-settur pubbliku, persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni jew sentenza ta’ qorti jew ta’ tribunal ta’ pajjiż terz jew deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ pajjiż terz li tittrasferixxi jew tagħti aċċess għal data mhux personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament miżmuma fl-Unjoni u l-konformità ma’ tali deċiżjoni tkun qed tirriskja li tpoġġi lid-destinatarju f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti, it-trasferiment jew l-aċċess għal tali data minn dik l-awtorità ta’ pajjiż terz għandu jsir biss:

(a)

fejn is-sistema ta’ pajjiż terz teħtieġ li jiġu stabbiliti r-raġunijiet u l-proporzjonalità ta’ tali deċiżjoni jew sentenza, u tirrikjedi li tali deċiżjoni jew sentenza tkun ta’ natura speċifika, pereżempju billi tiġi stabbilita rabta suffiċjenti ma’ ċerti persuni suspettati, jew ksur;

(b)

l-oġġezzjoni motivata tad-destinatarju tkun soġġetta għal rieżami minn qorti kompetenti jew it-tribunal ta’ pajjiż terz; u

(c)

il-qorti kompetenti jew it-tribunal ta’ pajjiż terz li joħroġ id-deċiżjoni jew is-sentenza jew li jirrieżamina d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva tingħata s-setgħa skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż terz li tqis debitament l-interessi legali rilevanti tal-fornitur tad-data protetta skont il-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

4.   Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, jew 3, il-korp tas-settur pubbliku, il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jipprovdu l-ammont minimu ta’ data permissibbli bi tweġiba għal talba, abbażi ta’ interpretazzjoni raġonevoli tat-talba.

5.   Il-korp tas-settur pubbliku, il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt għall-użu mill-ġdid tad-data skont il-Kapitolu II, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jinfurmaw lid-detentur tad-data dwar l-eżistenza ta’ talba ta’ awtorità amministrattiva ta’ pajjiż terz biex ikollu aċċess għad-data tagħhom qabel ma jikkonformaw ma’ dik it-talba, ħlief fejn it-talba taqdi skopijiet ta’ infurzar tal-liġi u sakemm dan ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata l-effettività tal-attività tal-infurzar tal-liġi.

KAPITOLU VIII

Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat

Artikolu 34

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tal-obbligi rigward it-trasferimenti ta’ data mhux personali lil pajjiżi terzi skont l-Artikolu 5(14) u l-Artikolu 31, l-obbligu ta’ notifika tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jinnotifikaw skont l-Artikolu 11, il-kondizzjonijiet biex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data skont l-Artikolu 12, u l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data skont l-Artikoli 18, 20, 21 u 21 u għadhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fir-regoli tagħhom dwar il-pieni, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data. Sal-24 ta’ Settembru 2023, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi li ġejjin għall-impożizzjoni ta’ pieni fuq fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għal ksur ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq:

(a)

in-natura, il-gravità, l-iskala u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data biex jiġi mmitigat jew rimedjat id-dannu kkawżat mill-ksur;

(c)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minħabba l-ksur, sa fejn tali benefiċċji jew telf ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod affidabbli;

(e)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

Artikolu 35

Evalwazzjoni u rieżami

Sal-24 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

Ir-rapport għandu jivvaluta b’mod partikolari:

(a)

l-applikazzjoni u l-funzjonament tar-regoli dwar il-pieni stipulati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 34;

(b)

il-livell ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament tar-rappreżentanti legali tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data li mhumiex stabbiliti fl-Unjoni u l-livell ta’ inforzabbiltà tal-pieni imposti fuq dawk il-fornituri u organizzazzjonijiet;

(c)

it-tip ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rreġistrati skont il-Kapitolu IV u ħarsa ġenerali lejn l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tiġi kondiviża d-data bil-ħsieb li jiġu stabbiliti kriterji ċari f’dak ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.


whereas









keyboard_arrow_down