keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
- 1 Artikolu 5 Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid
- 1 Artikolu 6 Tariffi
- 3 Artikolu 11 Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data
- 1 Artikolu 13 Awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data
- 1 Artikolu 18 Rekwiżiti ġenerali għar-reġistrazzjoni
- 1 Artikolu 19 Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data
- 1 Artikolu 23 Awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data
- 1 Artikolu 26 Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet kompetenti
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
KAPITOLU II
L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku
KAPITOLU III
Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data
KAPITOLU IV
Altruwiżmu fir-rigward tad-data
KAPITOLU V
Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali
KAPITOLU VI
Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data
Kapitolu VII
Aċċess u trasferiment internazzjonali
KAPITOLU VIII
Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat
KAPITOLU IX
Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI
- ta’ 247
- tad-data 140
- intermedjazzjoni 65
- mill-ġdid 60
- kompetenti 59
- dwar 58
- fir-rigward 53
- pubbliku 53
- data 39
- tal-kunsill 36
- tas-settur 36
- ewropew 35
- tal-altruwiżmu 34
- tal-parlament 33
- għandhom 33
- għandha 32
- għandu 31
- nazzjonali 29
- servizzi 28
- għar-reġistrazzjoni 27
- għas-servizzi 26
- tal-unjoni 26
- għal 26
- msemmija 25
- fejn 25
- ir-regolament 25
- personali 25
- f’konformità 22
- kwalunkwe 22
- tal-organizzazzjonijiet 22
- legali 21
- mingħajr 20
- biex 20
- fl-artikolu 20
- l-użu 20
- membru 19
- tas-servizzi 19
- minn 18
- tagħhom 18
- tkun 18
- mhux 17
- dawk 17
- l-awtoritajiet 16
- id-direttiva 16
- rikonoxxuti 16
- nru / 15
- //ke 15
- skont 15
- ma’ 14
- huma 14
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi:
(a) | il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid, fl-Unjoni, ta’ ċerti kategoriji ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku; |
(b) | qafas ta’ notifika u superviżjoni għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data; |
(c) | qafas għar-reġistrazzjoni volontarja ta’ entitajiet li jiġbru u jipproċessaw id-data magħmula disponibbli għal finijiet altruwisti; u |
(d) | qafas għat-twaqqif ta’ Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data. |
2. Dan ir-Regolament ma joħloq ebda obbligu fuq il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tad-data, u lanqas ma jeħles lill-korpi tas-settur pubbliku mill-obbligi tagħhom ta’ kunfidenzjalità skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal:
(a) | dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar l-aċċess għal jew l-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għal dokumenti uffiċjali u d-divulgazzjoni tagħhom; u |
(b) | l-obbligi tal-korpi tas-settur pubbliku skont il-liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali li tippermetti l-użu mill-ġdid tad-data jew għar-rekwiżiti relatati mal-ipproċessar ta’ data mhux personali. |
Fejn liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali speċifika għas-settur tirrikjedi li korpi tas-settur pubbliku, fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuti jikkonformaw ma’ rekwiżiti tekniċi, amministrattivi jew organizzattivi addizzjonali speċifiċi, inkluż permezz ta’ reġim ta’ awtorizzazzjoni jew ċertifikazzjoni, għandhom japplikaw ukoll dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali speċifika għas-settur. Kwalunkwe rekwiżit addizzjonali speċifiku bħal dan għandu jkun nondiskriminatorju, proporzjonat u ġustifikat b’mod oġġettiv.
3. Il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali għandhom japplikaw għal kwalunkwe data personali pproċessata b’rabta ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1725 u d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680, inkluż fir-rigward tas-setgħat u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji. Fil-każ ta’ kunflitt bejn dan ir-Regolament u l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali jew liġi nazzjonali adottata f’konformità ma’ tali liġi tal-Unjoni, għandha tipprevali l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali rilevanti. Dan ir-Regolament ma joħloqx bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali u ma jbiddel l-ebda dritt u obbligu stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725 jew fid-Direttivi 2002/58/KE jew (UE) 2016/680.
4. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.
5. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà nazzjonali.
Artikolu 5
Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid
1. Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.
2. Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
3. Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) | li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:
|
(b) | li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku; |
(c) | li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. |
4. Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.
5. Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.
6. Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).
7. L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.
8. Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.
9. Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.
10. Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:
(a) | jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u |
(b) | jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8. |
11. Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.
Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).
12. Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:
(a) | jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni; |
(b) | qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u |
(c) | jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv. |
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).
13. Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.
Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.
Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.
14. Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.
Artikolu 6
Tariffi
1. Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data.
2. Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 1 għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni.
3. Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa tkun tista’ wkoll titħallas online permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont ta’ pagament fl-Unjoni.
4. Fejn il-korpi tas-settur pubbliku japplikaw tariffi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprovdu inċentivi għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għal finijiet mhux kummerċjali bħal finijiet ta’ riċerka xjentifika u minn SMEs u negozji ġodda f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dak ir-rigward, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu d-data disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas, b’mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda, għas-soċjetà ċivili u għall-istabbilimenti edukattivi. Għal dan il-għan, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jistabbilixxu lista ta’ kategoriji ta’ utenti mill-ġdid li d-data għall-użu mill-ġdid issir disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas. Dik il-lista, flimkien mal-kriterji użati biex tiġi stabbilita, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.
5. Kwalunkwe tariffa għandha tkun derivata mill-kostijiet relatati mat-tmexxija tal-proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1); ulimitata għall-kostijiet meħtieġa fir-rigward ta’:
(a) | ir-riproduzzjoni, il-forniment u d-disseminazzjoni tad-data; |
(b) | l-approvazzjoni tad-drittijiet; |
(c) | l-anonimizzazzjoni jew forom oħra ta’ tħejjija ta’ data personali u ta’ data kunfidenzjali kummerċjalment kif previst fl-Artikolu 5(3); |
(d) | iż-żamma tal-ambjent sigur tal-ipproċessar; |
(e) | i-kisba tad-dritt li jiġi permess l-użu mill-ġdid f’konformità ma’ dan il-Kapitolu minn partijiet terzi barra mis-settur pubbliku; u |
(f) | l-assistenza lill-utenti mill-ġdid biex ifittxu l-kunsens mis-suġġetti tad-data u l-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid. |
6. Il-kriterji u l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet u r-regoli użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet.
Artikolu 11
Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data
1. Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.
3. Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.
Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.
4. Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.
5. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.
6. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data; |
(b) | l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni; |
(c) | l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali; |
(d) | sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f); |
(e) | il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data; |
(f) | deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz; |
(g) | id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika. |
7. L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.
8. Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.
9. Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.
Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).
10. L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..
11. L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..
12. Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.
13. Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.
14. L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.
Artikolu 13
Awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex twettaq il-kompiti relatati mal-proċedura ta’ notifika għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għall-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.
2. L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
3. Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċibersigurtà u awtoritajiet settorjali rilevanti oħra. F’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dawk l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni b’saħħitha u jiskambjaw l-informazzjoni kif ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, u għandhom jimmiraw sabiex tinkiseb konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 18
Rekwiżiti ġenerali għar-reġistrazzjoni
Sabiex tikkwalifika għar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, entità għandha:
(a) | twettaq attivitajiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data; |
(b) | tkun persuna ġuridika stabbilita skont il-liġi nazzjonali biex tilħaq objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn ikun applikabbli; |
(c) | topera fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u tkun legalment indipendenti minn kwalunkwe entità li topera fuq bażi għal skop ta’ qligħ; |
(d) | twettaq l-attivitajiet relatati mal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz ta’ struttura li hija funzjonalment separata mill-attivitajiet l-oħra tagħha; |
(e) | tikkonforma mal-ġabra tar-regoli msemmija fl-Artikolu 22(1), mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija f’dak il-paragrafu. |
Artikolu 19
Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data
1. Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.
2. Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 u għandha stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn għandha l-istabbiliment ewlieni.
3. Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iżda li mhix stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn dawk is-servizzi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data huma offruti.
Għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata mandat mill-entità biex jiġi indirizzat flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dik l-entità. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali. Tali entità tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’dak l-Istat Membru. Il-ħatra ta’ rappreżentant legali mill-entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali li tista’ tinbeda kontra l-entità.
4. L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-isem tal-entità; |
(b) | l-istatus legali, il-forma u, fejn l-entità tkun irreġistrata f’reġistru pubbliku nazzjonali, in-numru ta’ reġistrazzjoni; |
(c) | l-istatuti tal-entità, fejn ikun xieraq; |
(d) | is-sorsi ta’ dħul tal-entità; |
(e) | l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dak tar-rappreżentant legali; |
(f) | sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni kompleta u aġġornata dwar l-entità u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (h); |
(g) | il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità; |
(h) | l-objettivi ta’ interess ġenerali li għandha l-ħsieb li tippromwovi meta tiġbor id-data; |
(i) | in-natura tad-data li l-entità beħsiebha tikkontrolla jew tipproċessa, u, fil-każ ta’ data personali, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali; |
(j) | kwalunkwe dokument ieħor li juri li r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 huma ssodisfati. |
5. Meta l-entità tkun ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafu 4 u wara li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tkun evalwat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tkun sabet li l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18, hija għandha tirreġistra l-entità fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi żmien 12-il ġimgħa wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha.
L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dik ir-reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.
6. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b), (f), (g), u (h) għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru pubbliku nazzjonali rilevanti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.
7. Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 4 fi żmien 14-il jum mid-data tal-bidla.
L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi dwar kull notifika bħal din mingħajr dewmien. Abbażi ta’ tali notifika, il-Kummissjoni għandha taġġorna mingħajr dewmien ir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.
Artikolu 23
Awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għar-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.
L-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
2. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fl-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.
3. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandha twettaq il-kompiti tagħha f’kooperazzjoni mal-awtorità rilevanti għall-protezzjoni tad-data, fejn tali kompiti jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, u ma’ awtoritajiet settorjali rilevanti ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 26
Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jistgħu jitwettqu mill-istess awtorità. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar għal dawk il-finijiet jew iserrħu fuq dawk eżistenti.
2. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti, konsistenti, affidabbli u f’waqtu. Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, huma għandhom jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta u n-nondiskriminazzjoni.
3. Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma jistgħux ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew il-persuna li twettaq il-manutenzjoni tas-servizzi li huma jevalwaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tas-servizzi evalwati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew l-użu ta’ tali servizzi għal skopijiet personali.
4. Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhom jinvolvu ruħhom f’ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni assenjati lilhom.
5. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inklużi l-għarfien u r-riżorsi tekniċi meħtieġa.
6. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minn Stati Membri oħra, fuq talba motivata u mingħajr dewmien, l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Fejn awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tqis li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali u professjonali, il-Kummissjoni u kwalunkwe awtorità kompetenti oħra għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data kkonċernata għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità.
Artikolu 38
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-24 ta’ Settembru 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) ĠU C 286, 16.7.2021, p. 38.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2022.
(3) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(4) Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE, (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64).
(6) Ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33).
(7) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport. (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa. (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59).
(11) Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
(12) Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni. (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).
(13) Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(14) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(15) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(16) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom. (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(17) Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(18) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE. (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).
(19) Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).
(20) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).
(21) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(22) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(23) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(24) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(25) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 557/2013 tas-17 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 (ĠU L 164, 18.6.2013, p. 16).
(26) Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).
(27) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84)
(28) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(29) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).
(30) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(31) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(32) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(33) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).