search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'kkonċernat' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index kkonċernat:


whereas kkonċernat:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1112

 

Artikolu 3

Kategoriji ta’ data

1.   Dan il-Kapitolu japplika għad-data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma protetti fuq il-bażi ta’:

(a)

kunfidenzjalità kummerċjali, inkluż sigrieti kummerċjali, professjonali u tal-kumpanniji;

(b)

kunfidenzjalità tal-istatistika;

(c)

il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi; jew

(d)

il-protezzjoni ta’ data personali, sakemm tali data taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1024.

2.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

(a)

data miżmuma minn impriżi pubbliċi;

(b)

data miżmuma mix-xandara tas-servizz pubbliku u mis-sussidjarji tagħhom, u minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettiq tal-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(c)

data miżmuma mill-istabbilimenti kulturali u l-istabbilimenti edukattivi;

(d)

data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li hija protetta għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża jew sigurtà nazzjonali; jew

(e)

data li l-provvista tagħha hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew, fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, kif definita f’konformità mal-prattika amministrattiva komuni f’dak l-Istat Membru, sakemm l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami.

3.   Dan il-Kapitolu huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istati Membri huma parti dwar il-protezzjoni ta’ kategoriji ta’ data msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:

(i)

anonimizzata, fil-każ ta’ data personali; u

(ii)

modifikata, aggregata jew ittrattata bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kontroll dwar divulgazzjoni, fil-każ ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inkluż sigrieti kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku;

(c)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi.

4.   Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.

5.   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

6.   Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

7.   L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.

8.   Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.

9.   Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.

10.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:

(a)

jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u

(b)

jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8.

11.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

12.   Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a)

jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u

(c)

jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

13.   Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.

Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.

14.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.

Artikolu 9

Proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid

1.   Sakemm ma jkunux ġew stabbiliti limiti ta’ żmien iqsar skont il-liġi nazzjonali il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba.

F’każ ta’ talbiet għal użu mill-ġdid eċċezzjonalment estensivi u kumplessi, dan il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 30 jum. F’każijiet bħal dawn il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) għandhom jinnotifikaw l-applikant malajr kemm jista’ jkun li huwa meħtieġ aktar żmien biex titmexxa l-proċedura, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.

2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika affettwata direttament minn deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollha dritt effettiv ta’ rimedju fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp rilevanti. It-tali dritt ta’ rimedju għandu jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali u għandu jinkludi l-possibbiltà ta’ rieżami minn korp imparzjali bl-għarfien espert xieraq, bħal pereżempju l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità rilevanti għall-aċċess għad-dokumenti, l-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti fuq il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti kkonċernat.

KAPITOLU III

Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Artikolu 14

Monitoraġġ tal-konformità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu wkoll jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità tal-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data abbażi ta’ talba minn persuna fiżika jew ġuridika.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew ir-rappreżentanti legali tagħhom l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu u għandha tkun motivata.

3.   Fejn l-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ssib li fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma jikkonformax ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu, hija għandha tinnotifika lil dak il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data b’dawk is-sejbiet u tagħtih l-opportunità li jistqarr il-fehmiet tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta tasal in-notifika.

4.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi l-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 3 f’limitu ta’ żmien raġonevoli jew immedjatament fil-każ ta’ ksur serju, u għandha tieħu miżuri xierqa u proporzjonati bl-għan li tiżgura l-konformità. F’dak ir-rigward, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa, fejn ikun xieraq:

(a)

li timponi, permezz ta’ proċeduri amministrattivi, penali finanzjarji dissważivi, li jistgħu jinkludu penali perjodiċi u penali b’effett retroattiv, li jibdew proċedimenti legali għall-impożizzjoni ta’ multi, jew it-tnejn li huma;

(b)

li tirrikjedi posponiment tal-bidu, jew sospensjoni tal-forniment tas-servizz tal-intermedjazzjoni tad-data sakemm issir kwalunkwe bidla għall-kondizzjonijiet mitluba mill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data; jew

(c)

li tirrikjedi l-waqfien tal-forniment tas-servizz tal-intermedjazzjoni tad-data, f’każ li ksur serju jew ripetut ma jkunx ġie rrimedjat minkejja notifika minn qabel f’konformità mal-paragrafu 3.

L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha titlob lill-Kummissjoni tneħħi lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data mir-reġistru tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ladarba tkun ordnat il-waqfien tal-provvista tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-punt (c).

Jekk fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jirrimedja l-ksur, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinnotifika mill-ġdid lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika mill-ġdid ġdida li ssir.

5.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni jonqos milli jaħtar rappreżentant legali jew ir-rappreżentant legali jonqos, fuq talba tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa li b’mod komprensiv turi l-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollha s-setgħa li tipposponi l-bidu tal-provvista tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data jew li tissospendiha sakemm jiġi maħtur ir-rappreżentant legali jew tiġi pprovduta l-informazzjoni neċessarja.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bil-miżuri imposti skont il-paragrafi 4 u 5 u r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati, kif ukoll il-passi meħtieġa li għandhom jittieħdu biex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet rilevanti mingħajr dewmien, u għandhom jistipulaw perijodu raġonevoli, li ma għandux ikun itwal minn 30 jum, biex il-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dawk il-miżuri.

7.   Jekk fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkollu l-istabbiliment ewlieni jew ir-rappreżentant legali tiegħu fi Stat Membru, iżda jipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tal-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali jew ta’ fejn jinsab ir-rappreżentant legali u l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin. Tali assistenza u kooperazzjoni jistgħu jkopru skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data kkonċernati għall-finijiet tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament u talbiet motivati biex jittieħdu l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

Meta awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fi Stat Membru wieħed titlob assistenza minn awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, meta tirċievi tali talba, tipprovdi tweġiba mingħajr dewmien u f’perijodu ta’ żmien proporzjonat mal-urġenza tat-talba.

Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-assistenza mitluba u mogħtija skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 22

Ġabra ta’ regoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32, li jissupplementaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu ġabra ta’ regoli, li tistipula:

(a)

rekwiżiti ta’ informazzjoni xierqa biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data u jiġu pprovduti, qabel ma jingħata kunsens jew permess għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data, b’informazzjoni dettaljata, ċara u trasparenti biżżejjed dwar l-użu tad-data, l-għodod għall-għoti u l-irtirar tal-kunsens jew tal-permess, u l-miżuri meħuda biex jiġi evitat l-użu ħażin tad-data kondiviża mal-organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

rekwiżiti tekniċi u ta’ sigurtà xierqa biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data, kif ukoll għall-għodod biex jingħata u jiġi rtirat il-kunsens jew il-permess;

(c)

pjanijiet direzzjonali ta’ komunikazzjoni li jieħdu approċċ multidixxiplinari għas-sensibilizzazzjoni dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, dwar il-ħatra bħala “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” u dwar il-ġabra tar-regoli fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari d-detenturi tad-data u s-suġġetti tad-data li potenzjalment jikkondividu d-data tagħhom;

(d)

rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards rilevanti tal-interoperabbiltà.

2.   Il-ġabra tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħejja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 24

Monitoraġġ tal-konformità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità tal- organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-Kapitolu. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tista’ wkoll timmonitorja u tissorvelja l-konformità ta’ tali organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, abbażi ta’ talba minn persuni fiżika jew ġuridika.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu informazzjoni minn ‘ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data li tkun meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun proporzjonata għat-twettiq tal-kompitu u għandha tkun motivata.

3.   Fejn l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ssib li organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma tikkonformax ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu, hija għandha tinnotifika lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data b’dawk is-sejbiet u tagħtiha l-opportunità li tiddikjara l-fehmiet tagħha, fi żmien 30 jum minn meta tkun irċeviet in-notifika.

4.   L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollha s-setgħa li titlob il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 3 immedjatament jew f’limitu ta’ żmien raġonevoli u għandha tieħu miżuri xierqa u proporzjonati bil-għan li tiżgura l-konformità.

5.   Jekk organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma tikkonformax ma’ wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu anke wara li tkun ġiet notifikata f’konformità mal-paragrafu 3 mill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, dik l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha:

(a)

titlef id-dritt tagħha li tuża t-tikketta “organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Unjoni” fi kwalunkwe komunikazzjoni miktuba u mitkellma;

(b)

titneħħa mir-reġistru pubbliku nazzjonali rilevanti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, u mir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Kwalunkwe deċiżjoni li tirrevoka d-dritt li tintuża t-tikketta “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandha ssir pubblika mill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

6.   Jekk organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jkollha l-istabbiliment ewlieni jew ir-rappreżentant legali tagħha fi Stat Membru iżda tkun attiva fi Stati Membri oħra, l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tal-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni jew fejn jinsab ir-rappreżentant legali u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkooperaw u jassistu lil xulxin. Tali assistenza u kooperazzjoni jistgħu jkopru skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data kkonċernati għall-finijiet tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament u talbiet motivati biex jittieħdu l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu.

Meta awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi Stat Membru wieħed titlob assistenza minn awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi Stat Membru ieħor, hija għandha tippreżenta talba motivata. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, malli tirċievi tali talba, għandha tipprovdi tweġiba mingħajr dewmien u f’perijodu ta’ żmien proporzjonat mal-urġenza tat-talba.

Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest tal-assistenza mitluba u mogħtija skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni li għaliha tkun intalbet.

Artikolu 25

Formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u jiżviluppaw formola Ewropea ta’ kunsens dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, b’kont meħud tal-parir tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data, u bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-formola għandha tippermetti l-ġbir tal-kunsens jew il-permess fl-Istati Membri kollha f’format uniformi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

2.   Il-formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tuża approċċ modulari li jippermetti l-adattament skont il-ħtiġijiet għal setturi speċifiċi u għal finijiet differenti.

3.   Meta tiġi pprovduta data personali, il-formola Ewropea tal-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens u jirtiraw il-kunsens tagħhom minn operazzjoni speċifika tal-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Il-formola għandha tkun disponibbli b’mod li tista’ tiġi stampata fuq karta u li tinftiehem faċilment kif ukoll f’forma elettronika li tinqara minn magna.

KAPITOLU V

Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 26

Rekwiżiti relatati mal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom ikunu legalment distinti u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jistgħu jitwettqu mill-istess awtorità. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu awtorità ġdida waħda jew aktar għal dawk il-finijiet jew iserrħu fuq dawk eżistenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jeżerċitaw il-kompiti tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti, konsistenti, affidabbli u f’waqtu. Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, huma għandhom jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta u n-nondiskriminazzjoni.

3.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma jistgħux ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew il-persuna li twettaq il-manutenzjoni tas-servizzi li huma jevalwaw, lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tas-servizzi evalwati li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew l-użu ta’ tali servizzi għal skopijiet personali.

4.   Il-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhom jinvolvu ruħhom f’ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ evalwazzjoni assenjati lilhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inklużi l-għarfien u r-riżorsi tekniċi meħtieġa.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data minn Stati Membri oħra, fuq talba motivata u mingħajr dewmien, l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Fejn awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tqis li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali u professjonali, il-Kummissjoni u kwalunkwe awtorità kompetenti oħra għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data kkonċernata għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità.

Artikolu 29

Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data fil-forma ta’ grupp ta’ esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tal- Istati Membri kollha, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-ENISA, il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant tal-UE għall-SMEs jew rappreżentant maħtur min-network tar-rappreżentanti tal-SMEs, u rappreżentanti oħra tal-korpi rilevanti f’setturi speċifiċi kif ukoll korpi b’għarfien espert speċifiku. Meta taħtar esperti individwali, il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tikseb bilanċ bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-grupp ta’ esperti.

2.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jikkonsisti minn tal-inqas mit-tliet subgruppi li ġejjin:

(a)

subgrupp magħmul mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, bil-ħsieb li jitwettqu l-kompetenti skont l-Artikolu 30, il-punti (a), (c), (j) u (k);

(b)

subgrupp għal diskussjonijiet tekniċi dwar l-istandardizzazzjoni, il-portabbiltà u l-interoperabbiltà skont l-Artikolu 30, il-punti (f) u (g);

(c)

subgrupp għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati magħmul minn rappreżentanti rilevanti mill-industrija, ir-riċerka, id-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, l-ispazji komuni Ewropej tad-data rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-partijiet terzi l-oħra rilevanti li jagħtu pariri lill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data dwar il-kompiti skont l-Artikolu 30, il-punti (d), (e), (f), (g) u (h).

3.   Il-Kummissjoni għandha tippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data.

4.   Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-għajnuna ta’ segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni.

Artikolu 30

Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-korpi tas-settur pubbliku u l-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) fit-trattament ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1);

(b)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-Unjoni;

(c)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti dwar kif għandha tiġi protetta bl-aħjar mod, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, data kummerċjalment sensittiva ta’ natura mhux personali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali, iżda wkoll data mhux personali li tirrappreżenta kontenut protett permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn aċċess illegali li jista’ jwassal għal serq ta’ proprjetà intellettwali jew spjunaġġ industrijali;

(e)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-iskambju u l-ħżin tad-data;

(f)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istandards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bejn spazji komuni Ewropej tad-data emerġenti, it-tqabbil transsettorjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, u b’mod partikolari biex jiġi ċċarat u speċifikat liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(g)

li jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ekonomija tad-data fis-suq intern billi jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera, transsettorjali tad-data kif ukoll tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn setturi u dominji differenti, filwaqt li jibni fuq standards Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali eżistenti, fost oħrajn bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(h)

li jipproponi linji gwida għal ‘‘spazji komuni Ewropej tad-data’’ jiġifieri oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta’ standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili; tali standards u prattiki komuni għandhom iqisu l-istandards eżistenti, jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-parteċipanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ispazji tad-data eżistenti u futuri li jindirizzaw, fost oħrajn:

(i)

standards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, it-tqabbil u l-iskambju transsettorjali tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari il-kjarifika u l-ispeċifikazzjoni ta’ liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(ii)

rekwiżiti biex jiġu indirizzati l-barrieri għad-dħul fis-suq u biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-interoperabbiltà;

(iii)

protezzjoni adegwata għat-trasferimenti legali tad-data lejn pajjiżi terzi, inkluż salvagwardji kontra kwalunkwe trasferiment ipprojbit mil-liġi tal-Unjoni;

(iv)

rappreżentanza adegwata u mhux diskriminatorja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-governanza ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(v)

osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1) miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku madwar is-suq intern;

(j)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mal-proċedura ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ miżati jew pieni, kif ukoll jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tal-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data;

(k)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(11) u (12);

(l)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1);

(m)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju internazzjonali għad-data mhux personali inkluż l-istandardizzazzjoni.

Kapitolu VII

Aċċess u trasferiment internazzjonali


whereas









keyboard_arrow_down