search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'gwida' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index gwida:


whereas gwida:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 731

 

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:

(i)

anonimizzata, fil-każ ta’ data personali; u

(ii)

modifikata, aggregata jew ittrattata bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kontroll dwar divulgazzjoni, fil-każ ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inkluż sigrieti kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku;

(c)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi.

4.   Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.

5.   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

6.   Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1).

7.   L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.

8.   Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.

9.   Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.

10.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:

(a)

jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u

(b)

jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8.

11.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

12.   Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a)

jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u

(c)

jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 33(3).

13.   Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.

Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.

14.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.

Artikolu 7

Korpi kompetenti

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jaħtar korp kompetenti wieħed jew aktar, li jistgħu jkunu kompetenti għal setturi partikolari, biex jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku li jagħtu jew jirrifjutaw l-aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1). L-Istati Membri jistgħu istabbilixxu korp kompetenti ġdid wieħed jew aktar jew jużaw korpi eżistenti tas-settur pubbliku jew servizzi interni ta’ korpi tas-settur pubbliku li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi kompetenti jistgħu jingħataw is-setgħa li jagħtu aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tipprovdi li tali aċċess jingħata,. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, l-Artikoli 4, 5, 6 u 9 għandhom japplikaw għal dawk il-korpi kompetenti.

3.   Il-korpi kompetenti għandu jkollhom riżorsi legali, finanzjarji, tekniċi u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inkluż l-għarfien tekniku meħtieġ biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-reġimi ta’ aċċess għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1).

4.   L-assistenza prevista fil-paragrafu 1 għandu jinkludi, fejn meħtieġ:

(a)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku billi jsir disponibbli ambjent ta’ pproċessar sikur għall-għoti ta’ aċċess għall-użu mill-ġdid tad-data;

(b)

l-għoti ta’ gwida u appoġġ tekniku dwar kif l-aħjar tiġi strutturata u maħżuna d-data biex dik id-data tkun aċċessibbli faċilment;

(c)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku għall-psewdonimizzazzjoni u l-iżgurar tal-ipproċessar tad-data b’mod li jiġu ppreżervati b’mod effettiv il-privatezza, il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fid-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid, inklużi tekniki għall-anonimizzazzjoni, il-ġeneralizzazzjoni, is-soppressjoni, u l-każwalizzazzjoni ta’ data personali jew metodi oħra tal-ogħla żvilupp tekniku għall-preservazzjoni tal-privatezza, u t-tħassir ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inklużi sigriet kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(d)

jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fejn rilevanti, biex jipprovdu appoġġ lill-utenti mill-ġdid meta jitolbu kunsens għall-użu mill-ġdid mis-suġġetti tad-data jew permess mid-detenturi tad-data f’konformità mad-deċiżjonijiet speċifiċi tagħhom, inkluż dwar il-ġuriżdizzjoni jew ġuriżdizzjonijiet li fihom ikun maħsub li ser isir l-ipproċessar tad-data u jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi tekniċi li jippermettu t-trażmissjoni ta’ talbiet għal kunsens jew permess minn utenti mill-ġdid, fejn dan ikun prattikament fattibbli;

(e)

l-għoti ta’ assistenza lill-korpi tas-settur pubbliku fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji kuntrattwali magħmula minn utent mill-ġdid, skont l-Artikolu 5(10).

5.   Kull Stati Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-korpi kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika ukoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe modifika sussegwenti tal-identità ta’ dawk il-korpi kompetenti.

Artikolu 30

Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-korpi tas-settur pubbliku u l-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) fit-trattament ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1);

(b)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-Unjoni;

(c)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti dwar kif għandha tiġi protetta bl-aħjar mod, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, data kummerċjalment sensittiva ta’ natura mhux personali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali, iżda wkoll data mhux personali li tirrappreżenta kontenut protett permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn aċċess illegali li jista’ jwassal għal serq ta’ proprjetà intellettwali jew spjunaġġ industrijali;

(e)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-iskambju u l-ħżin tad-data;

(f)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istandards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bejn spazji komuni Ewropej tad-data emerġenti, it-tqabbil transsettorjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, u b’mod partikolari biex jiġi ċċarat u speċifikat liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(g)

li jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ekonomija tad-data fis-suq intern billi jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera, transsettorjali tad-data kif ukoll tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn setturi u dominji differenti, filwaqt li jibni fuq standards Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali eżistenti, fost oħrajn bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(h)

li jipproponi linji gwida għal ‘‘spazji komuni Ewropej tad-data’’ jiġifieri oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta’ standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili; tali standards u prattiki komuni għandhom iqisu l-istandards eżistenti, jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-parteċipanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ispazji tad-data eżistenti u futuri li jindirizzaw, fost oħrajn:

(i)

standards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, it-tqabbil u l-iskambju transsettorjali tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari il-kjarifika u l-ispeċifikazzjoni ta’ liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(ii)

rekwiżiti biex jiġu indirizzati l-barrieri għad-dħul fis-suq u biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-interoperabbiltà;

(iii)

protezzjoni adegwata għat-trasferimenti legali tad-data lejn pajjiżi terzi, inkluż salvagwardji kontra kwalunkwe trasferiment ipprojbit mil-liġi tal-Unjoni;

(iv)

rappreżentanza adegwata u mhux diskriminatorja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-governanza ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(v)

osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-Artikolu 3(1) miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku madwar is-suq intern;

(j)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mal-proċedura ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ miżati jew pieni, kif ukoll jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tal-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data;

(k)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(11) u (12);

(l)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1);

(m)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju internazzjonali għad-data mhux personali inkluż l-istandardizzazzjoni.

Kapitolu VII

Aċċess u trasferiment internazzjonali


whereas









keyboard_arrow_down