search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'fl-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index fl-artikolu :

    KAPITOLU I
    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    KAPITOLU II
    L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

    KAPITOLU III
    Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

    KAPITOLU IV
    Altruwiżmu fir-rigward tad-data

    KAPITOLU V
    Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

    KAPITOLU VI
    Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

    Kapitolu VII
    Aċċess u trasferiment internazzjonali

    KAPITOLU VIII
    Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat

    KAPITOLU IX
    Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI


whereas fl-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1663

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ tali atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-iskop inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih tkun ġiet prodotta d-data; ħlief għall-iskambju ta’ data bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(3)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

“data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(6)

“permess” tfisser li l-utenti tad-data jingħataw id-dritt għall-ipproċessar ta’ data mhux personali;

(7)

“suġġett tad-data” tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(8)

“detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika, inklużi korpi tas-settur pubbliku u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew persuna fiżika li mhijiex suġġett tad-data fir-rigward tad-data speċifika inkwistjoni, li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, għandha d-dritt li tagħti aċċess għal jew tikkondividi ċerta data personali jew data mhux personali;

(9)

“utent tad-data” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha aċċess legali għal ċerta data personali jew mhux personali u jkollha d-dritt, inkluż fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ ta’ data personali, li tuża dik id-data għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali;

(10)

“kondiviżjoni tad-data” tfisser il-forniment ta’ data minn suġġett jew detentur tad-data lil utent tad-data għall-iskop ta’ użu konġunt jew individwali ta’ tali data, abbażi ta’ ftehimiet volontarji jew tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, pereżempju skont liċenzji miftuħa jew kummerċjali soġġetti għal tariffa jew mingħajr ħlas;

(11)

“servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data” tfisser servizz, li għandu l-għan li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali għall-finijiet ta’ kondiviżjoni tad-data bejn għadd mhux determinat ta’ suġġetti tad-data u detenturi tad-data minn naħa, u utenti tad-data min-naħa l-oħra, permezz ta’ mezzi tekniċi, legali jew oħrajn, inkluż għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ data personali, bl-eżklużjoni ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

servizzi li jiksbu data mid-detenturi tad-data u jaggregaw, jarrikkixxu jew jittrasformaw id-data għall-iskop li jżidu valur sostanzjali magħha u jilliċenzjaw l-użu tad-data li tirriżulta lill-utenti tad-data, mingħajr ma jistabbilixxu relazzjoni kummerċjali bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data;

(b)

servizzi li jagħmlu enfasi fuq l-intermedjazzjoni ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur;

(c)

servizzi li huma esklużivament użati minn detentur tad-data wieħed sabiex jippermettu l-użu tad-data miżmuma minn dak id-detentur tad-data, jew li jintużaw minn diversi persuni ġuridiċi fi grupp magħluq, inkluż relazzjonijiet bejn fornituri jew klijenti jew kollaborazzjonijiet stabbiliti b’kuntratt, b’mod partikolari dawk li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw il-funzjonalitajiet tal-oġġetti u l-apparat imqabbad mal-Internet tal-Oġġetti;

(d)

servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data offruti minn korpi tas-settur pubbliku s li ma jkollhomx l-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali;

(12)

“ipproċessar” tfisser ipproċessar kif definit fl-artikolu 4, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tad-data personali jew l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1807 fir-rigward tad-data mhux personali;

(13)

“aċċess” tfisser użu tad-data, f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi, mingħajr ma neċessarjament jimplika t-trażmissjoni jew it-tniżżil ta’ data;

(14)

“stabbiliment ewlieni” ta’ persuna ġuridika tfisser il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha fl-Unjoni;

(15)

“servizzi ta’ kooperattivi tad-data” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data offruti minn struttura organizzattiva kostitwita minn suġġetti tad-data, impriżi b’persuna waħda jew SMEs li jkunu membri ta’ dik l-istruttura, li jkollha bħala l-objettivi ewlenin tagħha li tappoġġa lill-membri tagħha fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ ċerta data, inkluż fir-rigward tad-dritt li jagħmlu għażliet infurmati qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data u li jkollhom skambju ta’ fehmiet dwar finijiet u kondizzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li jirrappreżentaw bl-aħjar mod l-interessi tal-membri tagħha b’rabta mad-data tagħhom, u li tinnegozja t-termini u l-kondizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data f’isem il-membri tagħha qabel ma jagħtu l-permess għall-ipproċessar tad-data mhux personali jew qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali;

(16)

“altruwiżmu fir-rigward tad-data” tfisser il-kondiviżjoni volontarja tad-data abbażi tal-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data għall-ipproċessar tad-data personali li tappartjeni għalihom, jew permessi ta’ detenturi tad-data biex jippermettu l-użu tad-data mhux personali tagħhom mingħajr ma jfittxu jew jirċievu premju li jmur lil hinn minn kumpens relatat mal-ispejjeż li jġarrbu meta jagħmlu d-data tagħhom disponibbli għal objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn applikabbli, bħall-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-titjib tal-mobbiltà, l-iffaċilitar tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika uffiċjali, it-titjib tal-forniment tas-servizzi pubbliċi, it-tfassil tal-politika pubblika jew finijiet ta’ riċerka xjentifika fl-interess ġenerali;

(17)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

(18)

“korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu stabbiliti għall-iskop speċifiku li jissodisfaw il-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, u ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

ikollhom personalità ġuridika;

(c)

ikunu ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħrajn regolati mil-liġi pubblika; ikunu soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika;

(19)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti direttament jew indirettament permezz tas-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha; għall-iskop ta’ din id-definizzjoni, influwenza dominanti min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku għandha tkun preżunta fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża;

(20)

“ambjent tal-ipproċessar sigur” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-mezzi organizzattivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà kummerċjali u tal-istatistika, kif ukoll mal-liġi applikabbli nazzjonali, u li jippermettu lill-entità li tipprovdi l-ambjent tal-ipproċessar sigur tiddetermina u tissorvelja l-azzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data, inkluż il-wiri, il-ħżin, it-tniżżil, u l-esportazzjoni ta’ data u l-kalkolu ta’ data derivattiva permezz ta’ algoritmi komputazzjonali;

(21)

“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura b’mod espliċitu biex taġixxi f’isem fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità li tiġbor id-data għal objettivi ta’ interess ġenerali magħmula disponibbli minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data mhux stabbilita fl-Unjoni, li tista’ tiġi indirizzata mill-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data minbarra jew minflok il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità fir-rigward tal-obbligi skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tat-tnedija ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra fornitur jew entità ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ data li ma jkunx konformi mhux stabbiliti fl-Unjoni.

KAPITOLU II

L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

Artikolu 4

Projbizzjoni ta’ arranġamenti esklużivi

1.   Ftehimiet jew prattiki oħra li għandhom x’jaqsmu mal-użu mill-ġdid ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li fihom kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) li jagħtu drittijiet esklużivi jew li għandhom bħala l-objettiv jew l-effett tagħhom li jagħtu tali drittijiet esklużivi jew li jirrestrinġu d-disponibbiltà tad-data għal dan l-użu mill-ġdid minn entitajiet għajr il-partijiet f’tali ftehimiet jew prattiki oħra għandhom ikunu pprojbiti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dritt esklużiv għall-użu mill-ġdid tad-data msemmija f’dak il-paragrafu jista’ jingħata sal-punt meħtieġ għall-forniment ta’ servizz jew il-provvista ta’ prodott fl-interess ġenerali li altrimenti ma tkunx possibbli.

3.   Dritt esklussiv kif imsemmi fl-paragrafu 2 għandu jingħata permezz ta’ att amministrattiv jew arranġament kuntrattwali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli u f’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni.

4.   It-tul ta’ żmien tad-dritt ta’ esklużività għall-użu mill-ġdid tad-data ma għandux jaqbeż it-tnax-il xahar. Meta jiġi konkluż kuntratt, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt għandu jkun l-istess bħat-tul ta’ żmien tad-dritt ta’ esklużività.

5.   L-għoti ta’ dritt esklużiv skont il-paragrafi (2), (3) u (4), inkluż ir-raġunijiet għaliex huwa meħtieġ li jingħata tali dritt, għandu jkun trasparenti u jsir pubblikament disponibbli online, f’forma li tkun konformi mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku.

6.   Ftehimiet jew prattiki oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li ġew konklużi qabel it-23 ta’ Ġunju 2022 għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt applikabbli u fi kwalunkwe każ sal-24 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li huma kompetenti skont il-liġi nazzjonali biex jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-kondizzjonijiet biex jippermettu użu mill-ġdid bħal dan u l-proċedura biex jintalab l-użu mill-ġdid permezz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fl-artikolu 8. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, huma jistgħu jiġu assistiti mill-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u oġġettivament ġustifikati fir-rigward tal-kategoriji tad-data u l-finijiet tal-użu mill-ġdid u n-natura tad-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid. Dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, jiżguraw li n-natura protetta tad-data tiġi ppreservata. Huma jistgħu jipprevedu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jingħata aċċess għall-użu mill-ġdid ta’ data biss fejn il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti, wara talba għall-użu mill-ġdid, ikun żgura li d-data tkun ġiet:

(i)

anonimizzata, fil-każ ta’ data personali; u

(ii)

modifikata, aggregata jew ittrattata bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kontroll dwar divulgazzjoni, fil-każ ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inkluż sigrieti kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(b)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid b’mod remot f’ambjent ta’ pproċessar sigur li jkun ipprovdut jew ikkontrollat mill-korp tas-settur pubbliku;

(c)

li d-data jsir aċċess għaliha u tintuża mill-ġdid fil-bini fiżiku fejn jinsab l-ambjent ta’ pproċessar sigur f’konformità ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, sakemm l-aċċess mill-bogħod ma jkunx jista’ jiġi permess mingħajr ma jipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi.

4.   Fil-każ tal-użu mill-ġdid permess f’konformità mal-paragrafu 3, il-punti (b) u (c), il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jimponu kondizzjonijiet li jippreservaw l-integrità tal-funzjonament tas-sistemi tekniċi tal-ambjent tal-ipproċessar sigur użat. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jirriżerva d-dritt li jivverifika l-proċess, il-mezzi u kwalunkwe riżultat tal-ipproċessar tad-data mwettaq mill-utent mill-ġdid biex jippreserva l-integrità tal-protezzjoni tad-data, u jirriżerva d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ riżultati li jkun fihom informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi. Id-deċiżjoni li jiġi pprojbit l-użu mill-ġdid tar-riżultati għandha tkun komprensibbli u trasparenti għall-utent mill-ġdid.

5.   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix salvagwardji speċifiċi dwar l-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli relatati mal-użu mill-ġdid tad-data imsemmija fl-artikolu 3(1), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-użu tad-data pprovduta f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kondizzjonali fuq li l-utent mill-ġdid josserva obbligu ta’ kunfidenzjalità li jipprojbixxi d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tipperikola d-drittijiet u l-interessi ta’ partijiet terzi li l-utent mill-ġdid seta’ kiseb minkejja s-salvagwardji stabbiliti. L-utenti mill-ġdid għandhom ikunu pprojbiti milli jidentifikaw mill-ġdid kwalunkwe suġġett tad-data li miegħu tkun relatata d-data u għandhom jieħdu miżuri tekniċi u operazzjonali biex jipprevjenu l-identifikazzjoni mill-ġdid u jinnotifikaw kwalunkwe ksur ta’ data li jirriżulta fl-identifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġetti tad-data kkonċernati lill-korp tas-settur pubbliku. F’każ li jsir użu mill-ġdid mhux awtorizzat ta’ data mhux personali, l-utent mill-ġdid għandu mingħajr dewmien, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuni ġuridiċi li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

6.   Meta l-użu mill-ġdid tad-data ma jkunx jista’ jiġi awtorizzat f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u ma jkun hemm ebda bażi legali oħra għat-trażmissjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel l-aħjar sforzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, biex jipprovdi assistenza lill-utenti mill-ġdid potenzjali fit-tiftix tal-kunsens tas-suġġetti tad-data jew il-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid, fejn dan ikun fattibbli mingħajr piż sproporzjonat fuq il-korp tas-settur pubbliku. Meta jwettaq dak il-kompitu, il-korp tas-settur pubbliku jista’ jiġi assistit mill-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1).

7.   L-użu mill-ġdid tad-data għandu jkun permess biss f’konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-dritt ta’ min jagħmel bażi tad-data kif previst fl-artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE ma għandux ikun eżerċitat minn korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi impedut l-użu mill-ġdid tad-data jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti b’dan ir-Regolament.

8.   Meta d-data mitluba titqies li hija kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali jew tal-istatistika, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-data kunfidenzjali ma tiġix divulgata b’riżultat tal-permess ta’ tali użu mill-ġdid, sakemm tali użu mill-ġdid ma jkunx permess f’konformità mal-paragrafu 6.

9.   Meta utent mill-ġdid ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi data mhux personali protetta għar-raġunijiet stipulati fl-artikolu 3(1) lil pajjiż terz, huwa għandu jinforma lill-korp tas-settur pubbliku dwar l-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi tali data u l-għan ta’ tali trasferiment fil-mument tat-talba għall-użu mill-ġdid ta’ tali data. Fil-każ ta’ użu mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-utent mill-ġdid għandu, fejn xieraq bl-assistenza tal-korp tas-settur pubbliku, jinforma lill-persuna ġuridika li d-drittijiet u l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati b’dik l-intenzjoni, l-għan u s-salvagwardji xierqa. Il-korp tas-settur pubbliku ma għandux jippermetti l-użu mill-ġdid sakemm il-persuna ġuridika ma tagħtix permess għat-trasferiment.

10.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jittrażmettu data kunfidenzjali mhux personali jew data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil utent mill-ġdid li jkollu l-ħsieb li jittrasferixxi dik id-data lil pajjiż terz li mhux pajjiż deżinjat f’konformità mal-paragrafu 12 fil-każ biss li l-utent mill-ġdid jimpenja ruħu b’kuntratt li:

(a)

jikkonforma mal-obbligi imposti f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 anki wara li d-data tiġi trasferita lill-pajjiż terz; u

(b)

jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jew it-tribunali tal-Istat Membru tal-korp tas-settur pubbliku li jittrażmetti fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima relatata mal-konformità mal-paragrafi 7 u 8.

11.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom, fejn ikun rilevanti u sa fejn jaslu l-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu gwida u assistenza lill-utenti mill-ġdid biex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

Sabiex tassisti lill-korpi tas-settur pubbliku u l-utenti mill-ġdid, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali għall-konformità mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-artikolu 33(3).

12.   Fejn ikun ġustifikat minħabba l-għadd sostanzjali ta’ talbiet madwar l-Unjoni dwar l-użu mill-ġdid ta’ data mhux personali f’pajjiżi terzi speċifiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a)

jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tas-sigrieti kummerċjali b’mod li jkun essenzjalment ekwivalenti għall-protezzjoni żgurata skont il-liġi tal-Unjoni;

(b)

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv; u

(c)

jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-artikolu 33(3).

13.   Atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni jistgħu jqisu ċerti kategoriji ta’ data mhux personali miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku li huma sensittivi ħafna għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu meta t-trasferiment tagħhom lejn pajjiżi terzi jista’ jpoġġi l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni f’riskju, bħalma huma s-sikurezza u s-saħħa pubblika, jew jista’ jwassal għar-riskju ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data mhux personali u anonimizzata. Meta tali att jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 32 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali applikabbli għat-trasferimenti ta’ tali data lejn pajjiżi terzi.

Dawk il-kondizzjonijiet speċjali għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-kategoriji tad-data mhux personali identifikati fl-att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku u fuq il-bażi li dawk il-kategoriji jitqiesu sensittivi ħafna, b’kont meħud tar-riskji ta’ identifikazzjoni mill-ġdid ta’ data anonimizzata mhux personali. Huma għandhom ikunu mhux diskriminatorji u limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika pubblika tal-Unjoni identifikati f’dak l-att,, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Jekk meħtieġ minn atti leġislattivi speċifiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, tali kondizzjonijiet speċjali jistgħu jinkludu t-termini applikabbli għat-trasferiment jew l-arranġamenti tekniċi f’dan ir-rigward, limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta’ data f’pajjiżi terzi jew kategoriji ta’ persuni li huma intitolati li jittrasferixxu tali data lil pajjiżi terzi jew, f’każijiet eċċezzjonali, restrizzjonijiet fir-rigward ta’ trasferimenti lil pajjiżi terzi.

14.   Il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ingħata d-dritt li terġa’ tuża data mhux personali tista’ tittrasferixxi d-data biss lil dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 10, 12 u 13.

Artikolu 6

Tariffi

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data.

2.   Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 1 għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa tkun tista’ wkoll titħallas online permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont ta’ pagament fl-Unjoni.

4.   Fejn il-korpi tas-settur pubbliku japplikaw tariffi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprovdu inċentivi għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) għal finijiet mhux kummerċjali bħal finijiet ta’ riċerka xjentifika u minn SMEs u negozji ġodda f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dak ir-rigward, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu d-data disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas, b’mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda, għas-soċjetà ċivili u għall-istabbilimenti edukattivi. Għal dan il-għan, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jistabbilixxu lista ta’ kategoriji ta’ utenti mill-ġdid li d-data għall-użu mill-ġdid issir disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas. Dik il-lista, flimkien mal-kriterji użati biex tiġi stabbilita, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

5.   Kwalunkwe tariffa għandha tkun derivata mill-kostijiet relatati mat-tmexxija tal-proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1); ulimitata għall-kostijiet meħtieġa fir-rigward ta’:

(a)

ir-riproduzzjoni, il-forniment u d-disseminazzjoni tad-data;

(b)

l-approvazzjoni tad-drittijiet;

(c)

l-anonimizzazzjoni jew forom oħra ta’ tħejjija ta’ data personali u ta’ data kunfidenzjali kummerċjalment kif previst fl-artikolu 5(3);

(d)

iż-żamma tal-ambjent sigur tal-ipproċessar;

(e)

i-kisba tad-dritt li jiġi permess l-użu mill-ġdid f’konformità ma’ dan il-Kapitolu minn partijiet terzi barra mis-settur pubbliku; u

(f)

l-assistenza lill-utenti mill-ġdid biex ifittxu l-kunsens mis-suġġetti tad-data u l-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid.

6.   Il-kriterji u l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet u r-regoli użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet.

Artikolu 7

Korpi kompetenti

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jaħtar korp kompetenti wieħed jew aktar, li jistgħu jkunu kompetenti għal setturi partikolari, biex jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku li jagħtu jew jirrifjutaw l-aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1). L-Istati Membri jistgħu istabbilixxu korp kompetenti ġdid wieħed jew aktar jew jużaw korpi eżistenti tas-settur pubbliku jew servizzi interni ta’ korpi tas-settur pubbliku li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi kompetenti jistgħu jingħataw is-setgħa li jagħtu aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tipprovdi li tali aċċess jingħata,. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, l-Artikoli 4, 5, 6 u 9 għandhom japplikaw għal dawk il-korpi kompetenti.

3.   Il-korpi kompetenti għandu jkollhom riżorsi legali, finanzjarji, tekniċi u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inkluż l-għarfien tekniku meħtieġ biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-reġimi ta’ aċċess għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1).

4.   L-assistenza prevista fil-paragrafu 1 għandu jinkludi, fejn meħtieġ:

(a)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku billi jsir disponibbli ambjent ta’ pproċessar sikur għall-għoti ta’ aċċess għall-użu mill-ġdid tad-data;

(b)

l-għoti ta’ gwida u appoġġ tekniku dwar kif l-aħjar tiġi strutturata u maħżuna d-data biex dik id-data tkun aċċessibbli faċilment;

(c)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku għall-psewdonimizzazzjoni u l-iżgurar tal-ipproċessar tad-data b’mod li jiġu ppreżervati b’mod effettiv il-privatezza, il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fid-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid, inklużi tekniki għall-anonimizzazzjoni, il-ġeneralizzazzjoni, is-soppressjoni, u l-każwalizzazzjoni ta’ data personali jew metodi oħra tal-ogħla żvilupp tekniku għall-preservazzjoni tal-privatezza, u t-tħassir ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inklużi sigriet kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(d)

jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fejn rilevanti, biex jipprovdu appoġġ lill-utenti mill-ġdid meta jitolbu kunsens għall-użu mill-ġdid mis-suġġetti tad-data jew permess mid-detenturi tad-data f’konformità mad-deċiżjonijiet speċifiċi tagħhom, inkluż dwar il-ġuriżdizzjoni jew ġuriżdizzjonijiet li fihom ikun maħsub li ser isir l-ipproċessar tad-data u jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi tekniċi li jippermettu t-trażmissjoni ta’ talbiet għal kunsens jew permess minn utenti mill-ġdid, fejn dan ikun prattikament fattibbli;

(e)

l-għoti ta’ assistenza lill-korpi tas-settur pubbliku fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji kuntrattwali magħmula minn utent mill-ġdid, skont l-Artikolu 5(10).

5.   Kull Stati Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-korpi kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika ukoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe modifika sussegwenti tal-identità ta’ dawk il-korpi kompetenti.

Artikolu 8

Punti uniċi ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tkun disponibbli u faċilment aċċessibbli permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp ġdid jew jaħtru korp jew struttura eżistenti bħala l-punt uniku ta’ informazzjoni. Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jkun ikkollegat ma’ punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali. Il-funzjonijiet tal-punt uniku ta’ informazzjoni jistgħu jkunu awtomatizzati dment li il-korp tas-settur pubbliku jiżgura appoġġ adegwat.

2.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jkun kompetenti biex jirċievi mistoqsijiet jew talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) u għandu jittrażmettihom, meta jkun possibbli u xieraq b’mezzi awtomatizzati, lill-korpi kompetenti tas-settur pubbliku, jew lill-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1), fejn ikun rilevanti. Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jagħmel disponibbli b’mezzi elettroniċi lista ta’ assi li jistgħu jiġu mfittxija li jkun fiha ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi kollha disponibbli tad-data, inkluż, fejn ikun rilevanti, dawk ir-riżorsi tad-data li huma disponibbli f’punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali, bl-informazzjoni rilevanti li tiddeskrivi d-data disponibbli, inkluż mill-inqas il-format u d-daqs tad-data u l-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tagħhom.

3.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jistabbilixxi mezz ta’ informazzjoni separat, simplifikat u dokumentat sew għall-SMEs u għan-negozji ġodda, filwaqt li jindirizza l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom li jitolbu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1).

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt uniku ta’ aċċess Ewropew li joffri reġistru elettroniku tad-data li jista’ jsir tiftix fih u li jkun disponibbli fil-punti uniċi ta’ informazzjoni nazzjonali u aktar informazzjoni dwar kif tista’ tintalab id-data permezz ta’ dawk il-punti uniċi nazzjonali ta’ informazzjoni.

Artikolu 9

Proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid

1.   Sakemm ma jkunux ġew stabbiliti limiti ta’ żmien iqsar skont il-liġi nazzjonali il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1) għandhom jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-artikolu 3(1) fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tat-talba.

F’każ ta’ talbiet għal użu mill-ġdid eċċezzjonalment estensivi u kumplessi, dan il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 30 jum. F’każijiet bħal dawn il-korpi kompetenti tas-settur pubbliku jew il-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1) għandhom jinnotifikaw l-applikant malajr kemm jista’ jkun li huwa meħtieġ aktar żmien biex titmexxa l-proċedura, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.

2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika affettwata direttament minn deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollha dritt effettiv ta’ rimedju fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp rilevanti. It-tali dritt ta’ rimedju għandu jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali u għandu jinkludi l-possibbiltà ta’ rieżami minn korp imparzjali bl-għarfien espert xieraq, bħal pereżempju l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità rilevanti għall-aċċess għad-dokumenti, l-awtorità superviżorja stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti fuq il-korp tas-settur pubbliku jew il-korp kompetenti kkonċernat.

KAPITOLU III

Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Artikolu 11

Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

4.   Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.

6.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(b)

l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali;

(d)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f);

(e)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(f)

deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz;

(g)

id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika.

7.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

8.   Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.   Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-artikolu 33(2).

10.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..

11.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..

12.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.

13.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.

14.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-artikolu 10 għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma għandux juża d-data li għaliha jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għal skopijiet oħra ħlief li jpoġġiha għad-dispożizzjoni tal-utenti tad-data u għandu jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data permezz ta’ persuna ġuridika separata;

(b)

it-termini kummerċjali, inkluż l-ipprezzar, għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data lil detentur tad-data jew utent tad-data ma għandhomx ikunu dipendenti minn jekk id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużawx servizzi oħra pprovduti mill-istess fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew minn entità relatata, u jekk dan ikun il-każ safejn id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużaw tali servizzi oħra;

(c)

id-data miġbura fir-rigward ta’ kwalunkwe attività ta’ persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet tal-forniment ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, inklużi d-data, il-ħin u d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, id-durata tal-attività u l-konnessjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra stabbiliti mill-persuna li tuża s-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, għandha tintuża biss għall-iżvilupp ta’ dak is-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, li jista’ jinkludi l-użu ta’ data għas-sejba ta’ frodi jew għaċ-ċibersigurtà, u għandha ssir disponibbli għad-detenturi tad-data fuq talba;

(d)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiffaċilita l-iskambju tad-data fil-format li fih jirċievi d-data mingħand suġġett tad-data jew detentur tad-data għandu jikkonverti d-data f’formati speċifiċi biss biex itejjeb l-interoperabbiltà fis-setturi u bejniethom jew jekk mitlub mill-utent tad-data jew meta jkun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ma’ standards tad-data internazzjonali jew Ewropej u għandu joffri possibbiltà ta’ nonparteċipazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-konverżjonijiet lis-suġġetti tad-data jew lid-detenturi tad-data, sakemm il-konverżjoni ma tkunx obbligatorja skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu jinkludu l-offerta ta’ għodod u servizzi speċifiċi addizzjonali lid-detenturi tad-data jew lis-suġġetti tad-data għall-fini speċifika li jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data, bħal pereżempju l-ħżin temporanju, il-konservazzjoni, il-konverżjoni, l-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni; dawk l-għodod u servizzi għandhom jintużaw biss fuq it-talba jew l-approvazzjoni espliċita tad-detentur tad-data jew is-suġġett tad-data u l-għodod ta’ partijiet terzi offruti f’dak il-kuntest ma għandhomx jużaw id-data għal finijiet oħra;

(f)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura li l-proċedura għall-aċċess għas-servizz tiegħu tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja kemm għas-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data kif ukoll għall-utenti tad-data, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet u t-termini tas-servizz;

(g)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollu fis-seħħ proċeduri li jipprevjenu prattiki frodulenti jew abbużivi fir-rigward tal-partijiet li jkunu qed ifittxu aċċess permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu;

(h)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu, f’każ li jkun insolventi, jiżgura kontinwità raġonevoli tal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jiżguraw il-ħżin tad-data, huwa għandu jkollu mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu lid-detenturi tad-data u lill-utenti tad-data jiksbu aċċess għad-data tagħhom, jittrasferuha jew jirkuprawha u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma pprovduti bejn suġġetti tad-data u utenti tad-data, jippermetti lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

(i)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-interoperabbiltà ma’ servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni tad-data, inter alia, permezz ta’ standards miftuħa użati komunement fis-settur li fih jopera l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data;

(j)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jistabbilixxi miżuri tekniċi, legali u organizzattivi adegwati sabiex jipprevjeni t-trasferiment jew l-aċċess għal data mhux personali li tkun illegali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti;

(k)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinforma lid-detenturi tad-data mingħajr dewmien f’każ ta’ trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li jkun ikkondivida;

(l)

il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri biex jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data mhux personali, u l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni sensittiva b’rabta mal-kompetizzjoni;

(m)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li joffri servizzi lis-suġġetti tad-data għandu jaġixxi fl-aħjar interess tas-suġġetti tad-data meta jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari billi jinforma u, fejn xieraq, jagħti pariri lis-suġġetti tad-data b’mod konċiż, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli dwar l-użu maħsub tad-data mill-utenti tad-data u t-termini u l-kondizzjonijiet standard marbuta ma’ tali użi, qabel ma s-suġġetti tad-data jagħtu l-kunsens;

(n)

meta fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar ta’ data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, huwa għandu, fejn rilevanti, jispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta pajjiż terz li fiha ikun maħsub li ser isir l-użu tad-data u jipprovdi lis-suġġetti tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-kunsens u lid-detenturi tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-permessi għall-ipproċessar tad-data;

(o)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jżomm reġistru tal-attività tal-intermedjazzjoni tad-data.

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex twettaq il-kompiti relatati mal-proċedura ta’ notifika għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għall-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-artikolu 26.

3.   Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċibersigurtà u awtoritajiet settorjali rilevanti oħra. F’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dawk l-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni b’saħħitha u jiskambjaw l-informazzjoni kif ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, u għandhom jimmiraw sabiex tinkiseb konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Reġistri pubbliċi ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Kull awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għal finijiet ta’ informazzjoni. Sakemm entità rreġistrata fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 18, tista’ tuża t-tikketta “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni miktuba u mitkellma tagħha, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, disinn għal-logo komuni. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-logo komuni għandu jkun akkumpanjat minn kodiċi QR b’link għar-reġistru pubbliku tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-artikolu 33(2).

Artikolu 18

Rekwiżiti ġenerali għar-reġistrazzjoni

Sabiex tikkwalifika għar-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, entità għandha:

(a)

twettaq attivitajiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

tkun persuna ġuridika stabbilita skont il-liġi nazzjonali biex tilħaq objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn ikun applikabbli;

(c)

topera fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u tkun legalment indipendenti minn kwalunkwe entità li topera fuq bażi għal skop ta’ qligħ;

(d)

twettaq l-attivitajiet relatati mal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz ta’ struttura li hija funzjonalment separata mill-attivitajiet l-oħra tagħha;

(e)

tikkonforma mal-ġabra tar-regoli msemmija fl-artikolu 22(1), mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija f’dak il-paragrafu.

Artikolu 23

Awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għar-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

L-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-artikolu 26.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fl-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ta’ Stat Membru għandha twettaq il-kompiti tagħha f’kooperazzjoni mal-awtorità rilevanti għall-protezzjoni tad-data, fejn tali kompiti jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, u ma’ awtoritajiet settorjali rilevanti ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 25

Formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u jiżviluppaw formola Ewropea ta’ kunsens dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, b’kont meħud tal-parir tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data, u bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-formola għandha tippermetti l-ġbir tal-kunsens jew il-permess fl-Istati Membri kollha f’format uniformi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-artikolu 33(2).

2.   Il-formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tuża approċċ modulari li jippermetti l-adattament skont il-ħtiġijiet għal setturi speċifiċi u għal finijiet differenti.

3.   Meta tiġi pprovduta data personali, il-formola Ewropea tal-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens u jirtiraw il-kunsens tagħhom minn operazzjoni speċifika tal-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Il-formola għandha tkun disponibbli b’mod li tista’ tiġi stampata fuq karta u li tinftiehem faċilment kif ukoll f’forma elettronika li tinqara minn magna.

KAPITOLU V

Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 27

Dritt li jitressaq ilment

1.   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandu jkollhom id-dritt li jressqu ilment b’rabta ma’ kwalunkwe kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod individwali jew, fejn rilevanti, b’mod kollettiv, quddiem l-awtorità kompetenti rilevanti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data kontra fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew quddiem l-awtorità kompetenti rilevanti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ intermedjazzjoni tad-data kontra organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data li lilha jkun tressaq l-ilment għandha tinforma lil min ikun għamel l-ilment dwar:

(a)

il-progress tal-proċedimenti u dwar id-deċiżjoni meħuda; u

(b)

ir-rimedji ġudizzjarji previsti fl-artikolu 28.

Artikolu 28

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

1.   Minkejja kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika affettwata għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet legalment vinkolanti msemmija fl-artikolu 14 meħuda mill-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fil-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tar-reġim ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u deċiżjonijiet legalment vinkolanti msemmija fl-Artikoli 19 u 24 meħuda mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fil-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   Il-proċedimenti skont dan l-Artikolu għandhom jitressqu quddiem il-qrati jew tribunali tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data li kontriha jintalab ir-rimedju ġudizzjarju b’mod individwali jew, fejn rilevanti, kollettivament, mir-rappreżentanti ta’ persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar.

3.   Meta awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data tonqos milli taġixxi fuq ilment, kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika affettwata għandha, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew ikollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv inkella aċċess għal rieżami minn korp imparzjali bl-għarfien espert xieraq.

KAPITOLU VI

Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

Artikolu 30

Kompiti tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-korpi tas-settur pubbliku u l-korpi kompetenti msemmija fl-artikolu 7(1) fit-trattament ta’ talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-artikolu 3(1);

(b)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data madwar l-Unjoni;

(c)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prattika konsistenti tal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(d)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti dwar kif għandha tiġi protetta bl-aħjar mod, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, data kummerċjalment sensittiva ta’ natura mhux personali, b’mod partikolari sigrieti kummerċjali, iżda wkoll data mhux personali li tirrappreżenta kontenut protett permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minn aċċess illegali li jista’ jwassal għal serq ta’ proprjetà intellettwali jew spjunaġġ industrijali;

(e)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ linji gwida konsistenti għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-iskambju u l-ħżin tad-data;

(f)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, dwar il-prijoritizzazzjoni tal-istandards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data bejn spazji komuni Ewropej tad-data emerġenti, it-tqabbil transsettorjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, u b’mod partikolari biex jiġi ċċarat u speċifikat liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(g)

li jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jqis il-kontribut mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, fl-indirizzar tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ekonomija tad-data fis-suq intern billi jtejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera, transsettorjali tad-data kif ukoll tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data bejn setturi u dominji differenti, filwaqt li jibni fuq standards Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali eżistenti, fost oħrajn bil-għan li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(h)

li jipproponi linji gwida għal ‘‘spazji komuni Ewropej tad-data’’ jiġifieri oqfsa interoperabbli speċifiċi għall-iskop jew għas-settur jew transsettorjali ta’ standards u prattiki komuni biex tiġi kondiviża jew ipproċessata b’mod konġunt data, fost oħrajn, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, inizjattivi ta’ riċerka xjentifika jew tas-soċjetà ċivili; tali standards u prattiki komuni għandhom iqisu l-istandards eżistenti, jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni u jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-parteċipanti kollha, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data fl-Unjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ispazji tad-data eżistenti u futuri li jindirizzaw, fost oħrajn:

(i)

standards transsettorjali li għandhom jintużaw u jiġu żviluppati għall-użu tad-data u l-kondiviżjoni transsettorjali tad-data, it-tqabbil u l-iskambju transsettorjali tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti settorjali għas-sigurtà u l-proċeduri tal-aċċess, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari il-kjarifika u l-ispeċifikazzjoni ta’ liema standards u prattiki huma transsettorjali u liema huma settorjali;

(ii)

rekwiżiti biex jiġu indirizzati l-barrieri għad-dħul fis-suq u biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament tal-klijentela, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-interoperabbiltà;

(iii)

protezzjoni adegwata għat-trasferimenti legali tad-data lejn pajjiżi terzi, inkluż salvagwardji kontra kwalunkwe trasferiment ipprojbit mil-liġi tal-Unjoni;

(iv)

rappreżentanza adegwata u mhux diskriminatorja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-governanza ta’ spazji komuni Ewropej tad-data;

(v)

osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà f’konformità mal-liġi tal-Unjoni;

(i)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet armonizzati li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji tad-data msemmija fl-artikolu 3(1) miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku madwar is-suq intern;

(j)

li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari bl-istabbiliment ta’ metodi għall-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni relatata mal-proċedura ta’ notifika għal fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, inkluż il-koordinazzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ miżati jew pieni, kif ukoll jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tal-aċċess internazzjonali u t-trasferiment tad-data;

(k)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk għandhomx jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-artikolu 5(11) u (12);

(l)

li jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-formola Ewropea ta’ kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 25(1);

(m)

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju internazzjonali għad-data mhux personali inkluż l-istandardizzazzjoni.

Kapitolu VII

Aċċess u trasferiment internazzjonali

Artikolu 32

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet mogħtija f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-23 ta’ Ġunju 2022.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-artikolu 5(13) u l-Artikolu 22(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(13) jew l-Artikolu 22(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 37

Arranġamenti tranżizzjonali

Entitajiet li jipprovdu s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-artikolu 10 fit-23 ta’ Ġunju 2022 għandhom jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-Kapitolu III sal-24 ta’ Settembru 2025.


whereas









keyboard_arrow_down