search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'faċilment' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index faċilment:


whereas faċilment:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 822

 

Artikolu 7

Korpi kompetenti

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jaħtar korp kompetenti wieħed jew aktar, li jistgħu jkunu kompetenti għal setturi partikolari, biex jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku li jagħtu jew jirrifjutaw l-aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1). L-Istati Membri jistgħu istabbilixxu korp kompetenti ġdid wieħed jew aktar jew jużaw korpi eżistenti tas-settur pubbliku jew servizzi interni ta’ korpi tas-settur pubbliku li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi kompetenti jistgħu jingħataw is-setgħa li jagħtu aċċess għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali li tipprovdi li tali aċċess jingħata,. Fejn jagħtu jew jirrifjutaw aċċess għall-użu mill-ġdid, l-Artikoli 4, 5, 6 u 9 għandhom japplikaw għal dawk il-korpi kompetenti.

3.   Il-korpi kompetenti għandu jkollhom riżorsi legali, finanzjarji, tekniċi u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom, inkluż l-għarfien tekniku meħtieġ biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-reġimi ta’ aċċess għall-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1).

4.   L-assistenza prevista fil-paragrafu 1 għandu jinkludi, fejn meħtieġ:

(a)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku billi jsir disponibbli ambjent ta’ pproċessar sikur għall-għoti ta’ aċċess għall-użu mill-ġdid tad-data;

(b)

l-għoti ta’ gwida u appoġġ tekniku dwar kif l-aħjar tiġi strutturata u maħżuna d-data biex dik id-data tkun aċċessibbli faċilment;

(c)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku għall-psewdonimizzazzjoni u l-iżgurar tal-ipproċessar tad-data b’mod li jiġu ppreżervati b’mod effettiv il-privatezza, il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fid-data li għaliha huwa permess l-użu mill-ġdid, inklużi tekniki għall-anonimizzazzjoni, il-ġeneralizzazzjoni, is-soppressjoni, u l-każwalizzazzjoni ta’ data personali jew metodi oħra tal-ogħla żvilupp tekniku għall-preservazzjoni tal-privatezza, u t-tħassir ta’ informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali, inklużi sigriet kummerċjali jew kontenut protett bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(d)

jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fejn rilevanti, biex jipprovdu appoġġ lill-utenti mill-ġdid meta jitolbu kunsens għall-użu mill-ġdid mis-suġġetti tad-data jew permess mid-detenturi tad-data f’konformità mad-deċiżjonijiet speċifiċi tagħhom, inkluż dwar il-ġuriżdizzjoni jew ġuriżdizzjonijiet li fihom ikun maħsub li ser isir l-ipproċessar tad-data u jassistu lill-korpi tas-settur pubbliku fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi tekniċi li jippermettu t-trażmissjoni ta’ talbiet għal kunsens jew permess minn utenti mill-ġdid, fejn dan ikun prattikament fattibbli;

(e)

l-għoti ta’ assistenza lill-korpi tas-settur pubbliku fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji kuntrattwali magħmula minn utent mill-ġdid, skont l-Artikolu 5(10).

5.   Kull Stati Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-korpi kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 sal-24 ta’ Settembru 2023. Kull Stat Membru għandu jinnotifika ukoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe modifika sussegwenti tal-identità ta’ dawk il-korpi kompetenti.

Artikolu 8

Punti uniċi ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tkun disponibbli u faċilment aċċessibbli permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp ġdid jew jaħtru korp jew struttura eżistenti bħala l-punt uniku ta’ informazzjoni. Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jkun ikkollegat ma’ punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali. Il-funzjonijiet tal-punt uniku ta’ informazzjoni jistgħu jkunu awtomatizzati dment li il-korp tas-settur pubbliku jiżgura appoġġ adegwat.

2.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jkun kompetenti biex jirċievi mistoqsijiet jew talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) u għandu jittrażmettihom, meta jkun possibbli u xieraq b’mezzi awtomatizzati, lill-korpi kompetenti tas-settur pubbliku, jew lill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1), fejn ikun rilevanti. Il-punt uniku ta’ informazzjoni għandu jagħmel disponibbli b’mezzi elettroniċi lista ta’ assi li jistgħu jiġu mfittxija li jkun fiha ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi kollha disponibbli tad-data, inkluż, fejn ikun rilevanti, dawk ir-riżorsi tad-data li huma disponibbli f’punti ta’ informazzjoni settorjali, reġjonali jew lokali, bl-informazzjoni rilevanti li tiddeskrivi d-data disponibbli, inkluż mill-inqas il-format u d-daqs tad-data u l-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tagħhom.

3.   Il-punt uniku ta’ informazzjoni jista’ jistabbilixxi mezz ta’ informazzjoni separat, simplifikat u dokumentat sew għall-SMEs u għan-negozji ġodda, filwaqt li jindirizza l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom li jitolbu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1).

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt uniku ta’ aċċess Ewropew li joffri reġistru elettroniku tad-data li jista’ jsir tiftix fih u li jkun disponibbli fil-punti uniċi ta’ informazzjoni nazzjonali u aktar informazzjoni dwar kif tista’ tintalab id-data permezz ta’ dawk il-punti uniċi nazzjonali ta’ informazzjoni.

Artikolu 11

Notifika minn fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

1.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li għandu l-ħsieb li jipprovdi s-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jissottometti notifika lill-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data bi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn għandu l-istabbiliment ewlieni tiegħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li tirregola l-azzjonijiet transfruntiera għad-danni u proċedimenti relatati.

3.   Fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li mhuwiex stabbilit fl-Unjoni, iżda li joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 fi ħdan l-Unjoni, għandu jiddeżinja rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu offruti dawk is-servizzi.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata l-mandat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex jiġi indirizzat ukoll jew minfloku mill-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data pprovduti. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-fornitur għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jitqies li huwa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ikun jinsab ir-rappreżentant legali. Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjonijiet legali li tista’ titnieda kontra l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data.

4.   Wara li jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ jibda l-attività soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu.

5.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħti d-dritt lill-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Istati Membri kollha.

6.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(b)

l-istatus legali, il-forma, l-istruttura tas-sjieda, is-sussidjarji rilevanti u, fejn il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew reġistru pubbliku nazzjonali simili ieħor, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, ta’ kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dik tar-rappreżentant legali;

(d)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), u (f);

(e)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data;

(f)

deskrizzjoni tas-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data biħsiebu jipprovdi, u indikazzjoni tal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 10 li taħthom jaqa’ tali servizz;

(g)

id-data stmata għall-bidu tal-attività, jekk differenti mid-data tan-notifika.

7.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tiżgura li l-proċedura ta’ notifika ma tkunx diskriminatorja u ma tfixkilx il-kompetizzjoni.

8.   Fuq talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha, fi żmien ġimgħa min-notifika mimlija kif dovut u kompletament, toħroġ dikjarazzjoni standardizzata, li tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jkun issottometta n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u li n-notifika fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.   Fuq it-talba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tikkonferma li l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jikkonforma ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 12. Malli jirċievi tali konferma, dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jista’ juża t-tikketta “fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxut fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm tiegħu, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni jkunu identifikabbli faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi disinn għal-logo komuni. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rikonoxxuti fl-Unjoni għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom ta’ intermedjazzjoni tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

10.   L-awtorità kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’kull notifika ġdida permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku tal-fornituri kollha tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g)u (f)għandha tiġi ppublikata fir-reġistru pubbliku..

11.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffi għan-notifika, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dawn it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u oġġettivi u jkunu bbażati fuq il-kostijiet amministrattivi relatati mal-monitoraġġ tal-konformità u attivitajiet oħra ta’ kontroll tas-suq tal-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki lil fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data. Fl-każ ta’ SME’s u negozji ġodda,, l-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tista’ titlob tariffa skontata jew teżenthom mit-tariffa..

12.   Il-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 6 fi żmien 14-il jum mill-jum li fih isseħħ il-bidla.

13.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data determinata skont il-paragrafi 1, 2 u 3 fi żmien 15-il jum.

14.   L-awtorità kompetenti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull notifika msemmija fil-paragrafi 12 u 13, permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taġġorna r-reġistru pubbliku tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data fl-Unjoni kif xieraq.

Artikolu 12

Kondizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

Il-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data ma għandux juża d-data li għaliha jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għal skopijiet oħra ħlief li jpoġġiha għad-dispożizzjoni tal-utenti tad-data u għandu jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data permezz ta’ persuna ġuridika separata;

(b)

it-termini kummerċjali, inkluż l-ipprezzar, għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data lil detentur tad-data jew utent tad-data ma għandhomx ikunu dipendenti minn jekk id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużawx servizzi oħra pprovduti mill-istess fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew minn entità relatata, u jekk dan ikun il-każ safejn id-detentur tad-data jew l-utent tad-data jużaw tali servizzi oħra;

(c)

id-data miġbura fir-rigward ta’ kwalunkwe attività ta’ persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet tal-forniment ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, inklużi d-data, il-ħin u d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, id-durata tal-attività u l-konnessjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra stabbiliti mill-persuna li tuża s-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, għandha tintuża biss għall-iżvilupp ta’ dak is-servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data, li jista’ jinkludi l-użu ta’ data għas-sejba ta’ frodi jew għaċ-ċibersigurtà, u għandha ssir disponibbli għad-detenturi tad-data fuq talba;

(d)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiffaċilita l-iskambju tad-data fil-format li fih jirċievi d-data mingħand suġġett tad-data jew detentur tad-data għandu jikkonverti d-data f’formati speċifiċi biss biex itejjeb l-interoperabbiltà fis-setturi u bejniethom jew jekk mitlub mill-utent tad-data jew meta jkun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ma’ standards tad-data internazzjonali jew Ewropej u għandu joffri possibbiltà ta’ nonparteċipazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-konverżjonijiet lis-suġġetti tad-data jew lid-detenturi tad-data, sakemm il-konverżjoni ma tkunx obbligatorja skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jistgħu jinkludu l-offerta ta’ għodod u servizzi speċifiċi addizzjonali lid-detenturi tad-data jew lis-suġġetti tad-data għall-fini speċifika li jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data, bħal pereżempju l-ħżin temporanju, il-konservazzjoni, il-konverżjoni, l-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni; dawk l-għodod u servizzi għandhom jintużaw biss fuq it-talba jew l-approvazzjoni espliċita tad-detentur tad-data jew is-suġġett tad-data u l-għodod ta’ partijiet terzi offruti f’dak il-kuntest ma għandhomx jużaw id-data għal finijiet oħra;

(f)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura li l-proċedura għall-aċċess għas-servizz tiegħu tkun ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja kemm għas-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data kif ukoll għall-utenti tad-data, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet u t-termini tas-servizz;

(g)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jkollu fis-seħħ proċeduri li jipprevjenu prattiki frodulenti jew abbużivi fir-rigward tal-partijiet li jkunu qed ifittxu aċċess permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu;

(h)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu, f’każ li jkun insolventi, jiżgura kontinwità raġonevoli tal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data tiegħu u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jiżguraw il-ħżin tad-data, huwa għandu jkollu mekkaniżmi fis-seħħ li jippermettu lid-detenturi tad-data u lill-utenti tad-data jiksbu aċċess għad-data tagħhom, jittrasferuha jew jirkuprawha u, fejn tali servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data huma pprovduti bejn suġġetti tad-data u utenti tad-data, jippermetti lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom;

(i)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-interoperabbiltà ma’ servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni tad-data, inter alia, permezz ta’ standards miftuħa użati komunement fis-settur li fih jopera l-fornituri tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data;

(j)

il-fornitur ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jistabbilixxi miżuri tekniċi, legali u organizzattivi adegwati sabiex jipprevjeni t-trasferiment jew l-aċċess għal data mhux personali li tkun illegali skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti;

(k)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jinforma lid-detenturi tad-data mingħajr dewmien f’każ ta’ trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li jkun ikkondivida;

(l)

il-fornitur tas-servizzi tal-intermedjazzjoni tad-data għandu jieħu miżuri biex jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin, l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data mhux personali, u l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-ħżin u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni sensittiva b’rabta mal-kompetizzjoni;

(m)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data li joffri servizzi lis-suġġetti tad-data għandu jaġixxi fl-aħjar interess tas-suġġetti tad-data meta jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari billi jinforma u, fejn xieraq, jagħti pariri lis-suġġetti tad-data b’mod konċiż, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli dwar l-użu maħsub tad-data mill-utenti tad-data u t-termini u l-kondizzjonijiet standard marbuta ma’ tali użi, qabel ma s-suġġetti tad-data jagħtu l-kunsens;

(n)

meta fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar ta’ data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, huwa għandu, fejn rilevanti, jispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta pajjiż terz li fiha ikun maħsub li ser isir l-użu tad-data u jipprovdi lis-suġġetti tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-kunsens u lid-detenturi tad-data bl-għodod biex jagħtu kif ukoll jirtiraw il-permessi għall-ipproċessar tad-data;

(o)

il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data għandu jżomm reġistru tal-attività tal-intermedjazzjoni tad-data.

Artikolu 17

Reġistri pubbliċi ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Kull awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha żżomm u taġġorna regolarment reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għal finijiet ta’ informazzjoni. Sakemm entità rreġistrata fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’konformità mal-Artikolu 18, tista’ tuża t-tikketta “organizzazzjoni tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rikonoxxuta fl-Unjoni” fil-komunikazzjoni miktuba u mitkellma tagħha, kif ukoll logo komuni.

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, disinn għal-logo komuni. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandhom juru l-logo komuni b’mod ċar fuq kull pubblikazzjoni online u offline li tkun relatata mal-attivitajiet tagħhom tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data. Il-logo komuni għandu jkun akkumpanjat minn kodiċi QR b’link għar-reġistru pubbliku tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

Artikolu 21

Rekwiżiti speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġetti tad-data u tad-detenturi tad-data fir-rigward tad-data tagħhom

1.   Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma lis-suġġetti tad-data u lid-detenturi tad-data qabel kwalunkwe pproċessar tad-data tagħhom b’mod ċar u faċli li jinftiehem dwar:

(a)

l-objettivi ta’ interess ġenerali u, jekk applikabbli, l-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu li għalih għandha tiġi pproċessata d-data personali, u li għalihom hija tippermetti l-ipproċessar tad-data tagħha minn utent tad-data;

(b)

il-post u l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tippermetti kwalunkwe pproċessar imwettaq f’pajjiż terz, fejn l-ipproċessar jitwettaq mill-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża d-data għal objettivi oħra għajr dawk ta’ interess ġenerali li għalihom is-suġġett tad-data jew id-detentur tad-data jippermetti l-ipproċessar. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża prattiki kummerċjali qarrieqa għas-solleċitazzjoni tal-forniment ta’ data.

3.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi għodod biex jinkiseb il-kunsens mis-suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar tad-data magħmula disponibbli mid-detenturi tad-data. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi wkoll għodod sabiex tali kunsens jew permess jiġi rtirat faċilment.

4.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tieħu miżuri biex tiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar ta’ data mhux personali li tkun ġabret abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

5.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma mingħajr dewmien lid-detenturi tad-data f’każ ta’ kwalunkwe trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li tkun ikkondividiet.

6.   Meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tiffaċilita l-ipproċessar tad-data minn partijiet terzi, inkluż billi tipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi biex tiġi pproċessata data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, hija għandha, fejn ikun rilevanti, tispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li fiha jkun maħsub li jsir l-użu tad-data.

Artikolu 25

Formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ data abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u jiżviluppaw formola Ewropea ta’ kunsens dwar l-altruwiżmu fir-rigward tad-data, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, b’kont meħud tal-parir tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data, u bl-involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-formola għandha tippermetti l-ġbir tal-kunsens jew il-permess fl-Istati Membri kollha f’format uniformi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 33(2).

2.   Il-formola Ewropea għall-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tuża approċċ modulari li jippermetti l-adattament skont il-ħtiġijiet għal setturi speċifiċi u għal finijiet differenti.

3.   Meta tiġi pprovduta data personali, il-formola Ewropea tal-kunsens għall-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jagħtu l-kunsens u jirtiraw il-kunsens tagħhom minn operazzjoni speċifika tal-ipproċessar tad-data f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Il-formola għandha tkun disponibbli b’mod li tista’ tiġi stampata fuq karta u li tinftiehem faċilment kif ukoll f’forma elettronika li tinqara minn magna.

KAPITOLU V

Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali


whereas









keyboard_arrow_down