search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: 'ħlas' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index ħlas:

    KAPITOLU I
    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    KAPITOLU II
    L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku
  • 1 Artikolu 2 Definizzjonijiet
  • 4 Artikolu 6 Tariffi

  • KAPITOLU III
    Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

    KAPITOLU IV
    Altruwiżmu fir-rigward tad-data

    KAPITOLU V
    Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

    KAPITOLU VI
    Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

    Kapitolu VII
    Aċċess u trasferiment internazzjonali

    KAPITOLU VIII
    Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat

    KAPITOLU IX
    Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI


whereas ħlas:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 559

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ tali atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(2)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ data miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-iskop inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih tkun ġiet prodotta d-data; ħlief għall-iskambju ta’ data bejn korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(3)

“data personali” tfisser data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(4)

“data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;

(5)

“kunsens” tfisser kunsens kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(6)

“permess” tfisser li l-utenti tad-data jingħataw id-dritt għall-ipproċessar ta’ data mhux personali;

(7)

“suġġett tad-data” tfisser suġġett tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679;

(8)

“detentur tad-data” tfisser persuna ġuridika, inklużi korpi tas-settur pubbliku u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew persuna fiżika li mhijiex suġġett tad-data fir-rigward tad-data speċifika inkwistjoni, li, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, għandha d-dritt li tagħti aċċess għal jew tikkondividi ċerta data personali jew data mhux personali;

(9)

“utent tad-data” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha aċċess legali għal ċerta data personali jew mhux personali u jkollha d-dritt, inkluż fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ ta’ data personali, li tuża dik id-data għal skopijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali;

(10)

“kondiviżjoni tad-data” tfisser il-forniment ta’ data minn suġġett jew detentur tad-data lil utent tad-data għall-iskop ta’ użu konġunt jew individwali ta’ tali data, abbażi ta’ ftehimiet volontarji jew tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, pereżempju skont liċenzji miftuħa jew kummerċjali soġġetti għal tariffa jew mingħajr ħlas;

(11)

“servizz ta’ intermedjazzjoni tad-data” tfisser servizz, li għandu l-għan li jistabbilixxi relazzjonijiet kummerċjali għall-finijiet ta’ kondiviżjoni tad-data bejn għadd mhux determinat ta’ suġġetti tad-data u detenturi tad-data minn naħa, u utenti tad-data min-naħa l-oħra, permezz ta’ mezzi tekniċi, legali jew oħrajn, inkluż għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ data personali, bl-eżklużjoni ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

servizzi li jiksbu data mid-detenturi tad-data u jaggregaw, jarrikkixxu jew jittrasformaw id-data għall-iskop li jżidu valur sostanzjali magħha u jilliċenzjaw l-użu tad-data li tirriżulta lill-utenti tad-data, mingħajr ma jistabbilixxu relazzjoni kummerċjali bejn id-detenturi tad-data u l-utenti tad-data;

(b)

servizzi li jagħmlu enfasi fuq l-intermedjazzjoni ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur;

(c)

servizzi li huma esklużivament użati minn detentur tad-data wieħed sabiex jippermettu l-użu tad-data miżmuma minn dak id-detentur tad-data, jew li jintużaw minn diversi persuni ġuridiċi fi grupp magħluq, inkluż relazzjonijiet bejn fornituri jew klijenti jew kollaborazzjonijiet stabbiliti b’kuntratt, b’mod partikolari dawk li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw il-funzjonalitajiet tal-oġġetti u l-apparat imqabbad mal-Internet tal-Oġġetti;

(d)

servizzi ta’ kondiviżjoni tad-data offruti minn korpi tas-settur pubbliku s li ma jkollhomx l-għan li jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali;

(12)

“ipproċessar” tfisser ipproċessar kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tad-data personali jew l-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2018/1807 fir-rigward tad-data mhux personali;

(13)

“aċċess” tfisser użu tad-data, f’konformità ma’ rekwiżiti tekniċi, legali jew organizzattivi speċifiċi, mingħajr ma neċessarjament jimplika t-trażmissjoni jew it-tniżżil ta’ data;

(14)

“stabbiliment ewlieni” ta’ persuna ġuridika tfisser il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha fl-Unjoni;

(15)

“servizzi ta’ kooperattivi tad-data” tfisser servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data offruti minn struttura organizzattiva kostitwita minn suġġetti tad-data, impriżi b’persuna waħda jew SMEs li jkunu membri ta’ dik l-istruttura, li jkollha bħala l-objettivi ewlenin tagħha li tappoġġa lill-membri tagħha fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ ċerta data, inkluż fir-rigward tad-dritt li jagħmlu għażliet infurmati qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data u li jkollhom skambju ta’ fehmiet dwar finijiet u kondizzjonijiet tal-ipproċessar tad-data li jirrappreżentaw bl-aħjar mod l-interessi tal-membri tagħha b’rabta mad-data tagħhom, u li tinnegozja t-termini u l-kondizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data f’isem il-membri tagħha qabel ma jagħtu l-permess għall-ipproċessar tad-data mhux personali jew qabel ma jagħtu l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali;

(16)

“altruwiżmu fir-rigward tad-data” tfisser il-kondiviżjoni volontarja tad-data abbażi tal-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data għall-ipproċessar tad-data personali li tappartjeni għalihom, jew permessi ta’ detenturi tad-data biex jippermettu l-użu tad-data mhux personali tagħhom mingħajr ma jfittxu jew jirċievu premju li jmur lil hinn minn kumpens relatat mal-ispejjeż li jġarrbu meta jagħmlu d-data tagħhom disponibbli għal objettivi ta’ interess ġenerali kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn applikabbli, bħall-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-titjib tal-mobbiltà, l-iffaċilitar tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika uffiċjali, it-titjib tal-forniment tas-servizzi pubbliċi, it-tfassil tal-politika pubblika jew finijiet ta’ riċerka xjentifika fl-interess ġenerali;

(17)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

(18)

“korpi regolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu stabbiliti għall-iskop speċifiku li jissodisfaw il-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, u ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

ikollhom personalità ġuridika;

(c)

ikunu ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħrajn regolati mil-liġi pubblika; ikunu soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika;

(19)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti direttament jew indirettament permezz tas-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha; għall-iskop ta’ din id-definizzjoni, influwenza dominanti min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku għandha tkun preżunta fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża;

(20)

“ambjent tal-ipproċessar sigur” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-mezzi organizzattivi biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-aċċessibbiltà kummerċjali u tal-istatistika, kif ukoll mal-liġi applikabbli nazzjonali, u li jippermettu lill-entità li tipprovdi l-ambjent tal-ipproċessar sigur tiddetermina u tissorvelja l-azzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data, inkluż il-wiri, il-ħżin, it-tniżżil, u l-esportazzjoni ta’ data u l-kalkolu ta’ data derivattiva permezz ta’ algoritmi komputazzjonali;

(21)

“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni maħtura b’mod espliċitu biex taġixxi f’isem fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità li tiġbor id-data għal objettivi ta’ interess ġenerali magħmula disponibbli minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data mhux stabbilita fl-Unjoni, li tista’ tiġi indirizzata mill-awtoritajiet kompetenti għal servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data u l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ altruwiżmu fir-rigward tad-data minbarra jew minflok il-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data jew entità fir-rigward tal-obbligi skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tat-tnedija ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra fornitur jew entità ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ data li ma jkunx konformi mhux stabbiliti fl-Unjoni.

KAPITOLU II

L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

Artikolu 6

Tariffi

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) jistgħu jitolbu tariffi talli jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ din id-data.

2.   Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 1 għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja, proporzjonata u oġġettivament ġustifikata u ma għandhiex tillimita l-kompetizzjoni.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa tkun tista’ wkoll titħallas online permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont ta’ pagament fl-Unjoni.

4.   Fejn il-korpi tas-settur pubbliku japplikaw tariffi, huma għandhom jieħdu miżuri biex jipprovdu inċentivi għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1) għal finijiet mhux kummerċjali bħal finijiet ta’ riċerka xjentifika u minn SMEs u negozji ġodda f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dak ir-rigward, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu wkoll jagħmlu d-data disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas, b’mod partikolari għall-SMEs u għan-negozji ġodda, għas-soċjetà ċivili u għall-istabbilimenti edukattivi. Għal dan il-għan, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jistabbilixxu lista ta’ kategoriji ta’ utenti mill-ġdid li d-data għall-użu mill-ġdid issir disponibbli bi ħlas skontat jew mingħajr ħlas. Dik il-lista, flimkien mal-kriterji użati biex tiġi stabbilita, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

5.   Kwalunkwe tariffa għandha tkun derivata mill-kostijiet relatati mat-tmexxija tal-proċedura għal talbiet għall-użu mill-ġdid tal-kategoriji ta’ data msemmija fl-Artikolu 3(1); ulimitata għall-kostijiet meħtieġa fir-rigward ta’:

(a)

ir-riproduzzjoni, il-forniment u d-disseminazzjoni tad-data;

(b)

l-approvazzjoni tad-drittijiet;

(c)

l-anonimizzazzjoni jew forom oħra ta’ tħejjija ta’ data personali u ta’ data kunfidenzjali kummerċjalment kif previst fl-Artikolu 5(3);

(d)

iż-żamma tal-ambjent sigur tal-ipproċessar;

(e)

i-kisba tad-dritt li jiġi permess l-użu mill-ġdid f’konformità ma’ dan il-Kapitolu minn partijiet terzi barra mis-settur pubbliku; u

(f)

l-assistenza lill-utenti mill-ġdid biex ifittxu l-kunsens mis-suġġetti tad-data u l-permess mid-detenturi tad-data li d-drittijiet u l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn tali użu mill-ġdid.

6.   Il-kriterji u l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati. Il-korp tas-settur pubbliku għandu jippubblika deskrizzjoni tal-kategoriji ewlenin tal-kostijiet u r-regoli użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet.


whereas









keyboard_arrow_down