search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT Art. 19 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 208

 

Artikolu 19

Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

2.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 u għandha stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn għandha l-istabbiliment ewlieni.

3.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iżda li mhix stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn dawk is-servizzi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data huma offruti.

Għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata mandat mill-entità biex jiġi indirizzat flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dik l-entità. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali. Tali entità tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’dak l-Istat Membru. Il-ħatra ta’ rappreżentant legali mill-entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali li tista’ tinbeda kontra l-entità.

4.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-entità;

(b)

l-istatus legali, il-forma u, fejn l-entità tkun irreġistrata f’reġistru pubbliku nazzjonali, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-istatuti tal-entità, fejn ikun xieraq;

(d)

is-sorsi ta’ dħul tal-entità;

(e)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dak tar-rappreżentant legali;

(f)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni kompleta u aġġornata dwar l-entità u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (h);

(g)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità;

(h)

l-objettivi ta’ interess ġenerali li għandha l-ħsieb li tippromwovi meta tiġbor id-data;

(i)

in-natura tad-data li l-entità beħsiebha tikkontrolla jew tipproċessa, u, fil-każ ta’ data personali, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali;

(j)

kwalunkwe dokument ieħor li juri li r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 huma ssodisfati.

5.   Meta l-entità tkun ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafu 4 u wara li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tkun evalwat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tkun sabet li l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18, hija għandha tirreġistra l-entità fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi żmien 12-il ġimgħa wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dik ir-reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b), (f), (g), u (h) għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru pubbliku nazzjonali rilevanti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

7.   Organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 4 fi żmien 14-il jum mid-data tal-bidla.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi dwar kull notifika bħal din mingħajr dewmien. Abbażi ta’ tali notifika, il-Kummissjoni għandha taġġorna mingħajr dewmien ir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.


whereas









keyboard_arrow_down