search


keyboard_tab Digital Governance Act 2022/0868 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/0868 MT cercato: '   organizzazzjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index    organizzazzjoni:

    KAPITOLU I
    Dispożizzjonijiet Ġenerali

    KAPITOLU II
    L-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku

    KAPITOLU III
    Rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data

    KAPITOLU IV
    Altruwiżmu fir-rigward tad-data

    KAPITOLU V
    Awtoritajiet kompetenti u dispożizzjonijiet proċedurali

    KAPITOLU VI
    Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data

    Kapitolu VII
    Aċċess u trasferiment internazzjonali

    KAPITOLU VIII
    Proċedura ta’ delega u ta’ kumitat

    KAPITOLU IX
    Dispożizzjonijiet finali U TRANżIZZJONALI


whereas    organizzazzjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 360

 

Artikolu 19

Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data

1.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

2.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 u għandha stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed, tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fl-Istat Membru fejn għandha l-istabbiliment ewlieni.

3.   Entità li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 iżda li mhix stabbilita fl-Unjoni, għandha taħtar rappreżentant legali f’wieħed mill-Istati Membri fejn dawk is-servizzi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data huma offruti.

Għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rappreżentant legali għandu jingħata mandat mill-entità biex jiġi indirizzat flimkien magħha jew minflokha mill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data jew is-suġġetti tad-data u d-detenturi tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dik l-entità. Ir-rappreżentant legali għandu jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data u jurihom b’mod komprensiv, fuq talba, l-azzjonijiet meħuda u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-entità biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-entità għandha titqies li hija taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab ir-rappreżentant legali. Tali entità tista’ tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data f’dak l-Istat Membru. Il-ħatra ta’ rappreżentant legali mill-entità għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali li tista’ tinbeda kontra l-entità.

4.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-entità;

(b)

l-istatus legali, il-forma u, fejn l-entità tkun irreġistrata f’reġistru pubbliku nazzjonali, in-numru ta’ reġistrazzjoni;

(c)

l-istatuti tal-entità, fejn ikun xieraq;

(d)

is-sorsi ta’ dħul tal-entità;

(e)

l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità fl-Unjoni, jekk ikun hemm, u, fejn applikabbli, kwalunkwe fergħa sekondarja fi Stat Membru ieħor jew dak tar-rappreżentant legali;

(f)

sit web pubbliku fejn tista’ tinstab informazzjoni kompleta u aġġornata dwar l-entità u l-attivitajiet, inkluż mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e) u (h);

(g)

il-persuni ta’ kuntatt u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità;

(h)

l-objettivi ta’ interess ġenerali li għandha l-ħsieb li tippromwovi meta tiġbor id-data;

(i)

in-natura tad-data li l-entità beħsiebha tikkontrolla jew tipproċessa, u, fil-każ ta’ data personali, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali;

(j)

kwalunkwe dokument ieħor li juri li r-rekwiżiti tal-Artikolu 18 huma ssodisfati.

5.   Meta l-entità tkun ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafu 4 u wara li l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tkun evalwat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tkun sabet li l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18, hija għandha tirreġistra l-entità fir-reġistru pubbliku nazzjonali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data fi żmien 12-il ġimgħa wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dik ir-reġistrazzjoni fir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b), (f), (g), u (h) għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru pubbliku nazzjonali rilevanti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

7.   organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 4 fi żmien 14-il jum mid-data tal-bidla.

L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi dwar kull notifika bħal din mingħajr dewmien. Abbażi ta’ tali notifika, il-Kummissjoni għandha taġġorna mingħajr dewmien ir-reġistru pubbliku tal-Unjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

Artikolu 20

Rekwiżiti ta’ trasparenza

1.   organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha żżomm rekords sħaħ u preċiżi dwar:

(a)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li ngħataw il-possibbiltà li jipproċessaw id-data miżmuma minn dik l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;

(b)

id-data jew it-tul ta’ żmien tal-ipproċessar ta’ data personali jew l-użu ta’ data mhux personali;

(c)

l-iskop tal-ipproċessar kif iddikjarat mill-persuna fiżika jew ġuridika li ngħatat il-possibbiltà ta’ pproċessar;

(d)

it-tariffi mħallsa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipproċessaw id-data, jekk ikun hemm.

2.   organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tfassal u tittrażmetti lill-awtorità rilevanti kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data rapport annwali tal-attivitajiet li għandu jkun fih mill-inqas dan li ġej:

(a)

informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data;

(b)

deskrizzjoni tal-mod li bih l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom inġabret id-data ġew promossi matul is-sena finanzjarja partikolari;

(c)

lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li tħallew jipproċessaw id-data li għandha, inkluż deskrizzjoni fil-qosor tal-objettivi ta’ interess ġenerali ta’ tali pproċessar tad-data u d-deskrizzjoni tal-mezzi tekniċi użati għalih, inkluż deskrizzjoni tat-tekniki użati għall-preservazzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

(d)

sommarju tar-riżultati tal-ipproċessar tad-data permess mill-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, fejn ikun applikabbli;

(e)

informazzjoni dwar is-sorsi ta’ dħul tal-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data, b’mod partikolari d-dħul kollu mill-permess tal-aċċess għad-data, u dwar l-infiq.

Artikolu 21

Rekwiżiti speċifiċi għas-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġetti tad-data u tad-detenturi tad-data fir-rigward tad-data tagħhom

1.   organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma lis-suġġetti tad-data u lid-detenturi tad-data qabel kwalunkwe pproċessar tad-data tagħhom b’mod ċar u faċli li jinftiehem dwar:

(a)

l-objettivi ta’ interess ġenerali u, jekk applikabbli, l-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu li għalih għandha tiġi pproċessata d-data personali, u li għalihom hija tippermetti l-ipproċessar tad-data tagħha minn utent tad-data;

(b)

il-post u l-objettivi ta’ interess ġenerali li għalihom tippermetti kwalunkwe pproċessar imwettaq f’pajjiż terz, fejn l-ipproċessar jitwettaq mill-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

2.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża d-data għal objettivi oħra għajr dawk ta’ interess ġenerali li għalihom is-suġġett tad-data jew id-detentur tad-data jippermetti l-ipproċessar. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data ma għandhiex tuża prattiki kummerċjali qarrieqa għas-solleċitazzjoni tal-forniment ta’ data.

3.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi għodod biex jinkiseb il-kunsens mis-suġġetti tad-data jew permessi għall-ipproċessar tad-data magħmula disponibbli mid-detenturi tad-data. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tipprovdi wkoll għodod sabiex tali kunsens jew permess jiġi rtirat faċilment.

4.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tieħu miżuri biex tiżgura livell xieraq ta’ sigurtà għall-ħżin u l-ipproċessar ta’ data mhux personali li tkun ġabret abbażi tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data.

5.   L-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data għandha tinforma mingħajr dewmien lid-detenturi tad-data f’każ ta’ kwalunkwe trasferiment, aċċess jew użu mhux awtorizzat tad-data mhux personali li tkun ikkondividiet.

6.   Meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta tal-altruwiżmu fir-rigward tad-data tiffaċilita l-ipproċessar tad-data minn partijiet terzi, inkluż billi tipprovdi għodod għall-ksib ta’ kunsens minn suġġetti tad-data jew permessi biex tiġi pproċessata data magħmula disponibbli minn detenturi tad-data, hija għandha, fejn ikun rilevanti, tispeċifika l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li fiha jkun maħsub li jsir l-użu tad-data.


whereas









keyboard_arrow_down