search


keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2023/2841 MT cercato: 'ir-rispons' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index ir-rispons:


whereas ir-rispons:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 619

 

Artikolu 13

Missjoni u kompiti tas-CERT-UE

1.   Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.

2.   Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.

3.   Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:

(a)

jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB;

(b)

joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi);

(c)

iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18;

(d)

iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni;

(e)

abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA;

(f)

jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar;

(g)

jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(h)

jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.

4.   Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-Artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka;

(c)

intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni;

(d)

dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE.

5.   Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.

6.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):

(a)

servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja;

(b)

servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB;

(c)

fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali;

(d)

servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.

7.   Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.

8.   Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

9.   Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.

10.   Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).

11.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

12.   Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.

Artikolu 21

Obbligi ta’ rapportar

1.   Inċident għandu jitqies li huwa sinifikanti jekk:

(a)

ikun ikkawża jew kapaċi jikkawża tfixkil operazzjonali gravi fil-funzjonament tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, jew telf finanzjarju għaliha;

(b)

ikun affettwa jew kapaċi jaffettwa lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra billi jikkawża dannu materjali jew mhux materjali konsiderevoli.

2.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jissottomettu lis-CERT-UE:

(a)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, twissija bikrija, li, meta applikabbli, għandha tindika li l-inċident sinifikanti huwa ssuspettat li ġie kkawżat minn atti illegali jew malizzjużi jew jista’ jkollu impatt li jolqot lil diversi entitajiet jew impatt transfruntier;

(b)

mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-inċident sinifikanti, notifika tal-inċident, li, meta applikabbli, għandha taġġorna l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u tindika valutazzjoni inizjali tal-inċident sinifikanti, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu, kif ukoll, meta disponibbli, l-indikaturi ta’ kompromess;

(c)

fuq talba tas-CERT-UE, rapport intermedju dwar aġġornamenti rilevanti tal-istatus;

(d)

rapport finali mhux aktar tard minn xahar wara s-sottomissjoni tan-notifika tal-inċident skont il-punt (b), li jinkludi dan li ġej:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tal-inċident, inklużi s-severità u l-impatt tiegħu;

(ii)

it-tip ta’ theddida jew il-kawża ewlenija li aktarx wasslet għall-inċident;

(iii)

miżuri ta’ mitigazzjoni applikati u fis-seħħ;

(iv)

meta applikabbli, l-impatt transfruntier jew li jolqot lil diversi entitajiet tal-inċident;

(e)

fil-każ ta’ inċident li jkun għaddej fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-rapport finali msemmi fil-punt (d), rapport tal-progress f’dak iż-żmien u rapport finali fi żmien xahar minn meta jittrattaw l-inċident.

3.   Entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta ssir taf b’inċident sinifikanti, tinforma lil kwalunkwe kontroparti rilevanti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1) fl-Istat Membru fejn tkun tinsab li seħħ inċident sinifikanti.

4.   L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw, fost l-oħrajn, kwalunkwe informazzjoni li tippermetti lis-CERT-UE jiddetermina kwalunkwe impatt li jolqot lil diversi entitajiet, impatt fuq l-Istat Membru ospitanti jew impatt transfruntier wara inċident sinifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, is-sempliċi att ta’ notifika ma għandux jimponi żieda fir-responsabbiltà għall-entità tal-Unjoni.

5.   Meta applikabbli, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-utenti tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni affettwati, jew ta’ komponenti oħra tal-ambjent tal-ICT, li jkunu potenzjalment affettwati minn inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti, u, meta xieraq, jeħtieġ li jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni, kwalunkwe miżura jew rimedju li jistgħu jieħdu b’rispons għal dak l-inċident jew dik it-theddida. Meta jkun xieraq, l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jinfurmaw lil dawk l-utenti bit-theddida ċibernetika sinifikanti nnifisha.

6.   Meta inċident sinifikanti jew theddida ċibernetika sinifikanti jaffettwaw network u sistema tal-informazzjoni, jew komponent tal-ambjent tal-ICT ta’ entità tal-Unjoni li tkun konxjament konnessa ma’ ambjent tal-ICT ta’ entità oħra tal-Unjoni, is-CERT-UE għandu joħroġ ċiberallert rilevanti.

7.   L-entitajiet tal-Unjoni, fuq talba tas-CERT-UE, għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jagħtu lis-CERT-UE informazzjoni diġitali maħluqa bl-użu ta’ apparati elettroniċi involuti fl-inċidenti rispettivi tagħhom. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi aktar dettalji tat-tipi ta’ informazzjoni li jeħtieġ għall-għarfien tas-sitwazzjoni u għar-rispons għall-inċidenti.

8.   Is-CERT-UE għandu jissottometti lill-IICB, lill-ENISA, lill-INTCEN tal-UE u lin-network ta’ CSIRTs, kull tliet xhur, rapport ta’ sinteżi li jinkludi data anonimizzata u aggregata dwar inċidenti, theddid ċibernetiku sinifikanti, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet sinifikanti skont l-Artikolu 20 u inċidenti sinifikanti notifikati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Ir-rapport ta’ sinteżi għandu jikkostitwixxi input għar-rapport biennali dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni adottat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

9.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, l-IICB għandu joħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet li jispeċifikaw aktar l-arranġamenti għar-rapportar skont dan l-Artikolu, u l-format u l-kontenut tiegħu. Meta jħejji tali linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, l-IICB għandu jqis kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 23(11) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 li jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni, il-format u l-proċedura tan-notifiki. Is-CERT-UE għandu jxerred id-dettalji tekniċi xierqa biex jippermetti d-detezzjoni proattiva, ir-rispons għall-inċidenti jew il-miżuri ta’ mitigazzjoni mill-entitajiet tal-Unjoni.

10.   L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:

(a)

għall-EUCI;

(b)

għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu.

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti

1.   Meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:

(a)

l-entitajiet tal-Unjoni;

(b)

il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18.

2.   Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:

(a)

kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti;

(b)

appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post;

(c)

l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali;

(d)

koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni.

3.   Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

4.   Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.

5.   Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-Artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.


whereas









keyboard_arrow_down