keyboard_tab Cyber Resilience Act 2023/2841 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 3 Definizzjonijiet
- 2 Artikolu 6 Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà
- 2 Artikolu 8 Miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà
- 1 Artikolu 9 Pjanijiet taċ-ċibersigurtà
- 2 Artikolu 13 Missjoni u kompiti tas-CERT-UE
- 2 Artikolu 18 Kooperazzjoni tas-CERT-UE ma’ kontropartijiet oħra
- 1 Artikolu 20 Arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà
- 1 Artikolu 22 Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU II
MIŻURI GĦAL LIVELL KOMUNI GĦOLI TA’ ĊIBERSIGURTÀ
KAPITOLU III
BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ
KAPITOLU IV
CERT-UE
KAPITOLU V
OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 134
- tal-unjoni 83
- taċ-ċibersigurtà 52
- għandu 45
- dwar 38
- jista’ 19
- inċidenti 18
- informazzjoni 18
- fl-artikolu 18
- meta 18
- entità 18
- livell 18
- is-cert-ue 17
- ue / 16
- il-punt 16
- ir-regolament 15
- is-cert-ue 15
- skont 15
- tfisser 15
- tal-informazzjoni 14
- minn 14
- tal-ict 13
- ma’ 13
- biex 13
- għal 13
- tar-riskji 13
- tal-entità 12
- definit 12
- tad-direttiva 12
- inkluż 12
- iċ-ċibersigurtà 12
- ċibernetiku 12
- tagħha 12
- tagħhom 12
- kull 12
- kwalunkwe 11
- mingħajr 10
- servizzi 10
- rilevanti 10
- tiegħu 10
- bażi 10
- għandha 9
- l-artikolu 9
- permezz 9
- l-entità 8
- speċifiċi 8
- maniġment 8
- dawk 8
- inċident 8
- tas-cert-ue 8
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) | “entitajiet tal-Unjoni” tfisser l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jew mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, jew skonthom; |
(2) | “network u sistema tal-informazzjoni” tfisser network u sistema tal-informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(3) | “sigurtà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni” tfisser is-sigurtà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(4) | “ċibersigurtà” tfisser iċ-ċibersigurtà kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/881; |
(5) | “l-ogħla livell ta’ maniġment” tfisser maniġer, korp maniġerjali jew korp ta’ koordinazzjoni u sorveljanza li huwa responsabbli għall-funzjonament ta’ entità tal-Unjoni, fl-aktar livell amministrattiv għoli, b’mandat li jadotta jew jawtorizza deċiżjonijiet f’konformità mal-arranġamenti ta’ governanza ta’ livell għoli ta’ dik l-entità tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet formali ta’ livelli oħra ta’ maniġment għall-konformità u l-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà fl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom; |
(6) | “kważi inċident” tfisser kważi inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(7) | “inċident” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(8) | “inċident kbir” tfisser inċident li jikkawża livell ta’ tfixkil li jeċċedi l-kapaċità ta’ entità tal-Unjoni u tas-CERT-UE li jirrispondu għalih jew li jkollu impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ entitajiet tal-Unjoni; |
(9) | “inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira” tfisser inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (7), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(10) | “trattament tal-inċident” tfisser it-trattament tal-inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt 8, tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(11) | “theddida ċibernetika” tfisser theddida ċibernetika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/881; |
(12) | “theddida ċibernetika sinifikanti” tfisser theddida ċibernetika sinifikanti kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(13) | “vulnerabbiltà” tfisser vulnerabbiltà kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (15), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(14) | “riskju taċ-ċibersigurtà” tfisser riskju kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(15) | “servizz tal-cloud computing” tfisser servizz tal-cloud computing kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (30), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. |
Artikolu 6
Qafas għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà
1. Sat-8 ta’ April 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, wara li twettaq rieżami inizjali taċ-ċibersigurtà, bħal awditu, tistabbilixxi qafas intern għall-ġestjoni, il-governanza u l-kontroll tar-riskji taċ-ċibersigurtà (il-“Qafas”). L-istabbiliment tal-Qafas għandu jiġi ssorveljat mill-ogħla livell ta’ maniġment tal-entità tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
2. Il-qafas għandu jkopri l-ambjent tal-ICT mhux klassifikat kollu tal-entità tal-Unjoni kkonċernata, inkluż kwalunkwe ambjent tal-ICT fuq il-post, network tat-teknoloġija operazzjonali, assi u servizzi esternalizzati f’ambjenti tal-cloud computing jew ospitati minn partijiet terzi, apparati mobbli, networks korporattivi, networks tan-negozju mhux konnessi mal-internet u kwalunkwe apparat konness ma’ dawk l-ambjenti (“ambjent tal-ICT”). Il-Qafas għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jkopri l-perikli kollha.
3. Il-Qafas għandu jiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà. Il-Qafas għandu jistabbilixxi politiki interni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi objettivi u prijoritajiet, għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni, u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigat li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Il-Qafas għandu jinkludi wkoll mekkaniżmi biex titkejjel l-effettività tal-implimentazzjoni.
4. Il-Qafas għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, fid-dawl tar-riskji taċ-ċibersigurtà li jinbidlu, u mill-inqas kull erba’ snin. Meta xieraq u wara talba mill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10, Qafas ta’ entità tal-Unjoni jista’ jiġi aġġornat abbażi tal-gwida tas-CERT-UE dwar inċidenti identifikati jew lakuni possibbli osservati fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
5. L-ogħla livell ta’ ġestjoni ta’ kull entità tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jissorvelja l-konformità tal-organizzazzjoni tiegħu mal-obbligi relatati mal-Qafas.
6. Meta xieraq u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni jista’ jiddelega obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament lil uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra f’livell ekwivalenti, fl-entità tal-Unjoni kkonċernata. Irrispettivament minn kwalunkwe delega bħal din, l-ogħla livell ta’ maniġment jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-entità tal-Unjoni kkonċernata.
7. Kull entità tal-Unjoni għandu jkollha mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex jiżguraw li perċentwal adegwat tal-baġit tal-ICT jintefaq fuq iċ-ċibersigurtà. Meta jiġi stabbilit dak il-perċentwal għandu jittieħed kont debitu tal-Qafas.
8. Kull entità tal-Unjoni għandha taħtar uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà jew funzjoni ekwivalenti, li għandu jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha fir-rigward tal-aspetti kollha taċ-ċibersigurtà. L-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jirrapporta direttament lill-ogħla livell ta’ maniġment fuq bażi regolari dwar l-istat tal-implimentazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà bħala l-punt uniku ta’ kuntatt f’kull entità tal-Unjoni, entità tal-Unjoni tista’ tiddelega ċerti kompiti tal-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lis-CERT-UE abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz konkluż bejn dik l-entità tal-Unjoni u s-CERT-UE, jew dawk il-kompiti jistgħu jiġu kondiviżi bejn diversi entitajiet tal-Unjoni. Meta dawk il-kompiti jiġu delegati lis-CERT-EU, il-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10 għandu jiddeċiedi jekk il-forniment ta’ dak is-servizz għandux ikun parti mis-servizzi tal-linja bażi tas-CERT-UE, b’kont meħud tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-entità tal-Unjoni kkonċernata. Kull entità tal-Unjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lis-CERT-EU dwar l-uffiċjal lokali taċ-ċibersigurtà maħtur u kwalunkwe bidla sussegwenti tiegħu.
Is-CERT-UE għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata lista tal-uffiċjali lokali taċ-ċibersigurtà maħtura.
9. L-uffiċjali għolja skont it-tifsira tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew uffiċjali oħra ta’ livell ekwivalenti ta’ kull entità tal-Unjoni, kif ukoll il-membri rilevanti tal-persunal inkarigati bl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u bl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom isegwu taħriġ speċifiku fuq bażi regolari bil-għan li jiksbu għarfien u ħiliet suffiċjenti sabiex jifhmu u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet tal-entità tal-Unjoni.
Artikolu 8
Miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà
1. Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sat-8 ta’ Settembru 2025, kull entità tal-Unjoni għandha, taħt is-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ maniġment tagħha, tieħu miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jiġu ġestiti r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fl-ambitu tal-Qafas, u biex tipprevjeni u/jew timminimizza l-impatt tal-inċidenti. B’kont meħud tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u, meta applikabbli, tal-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti, dawk il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni fl-ambjent tal-ICT kollu kemm hu proporzjonat mar-riskji taċ-ċibersigurtà kkawżati. Meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri, għandu jittieħed kont debitu tal-grad tal-espożizzjoni tal-entità tal-Unjoni għar-riskji taċ-ċibersigurtà, id-daqs tagħha, il-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ inċidenti u tas-severità tagħhom, inkluż l-impatt soċjetali, ekonomiku u interistituzzjonali tagħhom.
2. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jindirizzaw mill-inqas l-oqsma li ġejjin fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà:
(a) | il-politika taċ-ċibersigurtà, inklużi l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6 u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu; |
(b) | il-politiki dwar l-analiżi tar-riskji taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni; |
(c) | l-objettivi ta’ politika rigward l-użu tas-servizzi tal-cloud computing; |
(d) | l-awditu taċ-ċibersigurtà, meta xieraq, li jista’ jinkludi valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà, tal-vulnerabbiltà u tat-theddid ċibernetiku, u ttestjar tal-penetrazzjoni mwettaq minn fornitur privat fdat fuq bażi regolari; |
(e) | l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi taċ-ċibersigurtà msemmija fil-punt (d) permezz ta’ aġġornamenti taċ-ċibersigurtà u tal-politika; |
(f) | l-organizzazzjoni taċ-ċibersigurtà, inkluż l-istabbiliment tar-rwoli u r-responsabbiltajiet; |
(g) | l-immaniġġar ta’ assi, inkluż l-inventarju tal-assi tal-ICT u l-kartografija tan-network tal-ICT; |
(h) | is-sigurtà tar-riżorsi umani u l-kontroll tal-aċċess; |
(i) | is-sigurtà operazzjonali tan-network; |
(j) | is-sigurtà tal-komunikazzjoni; |
(k) | l-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistema, inklużi l-politiki dwar it-trattament u d-divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet; |
(l) | meta jkun possibbli, il-politiki dwar it-trasparenza tal-kodiċi sors; |
(m) | is-sigurtà tal-katina tal-provvista, inkluż l-aspetti relatati mas-sigurtà li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn kull entità tal-Unjoni u l-fornituri diretti jew il-fornituri ta’ servizzi diretti tagħha. |
(n) | it-trattament tal-inċidenti u l-kooperazzjoni mas-CERT-UE, bħall-manutenzjoni tal-monitoraġġ tas-sigurtà u reġistrazzjonijiet; |
(o) | il-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat, bħall-ġestjoni ta’ riżerva u l-irkupru minn diżastri, u l-ġestjoni tal-kriżijiet; u |
(p) | il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni, ħiliet, sensibilizzazzjoni, eżerċizzju u taħriġ fil-qasam taċ-ċibersigurtà. |
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (m), l-entitajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għal kull fornitur dirett u kull fornitur ta’ servizzi dirett u l-kwalità ġenerali tal-prodotti u l-prattiki taċ-ċibersigurtà tal-fornituri u l-fornituri tas-servizzi tagħhom, inkluż il-proċeduri ta’ żvilupp siguri tagħhom.
3. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom jieħdu mill-inqas il-miżuri speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà li ġejjin:
(a) | l-arranġamenti tekniċi li jippermettu u jsostnu t-telexogħol; |
(b) | passi konkreti li jimxu lejn prinċipji ta’ fiduċja żero; |
(c) | l-użu tal-awtentikazzjoni b’diversi fatturi bħala norma fin-network u s-sistema tal-informazzjoni; |
(d) | l-użu tal-kriptografija u l-kriptaġġ, b’mod partikolari l-kriptaġġ minn tarf sa tarf, kif ukoll l-iffirmar diġitali sigur; |
(e) | meta xieraq, l-użu ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi, bil-vidjo u bil-kitba siguri, u sistemi ta’ komunikazzjonijiet ta’ emerġenza siguri fi ħdan l-entità tal-Unjoni; |
(f) | miżuri proattivi għad-detezzjoni u t-tneħħija ta’ malware u spyware; |
(g) | l-istabbiliment ta’ sigurtà tal-katina tal-provvista tas-software permezz ta’ kriterji għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni ta’ software sigur; |
(h) | l-istabbiliment u l-adozzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà proporzjonati għall-kompiti preskritti u l-kapaċitajiet mistennija għall-ogħla livell ta’ maniġment u l-membri tal-persunal tal-entità tal-Unjoni inkarigati biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament; |
(i) | it-taħriġ regolari dwar iċ-ċibersigurtà tal-membri tal-persunal; |
(j) | fejn rilevanti, il-parteċipazzjoni fl-analiżijiet tar-riskji tal-interkonnettività bejn l-entitajiet tal-Unjoni; |
(k) | it-titjib tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku għall-faċilitazzjoni ta’ livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà permezz ta’:
|
Artikolu 9
Pjanijiet taċ-ċibersigurtà
1. Wara l-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-maturità taċ-ċibersigurtà mwettqa skont l-Artikolu 7 u waqt li jitqiesu l-assi u r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fil-Qafas kif ukoll il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà meħuda skont l-Artikolu 8, l-ogħla livell ta’ maniġment ta’ kull entità tal-Unjoni għandu japprova pjan taċ-ċibersigurtà mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sat-8 ta’ Jannar 2026. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jkollu l-għan li jżid iċ-ċibersigurtà kumplessiva tal-entità tal-Unjoni kkonċernata u b’hekk għandu jikkontribwixxi għat-titjib ta’ livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fi ħdan l-entitajiet tal-Unjoni. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu mill-inqas jinkludi l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà meħuda skont l-Artikolu 8. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jiġi rrivedut kull sentejn, jew aktar ta’ spiss fejn neċessarju, wara l-valutazzjonijiet tal-maturità taċ-ċibersigurtà mwettqa skont l-Artikolu 7 jew wara kwalunkwe rieżami sostanzjali tal-Qafas.
2. Il-pjan taċ-ċibersigurtà għandu jinkludi l-pjan ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi tal-entità tal-Unjoni għal inċidenti kbar.
3. L-entità tal-Unjoni għanda tissottometti l-pjan taċ-ċibersigurtà komplut lill-Bord Interistituzzjonali taċ-Ċibersigurtà stabbilit skont l-Artikolu 10.
KAPITOLU III
BORD INTERISTITUZZJONALI TAĊ-ĊIBERSIGURTÀ
Artikolu 13
Missjoni u kompiti tas-CERT-UE
1. Il-missjoni tas-CERT-UE għandha tkun li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ambjent tal-ICT mhux klassifikat tal-entitajiet tal-Unjoni, billi jgħinhom fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fil-ġestjoni, fil-mitigazzjoni u fir-rispons għall-inċidenti u l-irkupru minnhom, u billi jaġixxi bħaċ-ċentru tagħhom ta’ koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u tar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà.
2. Is-CERT-UE għandu jiġbor, jamministra, janalizza u jikkondividi informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni dwar theddidiet, vulnerabbiltajiet u inċidenti f’infrastruttura tal-ICT mhux klassifikata. Għandu jikkoordina r-risponsi għal inċidenti fil-livell interistituzzjonali u fil-livell tal-entitajiet tal-Unjoni, inkluż billi jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ assistenza operazzjonali speċjalizzata.
3. Is-CERT-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin biex jassisti lill-entitajiet tal-Unjoni:
(a) | jappoġġjahom fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 14(1) jew permezz ta’ rapporti ad hoc mitluba mill-IICB; |
(b) | joffri servizzi standard tas-CSIRT lill-entitajiet tal-Unjoni permezz ta’ pakkett ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi tal-linja bażi); |
(c) | iżomm network ta’ pari u sħab sabiex jappoġġjaw is-servizzi kif deskritti fl-Artikoli 17 u 18; |
(d) | iġib għall-attenzjoni tal-IICB kwalunkwe problema relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u mal-implimentazzjoni tal-linji gwida, tar-rakkomandazzjonijiet u tas-sejħiet għal azzjoni; |
(e) | abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA; |
(f) | jikkoordina l-ġestjoni ta’ inċidenti kbar; |
(g) | jaġixxi f’isem l-entitajiet tal-Unjoni bħala l-ekwivalenti tal-koordinatur iddeżinjat għall-finijiet ta’ divulgazzjoni kkoordinata tal-vulnerabbiltajiet skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555; |
(h) | jipprovdi, fuq talba ta’ entità tal-Unjoni, skennjar proattiv mhux intrużiv tan-network u s-sistemi tal-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ dik l-entità tal-Unjoni. |
L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), għandha tiġi kondiviża mal-IICB, man-network ta’ CSIRTs u maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE), meta applikabbli u xieraq, u soġġett għal kundizzjonijiet xierqa ta’ kunfidenzjalità.
4. Is-CERT-UE jista’, f’konformità mal-Artikolu 17 jew 18, kif xieraq, jikkoopera mal-komunitajiet taċ-ċibersigurtà rilevanti fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, inkluż fl-oqsma li ġejjin:
(a) | it-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-inċidenti, l-iskambju ta’ informazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tekniku dwar każijiet marbuta mal-entitajiet tal-Unjoni; |
(b) | il-kooperazzjoni operazzjonali rigward in-network ta’ CSIRTs, inkluż fir-rigward tal-assistenza reċiproka; |
(c) | intelligence dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż l-għarfien tas-sitwazzjoni; |
(d) | dwar kwalunkwe suġġett li jeħtieġ l-għarfien espert tekniku dwar iċ-ċibersigurtà tas-CERT-UE. |
5. Fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, is-CERT-UE għandu jinvolvi ruħu f’kooperazzjoni strutturata mal-ENISA dwar il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni operazzjonali u l-analiżijiet strateġiċi fit-tul tat-theddid ċibernetiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/881. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera u jiskambja informazzjoni maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol.
6. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi s-servizzi li ġejjin mhux deskritti fil-katalgu tas-servizzi tiegħu (servizzi bi ħlas):
(a) | servizzi li jappoġġjaw iċ-ċibersigurtà tal-ambjent tal-ICT tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz u soġġett għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari monitoraġġ tan-networks fuq firxa wiesgħa, inkluż monitoraġġ tal-ewwel linja 24/7 għal theddid ċibernetiku ta’ severità għolja; |
(b) | servizzi li jappoġġjaw operazzjonijiet jew proġetti taċ-ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni, għajr dawk li jipproteġu l-ambjent tal-ICT tagħhom, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB; |
(c) | fuq talba, skennjar proattiv tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni tal-entità tal-Unjoni kkonċernata biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet b’impatt sinifikanti potenzjali; |
(d) | servizzi li jappoġġjaw is-sigurtà tal-ambjent tal-ICT tagħhom lil organizzazzjonijiet għajr l-entitajiet tal-Unjoni li jikkooperaw mill-qrib mal-entitajiet tal-Unjoni, pereżempju bl-assenjar ta’ kompiti jew responsabbiltajiet skont il-liġi tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ ftehimiet bil-miktub u bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB. |
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), is-CERT-UE jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jidħol f’arranġamenti fil-livell tas-servizzi ma’ entitajiet oħra għajr l-entitajiet tal-Unjoni bl-approvazzjoni minn qabel tal-IICB.
7. Is-CERT-UE għandu jorganizza eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, u jista’ jipparteċipa fihom, jew jirrakkomanda l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji eżistenti, meta applikabbli f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, biex jittestja l-livell ta’ ċibersigurtà tal-entitajiet tal-Unjoni.
8. Is-CERT-UE jista’ jipprovdi assistenza lill-entitajiet tal-Unjoni rigward inċidenti fin-networks u s-sistemi tal-informazzjoni li jamministraw l-EUCI meta jkun espliċitament mitlub jagħmel dan mill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-għoti ta’ assistenza mis-CERT-UE skont dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.
9. Is-CERT-UE għandu jinforma lill-entitajiet tal-Unjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi tiegħu ta’ trattament tal-inċidenti.
10. Is-CERT-UE għandu jikkontribwixxi, b’livell għoli ta’ kunfidenzjalità u affidabbiltà, permezz tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u l-linji ta’ rapportar xierqa, informazzjoni rilevanti u anonimizzata dwar inċidenti kbar u l-mod li bih ġew ittrattati. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(14).
11. Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mal-KEPD, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati meta jindirizzaw inċidenti li jirriżultaw fi ksur tad-data personali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u l-kompiti tal-KEPD bħala awtorità superviżorja skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
12. Jekk jintalab espressament mid-dipartimenti tal-politika tal-entitajiet tal-Unjoni, is-CERT-UE jista’ jagħti parir jew input tekniku dwar kwistjonijiet ta’ politika rilevanti.
Artikolu 18
Kooperazzjoni tas-CERT-UE ma’ kontropartijiet oħra
1. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ kontropartijiet fl-Unjoni għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 17 li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ċibersigurtà tal-Unjoni, inklużi kontropartijiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, dwar għodod u metodi, bħal tekniki, tattiki, proċeduri u l-aħjar prattiki, u dwar it-theddid ċibernetiku u l-vulnerabbiltajiet. Għall-kooperazzjoni kollha ma’ tali kontropartijiet, is-CERT-UE għandu jitlob approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ. Meta s-CERT-UE jistabbilixxi kooperazzjoni ma’ tali kontropartijiet, għandu jinforma lil kwalunkwe kontroparti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17(1), fl-Istat Membru li fih il-kontroparti tkun tinsab. Meta applikabbli u xieraq, tali kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha, inkluż rigward iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-immaniġġar tal-informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti f’arranġamenti speċifiċi ta’ kunfidenzjalità bħal kuntratti jew arranġamenti amministrattivi. Il-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità ma għandhomx jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-IICB, iżda l-President tal-IICB għandu jiġi infurmat. Fil-każ ta’ ħtieġa urġenti u imminenti li tiġi skambjata informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-interessi tal-entitajiet tal-Unjoni jew ta’ parti oħra, is-CERT-UE jista’ jagħmel dan ma’ entità li l-kompetenza, il-kapaċità u l-għarfien espert speċifiċi tagħha jkunu meħtieġa b’mod ġustifikabbli biex tassisti b’tali ħtieġa urġenti u imminenti, anki jekk is-CERT-UE ma jkollux arranġament ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ ma’ dik l-entità. F’każijiet bħal dawn, is-CERT-UE għandu jinforma minnufih lill-President tal-IICB, u għandu jirrapporta lill-IICB permezz ta’ rapporti jew laqgħat regolari.
2. Is-CERT-UE jista’ jikkoopera ma’ sħab, bħal entitajiet kummerċjali, inklużi entitajiet speċifiċi għas-settur tal-industrija, organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet nazzjonali mhux tal-Unjoni jew esperti individwali, biex jiġbor informazzjoni dwar theddid ċibernetiku ġenerali u speċifiku, kważi inċidenti, vulnerabbiltajiet u kontromiżuri possibbli. Għal kooperazzjoni usa’ ma’ sħab bħal dawn, is-CERT-UE għandu jfittex approvazzjoni minn qabel mill-IICB fuq bażi ta’ każ b’każ.
3. Is-CERT-UE jista’, bil-kunsens tal-entità tal-Unjoni affettwata minn inċident u dment li jkun fis-seħħ arranġament jew kuntratt ta’ nondivulgazzjoni mal-kontroparti jew is-sieħeb rilevanti, jipprovdi informazzjoni relatata mal-inċident speċifiku lill-kontropartijiet jew lis-sħab imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 unikament għall-fini li jikkontribwixxi għall-analiżi tiegħu.
KAPITOLU V
OBBLIGI TA’ KOOPERAZZJONI U TA’ RAPPORTAR
Artikolu 20
Arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà
1. L-entitajiet tal-Unjoni jistgħu, fuq bażi volontarja, jinnotifikaw lis-CERT-UE dwar inċidenti, theddid ċibernetiku, kważi inċidenti u vulnerabbiltajiet li jaffettwawhom, u jagħtuh informazzjoni dwarhom. Is-CERT-UE għandu jiżgura li jkunu disponibbli mezzi ta’ komunikazzjoni, b’livell għoli ta’ traċċabbiltà, kunfidenzjalità u affidabbiltà, għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-entitajiet tal-Unjoni. Meta jipproċessa n-notifiki, is-CERT-UE jista’ jagħti prijorità lill-ipproċessar tan-notifiki obbligatorji minflok lin-notifiki volontarji. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, in-notifika volontarja ma għandhiex tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ xi obbligu addizzjonali fuq l-entità tal-Unjoni li tirrapporta li ma kinitx tkun soġġetta għalih kieku ma saritx dik in-notifika.
2. Biex iwettaq il-missjoni u l-kompiti tiegħu mogħtija skont l-Artikolu 13, is-CERT-UE jista’ jitlob lill-entitajiet tal-Unjoni jipprovdulu informazzjoni mill-inventarji tas-sistemi tal-ICT rispettivi tagħhom, inkluża informazzjoni relatata mat-theddid ċibernetiku, il-kważi inċidenti, il-vulnerabbiltajiet, l-indikaturi ta’ kompromess, iċ-ċiberallerti u r-rakkomandazzjonijiet rigward il-konfigurazzjoni tal-għodod taċ-ċibersigurtà biex jiġu identifikati l-inċidenti. L-entità mitluba tal-Unjoni għandha tibgħat l-informazzjoni mitluba, u kwalunkwe aġġornament sussegwenti tagħha, mingħajr dewmien żejjed.
3. Is-CERT-UE jista’ tiskambja informazzjoni speċifika għall-inċident ma’ entitajiet tal-Unjoni li tiżvela l-identità tal-entità tal-Unjoni affettwata mill-inċident, dment li l-entità tal-Unjoni affettwata tagħti l-kunsens tagħha. Meta entità tal-Unjoni ma tagħtix il-kunsens tagħha, għandha tagħti lis-CERT-UE raġunijiet li jissostanzjaw dik id-deċiżjoni.
4. L-entitajiet tal-Unjoni għandhom, fuq talba, jikkondividu informazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar it-tlestija tal-pjanijiet taċ-ċibersigurtà.
5. L-IICB jew is-CERT-UE, kif applikabbli, għandu, fuq talba, jikkondividi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u sejħiet għal azzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.
6. L-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx jestendu:
(a) | għall-EUCI; |
(b) | għal informazzjoni li d-distribuzzjoni ulterjuri tagħha ġiet eskluża permezz ta’ mmarkar viżibbli, sakemm il-kondiviżjoni tagħha mas-CERT-UE ma tkunx ġiet permessa b’mod espliċitu. |
Artikolu 22
Koordinazzjoni u kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti
1. Meta jaġixxi bħala ċentru ta’ koordinazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u tar-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi, is-CERT-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tat-theddid ċibernetiku, il-vulnerabbiltajiet u l-kważi inċidenti bejn:
(a) | l-entitajiet tal-Unjoni; |
(b) | il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18. |
2. Is-CERT-UE, meta rilevanti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni fost l-entitajiet tal-Unjoni dwar ir-rispons għall-inċidenti, inklużi:
(a) | kontribuzzjoni għal komunikazzjoni esterna konsistenti; |
(b) | appoġġ reċiproku, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għall-entitajiet tal-Unjoni, jew l-għoti ta’ assistenza, meta rilevanti direttament fuq il-post; |
(c) | l-aħjar użu tar-riżorsi operazzjonali; |
(d) | koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi oħra ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni. |
3. Is-CERT-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA, għandu jappoġġja lill-entitajiet tal-Unjoni rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni ta’ theddid ċibernetiku, vulnerabbiltajiet u kważi inċidenti kif ukoll jikkondividi żviluppi reċenti fil-qasam taċ-ċibersigurtà.
4. Sat-8 ta’ Jannar 2025, l-IICB, abbażi ta’ proposta tas-CERT-UE, għandu jadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tar-rispons għal inċidenti sinifikanti. Jekk ikun hemm suspett ta’ natura kriminali b’rabta ma’ inċident, is-CERT-UE għandu jagħti pariri dwar kif għandu jiġi rrapportat l-inċident lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed.
5. Wara talba speċifika minn Stat Membru u bl-approvazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni kkonċernati, is-CERT-UE jista’ jitlob esperti mil-lista msemmija fl-Artikolu 23(4), biex jikkontribwixxu għar-rispons għal inċident kbir li jkollu impatt f’dak l-Istat Membru, jew inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira f’konformità mal-Artikolu 15(3), il-punt (g), tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal esperti tekniċi u l-użu tagħhom minn entitajiet tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-IICB abbażi ta’ proposta mis-CERT-UE.
whereas